Left arrow Mur Lura

IL-PARTIT LABURISTA MA JAHMILX IS-SERJETA` LI BIHA MIEXI IL-GVERN

PR1461
Date Icon 25/09/2004

F’konferenza għall-Aħbarijiet li ta’ dalgħodu, il-Kap tal-Oppożizzjoni Alfred Sant għamel numru ta’ allegazzjonijiet dwar in-negozjati li għaddejjin bejn il-Gvern u l-iSkanska rigward it-tlestija tal-Isptar Mater Dei. Partikolarment, Alfred Sant għażel li jattakka l-kredenzjali tat-tim ta’ negozjaturi magħżula mill-Gvern u staqsa il-għala ma ġietx użata il-Management Efficiency Unit li għandu l-Gvern.

Tajjeb jiġi mfakkar li proġetti kbar bħalma huwa dak tal-Isptar Mater Dei jeħtieġ il-kapaċitajiet ta’ l-aqwa riżorsi umani li għandu l-pajjiż. L-Isptar Mater Dei huwa l-akbar proġett kapitali tal-Gvern u għaldqastant jrid jiġi assigurat li l-infiq kollhu li jsir fuq dan il-proġett huwa nfiq ġustifikat u li jirrifletti l-bżonnijiet. Bħalma ilu jirrepeti l-Prim Ministru, in-negozjati li nieda l-Gvern huma negozjati mal-iSkanska fuq aspetti ta’ costings u kontabilita’ finanzjarja bl-iskop li tiġi stabbilita’ l-ispiża totali u finalizzati l-pjanijiet ta’ tlestija b’miri stabbiliti fuq dati speċifiċi.  

Il-kummenti tal-Kap tal-Oppożizzjoni fil-konfront tal-Perit Paul Camilleri u ta’ Jacqueline Camilleri mhux biss huma superfluwi imma wkoll żgwidati. In-negozjati mhumiex xi investigazzjoni fuq l-operat tal-FMS kif pprova jallega l-Kap tal-Oppożizzjoni. Il-preżenza tal-Perit Camilleri li huwa l-Viċi Chairman tal-Fundazzjoni għas-Servizzi Mediċi (FMS) bħala pont bejn l-FMS u l-iSkanska, kif wkoll dik ta’ Jacqueline Camilleri li kienet responsabbli mill-costing analysis ta’ dan il-proġett, hija essenzjali fit-tim ta’ negozjaturi.  

Dwar il-għażla tal-membri l-oħra fuq dan it-tim, il-Gvern jiddikjara li huwa fl-interess tal-pubbliku li n-negozjati jkunu mmexxija minn nies kompetenti fil-qasam tagħhom u b’esperjenza relatata fuq dan it-tip ta’ xogħol. L-għażliet li saru, saru fuq dawn il-kriterji. Il-Gvern jisfida lill-Kap tal-Oppożizzjoni sabiex jiddikjara r-raġunijiet li għalihom huwa m’għandux fiduċja fil-kapaċitajiet ta’ dawn l-individwi.  

Il-Kap tal-Oppożizzjoni jaf li f’ċerti ċirkostanzi ikun neċessarju li jiġu identifikati esperti minn barra s-settur pubbliku li jkunu jistgħu jagħmlu analiżi tal-materja u jagħti l-pariri li jkun hemm bżonn. Din hija prattika li l-Kap tal-Oppożizzjoni ħaddem diversi drabi meta hu kien Prim Ministru. Għaldaqstant, hu stramb ħafna kif il-Kap tal-Oppożizzjoni issa qiegħed jipprova jikkritika proċedura li hu stess kien adotta fi kwistjonijiet li kienu ta’ entita’ ferm anqas minn dik li għandha x’taqsam mal-iSptar Mater Dei. Il-mistoqsija bilfors issir għaliex il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni qiegħed jagħmel dan f’mument mill-aktar delikat li  li jinbstabu fih in-negożjati.  

Jidher b’mod ċar li l-Partit Laburista qiegħed jiddejjaq bis-serjeta’ li biha l-Gvern qed imexxi l-pajjiż. Il-pubblikazzjoni ta’ korrispondenza turi bl-aktar mod qawwi t-trasparenza li biha qed jimxi l-Prim Ministru fit-tmexxija ta’ eżerċizzji ta’ dan it-tip.  

Hija ovvja għaldaqstant li l-Partit Laburista riċentament qed jipprova jagħmel attentati fjakki biex jattakka l-integrita’ li biha miexi l-Gvern f’kull qasam li fih hemm bżonn li jittieħdu d-deċiżjonijiet, bil-ħolqien ta’ stejjer fittizji ta’ skandli intiżi biss biex joħloq id-dubju fl-imħuħ tal-poplu. Dan l-aġir ma jagħmel xejn ħlief jitfa dubji serji ħafna fuq l-intenzjoni tal-Kap tal-Oppożizzjoni stess meta jqajjem dubji nfondati fuq kwistjoni li hi ta’ nteress nazzjonali.  

Il-Gvern jiddikjara li l-proċess ta’ negozjati huwa proċess integru, u li l-għan aħħari ta’ dan l-eżerċiżżju huwa t-trasparenza u l-kontabilita’ fl-ispiza finanzjarja tal-Gvern fuq l-iSptar Mater Dei. Il-Gvern jinsab ċert li bħalma irriżulta dejjem, it-tlestija tal-iSptar Mater Dei ser jipprovdi lill-Maltin u l-Għawdxin kollha l-aqwa servizzi tas-saħħa.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU  L-ITS Career Expo u l-Malta Skills Championships jgħaqqdu lill-istudenti mal-industrija u juru t-talent vokazzjonali

PR261945

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU L-ITS Career Expo u l-Malta Skills C...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT U MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI  Qed jiġi żviluppat smart work station biex xogħol relatat mal-manifattura jsir aktar aċċessibbli għall-persuni b’diżabilità

PR261944

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT U MILL-MINISTERU ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow