Left arrow Mur Lura

INŻEWWĠU L-KULTURA MAT-TURIŻMU

PR1449
Date Icon 23/09/2004

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech qal li kien ta’ pjaċir għalih iniedi festival dwar l-Bliet Storiċi ta’ Malta li kien se jinżamm bejn  is-7 u s-17 ta’ Ottubru fil-belt Valletta , l-Imdina, it-tlett ibliet u Victoria f’Għawdex.  

Francis Zammit Dimech qal li fl-istrateġija tal-Gvern li jippromwovi lil Malta bħala esperjenza fost it-turisti, il-bliet storiċi ta’ pajjiżna jieħdu sinifikat partikolari. Hu qal li f’dawn il-bliet bdiet l-istorja ta’ pajjiżna. Hu qal li l-bliet ta’ l-Imdina u l-Birgu kienu l-benniena taċ-ċivilta’ Maltija, bil-Birgu ‘l-bieb’ ta’ Malta min-naħa tal-baħar u l-Imdina l-belt f’nofs Malta , imdawwra bis-swar, li l-Maltin kienu jiġru lejha għall-protezzjoni meta kienu jiġu attakkati minn kursari tal-baħar u fi żmien ta’ gwerra.

Il-Ministru Zammit Dimech qal li l-ibliet storiċi ta’ pajjiżna huma wkoll il-bliet mdawwra bis-swar. Hu qal li t-tlett ibliet tal-Birgu, Bormla u l-Isla minbarra li huma mdawwra bis-swar reġgħu ddawwru minn linja oħra ta’ fortifikazzjonijiet li ddur dawra mejt magħhom u għalhekk kienet tagħmilhom fiż-żgur fi żmien ta’ gwerra u ċentru ta’ negozju u abitazzjoni fi żmien ta’ paċi. Hu qal li l-linja ta’ fortifikazzjoni tal-Kottonera kienet l-itwal waħda tax-xorta tagħha fid-dinja. Hu qal li dawn il-bliet kienu wkoll ċentru kulturali u ta’ arti.

Francis Zammit Dimech qal li l-belt Valletta nbniet wara l-Assedju l-Kbir ta’ l-1565. Hu qal li biex inbniet din il-belt inġiebu Malta l-aqwa arkitetti li kien hemm fl-Ewropa u darba nbniet inġiebu l-aqwa artisti biex żejjnu l-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, il-bereġ, il-palazzi u d-djar l-oħra tal-belt. Hu qal li l-Belt Valletta fiha fost l-isbaħ u l-aqwa linji ta’ difiża b’żewġ kavallieri, dak ta’ San Ġakbu u San Ġwann jħarsu fuq id-dħul ewlieni tal-belt biex jiddefenduh. Hu qal li wieħed minn dawn il-kavallieri, il-Kavallier ta’ San Ġakbu, f’dawn l-aħħar snin ġie riabilitat u restawrat biex inbidel f’Ċentru għall-Kreattivita’. Hu qal li fil-belt hemm bini ieħor importanti li llum qed jintuża għal skopijiet li ma kenux intiżi meta nbena. Hu qal li fost dawn hemm is-Sagra Infermeria li nbidlet fiċ-Ċentru tal-Mediterran għall-Konferenzi u l-Forti Sant’Jiermu li parti minnu qed jintuza bħala Akkademja tal-Pulizija.

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li fir-riġenerazzjoni ta’ dawn il-bliet qed jagħtu sehem importanti il-Proġetti għar-Riabilitazzjoni tal-Belt Valletta u l-Floriana, tal-Kottonera u ta’ l-Imdina li twaqqfu minn dan il-Gvern. Hu qal li bis-saħħa ta’ dawn il-proġetti fl-aħħar 15-il sena twettaq xogħol ta’ restawr u riabiltazzjoni fuq bini storiku, knejjes, palazzi u fortifikazzjonijiet fil-belt Valletta , il-Floriana, il-Birgu, Bormla, l-Isla u l-Imdina.

Francis Zammit Dimech qal li fl-istess waqt il-Gvern qed jinsisti li fejn kumpanniji privati jingħataw art għall-iżvilupp li tkun tinkludi bini storiku dawn għandhom jirriabilitaw u jirrestawraw dan il-bini. Hu qal li dan diġa seħħ fil-Birgu fejn l-Caraffa Stores u l-Palazz tal-Kaptan tax-Xwieni ġew restawrati u qed isir użu minnhom biex ma jerġgħux jispiċċaw fl-abbandun u t-telqa li kienu. Hu qal li l-istess qed jiġri fix-Xatt tal-Belt fejn ġew restawrati l-Imħażen ta’ Pinto u Forni biex jagħmlu parti mill-Cruise Liner Passenger Terminal.

Il-Ministru Zammit Dimech qal li fil-ħidma biex nirriġeneraw dawn il-bliet storiċi qed tagħti sehem importanti l-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu li torganizza festivals, re-enactments u attivitajiet oħra tal-massa li jressqu dawn il-bliet lejn il-poplu Malti u lejn it-turisti.

Francis Zammit Dimech qal li t-turiżmu u l-kultura kellhom rabta bejniethom li rridu nsaħħu u nkabbru. Hu qal li din ir-rabta toħroġ b’mod ċar f’dan il-Festival ta’ Bliet Storiċi Maltin fejn qed inżewwġu l-kultura wiesgħa f’dawn il-bliet ma’ niċċa importanti fis-settur turistiku: in-niċċa tal-kultura u l-arti li tattira lejn pajjiżna aktar minn 200,000 turist.

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li pajjiżna kellu fost l-aqwa bliet iffortifikati fid-dinja. Hu qal li f’dawn il-bliet hemm teżori kbar ta’ storja, kultura u arti li kienu assi importanti fil-ħidma tagħna biex niġbdu aktar turisti lejn Malta . Hu awgura lill-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu kull risq f’din l-inizjattiva ġdida tagħhom.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU  L-ITS Career Expo u l-Malta Skills Championships jgħaqqdu lill-istudenti mal-industrija u juru t-talent vokazzjonali

PR261945

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU L-ITS Career Expo u l-Malta Skills C...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT U MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI  Qed jiġi żviluppat smart work station biex xogħol relatat mal-manifattura jsir aktar aċċessibbli għall-persuni b’diżabilità

PR261944

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT U MILL-MINISTERU ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow