IL-GVERN WERA FLESSIBILITA’ FIL-KWISTJONI TAL-KOSTRUZZJONI TA’ TOROQ RESIDENZJALI
Ftit tal-jiem ilu ħarġu rapporti f’xi mezzi tal-media, li kkwotaw kelliem għall-Ministeru għall-Iżvilupp Urban u Toroq, jgħid li l-Gvern jinsab imħasseb dwar il-possibbilta` li għal sena oħra, jistgħu ma jintefqux fondi pubbliċi li ġew allokati għal proġetti biex jinbnew toroq residenzjali. Dan minħabba li l-offerti li ntefgħu għal tenders maħruġa mill-Awtorita` dwar it-Trasport (ADT), kienu bil-bosta għola mill-istimi ta’ l-istess Awtorita`.
Dwar dawn ir-rapport,i tkellmet ukoll il-Federazzjoni Maltija tal-Industrija (FOI) fi stqarrija għall-media, fejn qalet li l-offerti għat-tenders qed ikunu għoljin aktar mill-istimi tal-ADT, għax l-istimi qed jinħadmu fuq rati ġodda li daħlu fis-seħħ fi tmiem is-sena l-oħra.
Għall-kuntrarju, ma hemm ebda konnessjoni diretta bejn l-introduzzjoni ta’ dawn ir-rati u din-is-sitwazzjoni anomala. Xhieda ta’ dan huwa l-fatt li fis-sena 2003, ukoll kien hemm b’madwar Lm600,000 xogħol fuq toroq residenzjali, li ma setgħax isir minħabba li l-kuntratturi kienu qed jikkwotaw prezzijiet esaġerati.
Il-Ministeru jirribatti l-akkuża li l-prezzijiet stabbiliti mill-Awtorita` huma redikoli. Dan tant mhux minnu, li diversi offerti fuq xogħolijiet iffinanzjati mill-Protokol Taljan, jikkonfermaw il-prezzijiet stabbiliti mill-Awtorita` u f’xi każi kienu anke orħos.
Ir-rapport li fuqu l-Awtorita` dwar it-Trasport qed tibbaża r-rati tagħha, kien eżerċizzju li qatt ma kien sar qabel f’pajjiżna. L-esperti barranin li lestew ir-rapport, ibbażawħ fuq informazzjoni li ġabru mingħand il-kuntratturi stess billi applikaw mudelli u prattiċi ta’ xogħol li jintużaw internazzjonalment. Dawn kienu jinkludu wkoll stimi dwar il-produttivita` u effiċjenza tal-kuntratturi.
Fl-istess stqarrija, l-FOI trid tagħti l-impressjoni li minħabba li l-Ministeru għall-Iżvilupp Urban u Toroq ma reġax iltaqa’ mar-rappreżentanti tal-kuntratturi, il-Gvern ma ċċaqlaqx mill-pożizzjoni tiegħu fuq ir-rati li jintużaw biex jitħejjew l-istimi tax-xogħolijiet.
Għall-kuntrarju, il-Ministeru fela` bir-reqqa l-proposti tal-kuntratturi. B’konsegwenza t’hekk, l-ADT aċċettat li ċerti elementi ta’ overheads fir-rati tagħha, setgħu kienu baxxi wisq fiċ-ċirkostanzi preżenti u għalhekk irrevediethom wara konsultazzjoni mal-esperti li ħejjew ir-rapport oriġinali.
Dan l-eżerċizzju wassal għal ftehim ma’ xi kuntratturi, tant li dan l-aħħar setgħu jibdew ix-xogħolijiet ta’ kostruzzjoni f’numru ta’ toroq fi tliet żoni industrijali madwar Malta. U dan minkejja li l-offerti xorta waħda kienu għadhom bejn 7 u 9 fil-mija għola mill-istimi tal-ADT.
Minkejja dan, l-FOI baqgħet ma ċċaqalqitx mill-pożizzjoni tagħha u għad hemm kuntratturi jikkwotaw prezzijiet eżaġerati, speċjalment f’dawk li huma overheads bħall-paġi, r-riskju u l-profitt. Dan anke fil-każ ta’ tenders li nħarġu riċentement, fejn il-kuntratturi kkwotaw prezzijiet għoljin meta b’mod mhux uffiċċjali, kienu jafu li r-rati tal-ADT kienu ġew reveduti ‘l fuq. Fil-fatt, l-parti l-kbira tal-offerti għas-17 –il tender li l-ADT ħarġet f’Lulju, għadhom bejn 10 u 20 fil-mija għola mill-istimi aġġornati tal-Awtorita`.
Punt ieħor li l-Federazzjoni Maltija tal-Industrija għażlet li ma ssemmix fl-istqarrija tagħha, kien il-pressjoni li teżisti fuq il-Gvern biex il-kuntratturi fil-kostruzzjoni tat-toroq jinnegozjaw lista ta’ prezzijiet li tkun tapplika għall-kuntratturi kollha.
Il-Ministeru għall-Iżvilupp Urban u Toroq jemmen li dan mhux fl-interess ġenerali u jeqred l-ispirtu ta’ kompetittivita`, partikolarment illum fejn tenders ta’ ċertu valur iridu jiġu reklamati internazzjonalment. Madanakollu, qed isir studju sabiex ikunu identifikati dawk l-aspetti ta’ kuntratti ta’ xogħolijiet li jistgħu joħolqu piżijiet żejda fuq il-kuntratturi, bħal per eżempju it-terms of payment. Il-Gvern jemmen ukoll li l-kompetizzjoni bejn il-kuntratturi twassal għal value for money u prodott aħħari aħjar.
Hu għalhekk fl-interess ġenerali li jintlaħaq ftehim sabiex il-programm estensiv ta’ xogħolijiet ikun jista’ jitwettaq. Huwa biss meta jkun għaddej ritmu ta’ xogħol regolari u għat-tul li l-overheadsjitbaxxew u l-profitabilita` tal-kuntratturi tiżdied.
Stqarrijiet Oħra:
PR261945
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU L-ITS Career Expo u l-Malta Skills C...
PR261944