PROGRAMM VAST TA’ ATTIVITAJIET ARTISTIĊI U KULTURALI
Siltiet min diskors li l-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech għamel, meta nieda l-kalendarju ta’ attivitajiet tat-Teatru Manoel
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech qal li t-Teatru Manoel twieled fl-1732 bħala teatru għal attivitajiet varji, ċentru kulturali u ta’ opri, cantatas, rappreżentazzjonijiet teatrali, kummiedji u spettakli oħra. Hu qal li l-missjoni li beda biha baqa’ miexi fuqha minkejja li tul iż-żmien inbena t-Teatru Rjal, minkejja li s-Sagra Infermeria nbidlet f’kumpless għal konferenzi u għal rappreżentazzjonijiet kulturali u minkejja li tul dawn l-aħħar erba’ snin il-Kavalier ta’ San Ġakbu nbidel f’Ċentru għall-Kreattivita’ fejn qed jittellgħu xogħlijiet kulturali, artistiċi u mużikali.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal t-tiġrif tat-Teatru Rjal fl-1942 reġa’ ta lit-Teatru Manoel dimensjoni ġdida. Hu qal li mill-aħħar Gwerra Dinjija t-Teatru Manoel hu mill-ġdid iċ-ċentru ta’ opri liriċi, kunċerti u rappreżentazzjonijiet teatrali ta’ ċertu livell. Hu qal li dan wassal biex twettqu f’dan il-kumpless teatrali diversi proġetti biex mhux biss jagħtu aktar spazju għall-attivitajiet kulturali li jittellgħu iżda biex ikun hemm l-infrastruttura neċessarja meħtieġa għal teatru li b’suċċess qed jagħmel il-parti ta’ teatru nazzjonali. Hu qal li fost il-proġetti li twettqu nsibu
o Is-Sala Isouard li taqdi l-funzjoni tat-tieni auditorium fejn isiru kunċerti da camera.
o Il-Mużew tat-Teatru u l-arkivji tat-teatru.
o Il-Café Diva u t-Theatre Restaurant fil-kantini li ġew restawrati.
o Ħanut minn fejn jinbiegħu oġġetti relatati mat-teatru.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li bl-għajnuna ta’ l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta qed isir xogħol ta’ restawr fit-teatru li qed jagħtih d-dehra oriġinali tiegħu ta’ meta nbena fuq inizjattiva tal-Gran Mastru Manoel de Vilhena.
Francis Zammit Dimech qal li matul is-snin dan it-teatru kiber fl-istatura biex illum qed joffri lil dawk kollha li jippatronizzaw l-arti u l-kultura post mill-aqwa li jorbot il-passat mal-preżent. Hu qal li matul iż-żmien twaqqet “The Friends of the Manoel Theatre” bl-iskop li tistimula l-interess fit-teatru, torganizza attivitajiet kulturali u soċjali u tinkoraġixxi u tgħin talent lokali li jkun irid isegwi karriera fil-“performing arts”.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li anke għal din is-sena l-Management tat-Teatru Manoel ipprepara programm varjat ħafna ta’ attivitajiet operistiċi, teatrali u mużikali. Hu qal li bejn dan ix-xahar u Mejju tas-sena d-dieħla se jittellgħu aktar minn 120 programm li jinkludu recitals, kunċerti mill-Orkestra Nazzjonali, il-Christmas Pantomine, Spotlight on Shakespeare, il-BOV Opera Festivalu l-Festa Barokka. Hu fakkar li fost l-inizjattivi tat-Teatru Manoel hemm Poezijaplus, Loġġapalk, Windows on Music u Lights on Theatre Traffic. Francis Zammit Dimech qal li din is-sena wkoll kull nhar ta’ Erbgħa se jsiru l-‘lunch-time concerts’ preżentati mill-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti li jittellgħu fis-Sala isouard.
Francis Zammit Dimech qal li minbarra dawn ir-rappreżentazzjonijiet fil-bitħa tat-Teatru Manoel, li llum għandha tinda innovativa li tinfetaħ u tingħalaq, bejn dan ix-xahar u Mejju tas-sena d-dieħla se jittellgħu disa’ wirjiet minn Martine Berenbach; Antoine Paul Camilleri; Fabio Agius Anastasi u Lisa Falzon; Bertha Darmanin, Lilian Pace, Margaret Farrugia u Winnie Calleja; Jeni Caruana; Dr Guzeppi Schembri Bonaci; Kenneth Zammit Tabona; u John Martin Borg. Flimkien ma’ dawn il-wirjiet fl-istess post se tittella’ Fashion Expo; Theatre Makeup Festival u attivita’ mit-Theatre Traffic & Cancer Foundation.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li t-Teatru Manoel qed jippreżenta programm ta’ attivitajiet mtella’ minn artisti lokali u artisti barranin li flimkien għandhom jagħtuna staġun mill-aqwa u li jilħaq l-aspetattivi ta’ dawk kollha li huma ħbieb ta’ l-arti u l-kultura.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura rringrazzja liċ-Chairman u l-Bord tad-Diretturi tat-Teatru Manoel u lill-impjegati kollha ta’ l-istess teatru għall-ħidma tagħhom biex tikber l-arti u l-kultura f’pajjiżna filwaqt li awgura staġun mill-aqwa ta’ attivitajiet ta’ kwalita’ kif jaf jagħti biss it-Teatru Manoel.
Stqarrijiet Oħra:
PR261945
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU L-ITS Career Expo u l-Malta Skills C...
PR261944