L-IMPORTANZA TAR-RIĊERKA FL-IPPJANAR TA’ FAĊILITAJIET GĦALL-IMMANIĠĠJAR TA’ L-ISKART F’PAJJIŻNA
Ir-riċerka hi importanti fl-ippjanar ta’ faċilitajiet ta’ l-immaniġġjar ta’ l-iskart sostenibbli.
Dan qalu l-Ministru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent, George Pullicino waqt il-ftuħ ta’ seminar ‘Pilot studies on packaging & import/export of waste statistics’, organizzat mill-Uffiċċju Nazzjonali ta’ l-Istatistika, bil-kollaborazzjoni tal-WasteServ Malta Ltd, ta’ l-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar u tal-Federazzjoni ta’ l-Industrija.
Il-Ministru Pullicino qal li bħalissa jeżistu biss stimi ta’ kemm jidħol materjal ta’ l-ippakkjar f’Malta. Għalhekk hu importanti li ssir riċerka dwar l-ammonti ta’ ppakkjar li jiġi impurtat jew iġġenerat f’pajjiżna u dan is-seminar għandu jwassal biex ikun irranġat dan in-nuqqas.
George Pullicino qal li skond id-direttivi 94/62/EC u 2004/12/EC, hemm persentaġġi preċiżi ta’ kemm ippakkjar irid jiġi rkuprat u rriċiklat minn kull pajjiż. L-għan ta’ dan il-proġett li qed isir mill-Uffiċċju Nazzjonali ta’ l-Istatistika huwa li jsir studju biex l-ammont ta’ dan it-tip ta’ skart jiġi kkwantifikat.
Din ir-riċerka hija wkoll utli għall-WasteServ sabiex tkompli tippjana faċilitajiet ta’ l-immaniġġjar ta’ l-iskart sostenibbli għal pajjiżna, fosthom Bring-in Sites, Civic Amenity Sites u l-immodernizzar ta’ l-impjant għat-trattament ta’ l-iskart ta’ Sant’ Antnin.
Il-Ministru Pullicino qal li l-WasteServ applikat għall-fondi għall-assistenza teknika dwar dan it-tip ta’ skart. Permezz tal-proġett bit-titlu “Technical assistance for the development of implementation systems for the producer responsibility directive”, se jsir taħriġ għall-importaturi, għall-bejjiegħa u għall-imsieħba soċjali li huma responsabbli mill-materjal ta’ l-ippakkjar f’Malta. L-iskop tat-taħriġ huwa li dawn ikunu jistgħu jinvestigaw mod kif jitnaqqas il-materjal ta’ l-ippakkjar kif ukoll biex jidentifikaw mezz biex jiġi mmaniġġjat dan it-tip ta’ skart b’mod sostenibbli. Għaldaqstant huwa fl-interess ta’ l-industrija li tibda tifhem l-obbligi li għandha fuq dan il-materjal mill-aktar fis.
Dan il-proġett għandu jidħol fis-seħħ fis-sena 2006 u l-WasteServ Malta Ltd. se tgħin lill-Uffiċċju Nazzjonali ta’ l-Istatistika biex tiġbor l-informazzjoni li hemm bżonn mill-industrija dwar l-ippakkjar li jiġi iġġenerat/impurtat f’Malta u ta’ kemm materjal diġa` jintrema.
Dan il-proġett għandu wkoll għajnuna finanzjarja mill-Eurostat.
Other Press Releases:
PR261945
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU L-ITS Career Expo u l-Malta Skills C...
PR261944