MESSAĠĠ MILL-ONOR. FRANCIS ZAMMIT DIMECH, MINISTRU GĦAT-TURIŻMU U KULTURA FL-OKKAŻJONI TAL-JUM DINJI TAT-TURIŻMU
It-turiżmu u l-isport b’miri komuni
Malta llum tingħaqad mal-bqija tad-dinja biex tfakkar il-Jum Dinji tat-Turiżmu. Dan il-jum jiġi mfakkar kull sena fis-27 ta’ Settembru biex jikkoinċidi ma’ data importanti għat-turiżmu fid-dinja: l-anniversarju ta’ l-addatazzjoni ta’ l-Istatut ta’ l-Organizzazzjoni Dinjija tat-Turiżmu fl-1970.
Ġimgħa ilu Malta fakkret l-40 anniversarju ta’ l-Indipendenza. L-Indipendenza ġabet magħha diversifikazzjoni qawwija ta’ l-ekonomija Maltija mibnija fuq żewġ pilastri: il-pilastru tal-manifattura u l-pilastru tat-turiżmu. Fl-1964 is-settur turistiku kien għadu kif beda jinbena. Dik is-sena żaru pajjiżna 37,573 turist li li qagħdu fis-36 lukanda li kien hawn pajjiżna u li bejniethom kellhom 2,360 sodda. Is-sena l-oħra żaru pajjiżna 1,126,601 turist li qagħdu fil-130 lukandi, minbarra l-villaġġi turistiċi u kumplessi li bejniethom kellhom 40,000 sodda. Ma’ dawn il-lukandi għandna f’pajjiżna elf ristorant u numru impressjonanti ta’ stabbilimenti ta’ divertiment li jagħtu lit-turist dak kollu li jkun irid isib biex iqatta’ vaganza kif jixtieq.
Mit-turiżmu jiekol kulħadd. Minn studju kummissjonat dwar l-impatt ta’ l-industrja tat-turiżmu fuq l-ekonomija nazzjonali, jirriżulta li t-turiżmu jikkontribwixxi kwart ta’ l-ekonomija tagħna, 28 fil-mija ta’ l-impjiegi, ekwivalenti għal madwar 40,000 impjieg. It-turiżmu jikkontribwixxi wkoll 22 fil-mija tad-dħul tal-Gvern. L-importanza tas-settur turistiku f’pajjiżna toħroġ ukoll mill-fatt li Malta hi l-aktar pajjiż li jiddependi minn dan is-settur fost il-pajjiżi membri kollha ta’ l-Unjoni Ewropea, fost il-15 li kienu jiffurmaw l-UE qabel l-1 ta’ Mejju ta’ din is-sena u fost il-10 li ssieħbu din is-sena.
L-importanza tas-settur turistiku għall-ekonomija nazzjonali fehma sew il-Gvern kif ukoll is-settur privat. Stħarriġ magħmul mill-World Travel & Tourism Council jindika li fost l-10 pajjiżi membri ġodda ta’ l-Unjoni Ewropea l-Gvern Malti hu l-aktar li jonfoq għas-settur tat-turiżmu u l-ivvjaġġar bħala perċentwali tal-konsum tal-Gvern. In-nefqa tal-Gvern Malti għal dan is-settur hi ta’ 3.4 fil-mija meta l-medja ta’ l-Unjoni Ewropea hi ta’ 1.9 fil-mija. Il-Gvern jikkontribwixxi Lm8.5 miljun fis-sena lill-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu. Il-Gvern jonfoq miljuni oħra għal proġetti ta’ tisbiħ, ta’ riabilitazzjoni u restawr. Jinvesti bil-qawwa għall-infrastruttura – għat-toroq, għall-elettriku u l-ilma u għal dak kollu meħtieġ biex ngħollu l-livell tal-għajxien.
Is-settur privat ukoll jagħti sehem qawwi biex is-settur turistiku ikompli jiġi modernizzat u jkun f’qagħda li jikkompeti mal-pajjiżi ġirien tagħna lejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar ta’ Malta. Bħalissa s-settur privat qed iwettaq 16-il proġett ta’ bini ta’ lukandi ġodda jew ta’ estensjonijiet ta’ lukandi eżistenti. Bejniethom dawn qed jinvestu Lm51 miljun għal żieda ta’ 412-il sodda f’lukandi 5 Star, 2,012 il-sodda f’lukandi 4 Star u 130 sodda f’lukandi 3 Star. Fl-istess waqt l-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu approvat żewġ proġetti għal self catering clusters b’investiment ta’ Lm3 miljun. Hemm tlett proġetti kbar relatati mat-turiżmu li qed jattiraw madwar Lm170 miljun ta’ investiment privat. Dawn huma l-proġett għall-iżvilupp tal-Ponta ta’ Tigne u Manoel Island; il-proġett tal-Kottonera u l-Cruise Liner Passenger Terminal.
Dan kollu juri li minkejja li matul dawn l-aħħar tlett snin is-settur turistiku naqqas fin-numru ta’ dawk li żaruna għal sena wara l-oħra, il-Gvern u l-privat – għaliex għandhom fiduċja fis-settur turistiku – baqgħu jinvestu f’dan is-settur hekk importanti għall-ekonomija nazzjonali.
Is-settur turistiku internazzjonali mill-11 ta’ Settembru 2001 – il-jum li fih sar l-attakk terroristiku fuq it-Twin Towers fi New York – għadda minn taqlib kbir. Siefru anqas nies. Iżda bħal dejjem dan is-settur irnexxielu joħroġ mill-kriżijiet ferm aktar f’saħħtu minn qatt qabel. Dan għaliex l-ivvjaġġar hu llum l-aktar mezz mfittex biex dak li jkun jieħu vaganza. U anke għaliex sar parti mil-lifestyle ta’ ħafna nies.
Malta hi parti mid-dinja, hi parti minn villaġġ turistiku dinji. U għalhekk ma setgħetx għajr tintlaqat minn dak li kien qed jiġri fid-dinja. F’Malta t-turiżmu naqas b’1.9 fil-mija fl-2001 u 2.9 fil-mija. Is-sena l-oħra bdejna nnaqqsu mit-telf u spiċċajna s-sena bi tnaqqis ta’ 0.6 fil-mija. L-2003 bdejniha tajjeb. Fl-ewwel seba’ xhur tal-2003 kellna sitta minnhom fejn kien hemm żieda fin-numru ta’ turisti li żaru Malta. L-aħħar ħames xhur tal-2003 naqqasna għal xahar wara l-ieħor.
Din is-sena bdejna b’riżultati kemmxejn agħar minn tas-sena l-oħra. Fl-ewwel ħames xhur naqqasna. Kif kien previst bdejna nirpiljaw fit-tieni nofs tas-sena. Żidna f’Ġunju u Lulju u l-ewwel indikazzjonijiet juru li ser inżidu wkoll f’Awissu. Iż-żieda reġistrata kienet mgħejjuna mill-promozzjoni qawwija li ngħatat Malta tul iċ-ċelebrazzjonijiet tas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea meta – minkejja li aħna l-iżgħar pajjiż ta’ l-UE – kellna l-akbar u l-aqwa ċelebrazzjonijiet. Il-prospetti għall-bqija tas-sena huma tajbin u jekk nagħrfu nilqgħu aħjar lit-turisti, jekk ma nħallux min ‘jisraqhom’ biex jingħataw il-valur sħiħ ta’ dak kollu li jonfqu allura s-settur turistiku jkompli jikber biex jagħti sehem dejjem akbar għall-ekonomija nazzjonali.
It-tema magħżula din is-sena mill-Organizzazzjoni Dinjija għat-Turiżmu għall-Jum Dinji tat-Turiżmu hi “L-Isports u t-Turiżmu: Żewġ Forzi Ħajjin għall-Ftehim Reċiproku, Kultura u Żvilupp tas-Soċjetà ” F’messaġġ li ħareġ għal dan il-Jum il-Papa Ġwanni Pawlu II saħaq dwar ir-rwol ta’ l-isport u t-turiżmu għall-paċi u l-koeżistenza f’armonija. Il-Papa stqarr li t-turiżmu jtejjeb ir-relazzjonijiet bejn l-individwi u l-popli; meta huma kordjali, rispettabbli u bażati fuq is-solidarjetà jikkostitwixxu bieb miftuħ għall-paci u l-koeżistenza f’armonija. Hu qal li ħafna mill-vjolenza ta’ żminijietna għandha l-għeruq tagħha fin-nuqqas ta’ ftehim kif ukoll fir-riġetazzjoni tal-valuri u l-identità ta’ kulturi barranin. Kien għalhekk ħafna drabi possibbli li tieħu l-aħjar ta’ dawn is-sitwazzjonijiet billi nkunu nafu lil xulxin aħjar. Il-Q.T. il-Papa qal li l-isport u t-turiżmu jirreferu l-ewwel u qabel kollox għall-ħin liberu, fejn għandhom ikunu nkoraġġiti attivitajiet li jimbuttaw ’il quddiem sew żvilupp fisiku kif ukoll żvilupp spiritwali.
F’Malta it-turiżmu sportiv qed ikun inkoraġġit b’kull mezz għaliex inħarsu lejh mhux biss bħala niċċa ġdida fil-firmament turistiku ta’ pajjiżna iżda wkoll mezz biex inressqu lejn xulxin popli ta’ drawwiet, kulturi u reliġjonijiet differenti u hekk nagħtu sehmna lejn li nghixu f’dinja fejn tonqos il-vjolenza u ssaltan aktar il-paċi. Matul dawn l-aħħar ħmistax il-sena f’pajjiżna nbnew żewġ kumplessi sportivi, wieħed f’Ghawdex u ieħor fil-Kottonera, filwaqt li kumpless sportiv ieħor qed jinbena fil-Karwija, inbniet pixxina nazzjonali f’Tal-Qroqq, ġew modernizzati l-faċilitajiet sportivi fil-Marsa filwaqt li kienu mgħejjuna diversi għaqdiet sportivi biex itejjbu l-faċilitajiet tagħhom. Il-MFA għandha llum żewġ football grounds mgħammra bl-aqwa faċilitajiet. Dawn kollha qed jikkontribwixu biex min-naħa ż-żgħażagħ Maltin ikunu aktar sportivi u min-naħa l-oħra biex nattiraw lejn pajjiżna turisti li jiġu biex jitħarrġu fid-dixxiplini sportivi tagħhom fi żmien meta f’pajjiżhom it-temp ma jkunx daqshekk tajjeb. F’dawn l-ahħar snin ġew jitħarrġu teams tal-football u waterpolo, atleti u sportivi oħra. Kienu organizzati f’Malta tiġrijiet tar-roti, maratoni u anke tigrijiet taż-żwiemel li anke ntwerew fuq stazzjonijiet tat-televiżjoni f’pajjiżi Ewropej. F’Malta jiġu wkoll aktar minn 50,000 turisti għall-underwater diving filwaqt li l-organizzazzjoni ta’ tlielaq bil-yachts hi attività sportiva li qiegħda dejjem tikber.
Fl-istess waqt li dan il-qasam ta’ turiżmu sportiv qiegħed jikber dan qed jintrabat dejjem iżjed mal-kultura f’pajjiżna fejn min iżurna qiegħed japprezza dejjem iżjed il-minjiera ta’ storja millenarja, arti u kultura li bihom huma mżejjna l-gżejjer Maltin.
Is-settur turistiku hu l-industrja li l-aktar li qed tikber fid-dinja. Dan hu s-settur li tant pajjiżi – fosthom dawk li għadhom qed jiżviluppaw – għażlu li jidħlu fih għaliex hu mezz ta’ qligħ ta’ munita barranija, ta’ ħolqien ta’ impjiegi u anke biex niftiehmu dejjem aktar u nwaqqgħu preġudizzji li ilhom jifnu d-dinja. F’pajjiżna s-settur turistiku kiber mix-xejn fl-aħħar 40 sena. Hu wieħed mit-tliet pilastri ewlenin ta’ l-ekonomija ta’ pajjiżna li flimkien – Gvern, settur privat u poplu – irridu naħdmu biex inkattruh biex minnu jkompi jiekol kulħadd.
Stqarrijiet Oħra:
PR261945
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU L-ITS Career Expo u l-Malta Skills C...
PR261944