KULL MALTI GHANDU JKUN SPORTIV
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura, Francis Zammit Dimech, waqt l-inawgurazzjoni tal-Pembroke Athleta Football Ground, qal li l-Gvern jemmen li kull Malti għandu jkun sportiv. Hu qal li għal dan l-iskop il-Gvern bena impjanti sportivi ma’ Malta u Għawdex kollha u ħoloq spazji liberi fejn il-Maltin u l-Għawdxin ikunu jistgħu jieħdu ‘break’ mill-ħidma tagħhom.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li matul dawn l-aħħar snin il-Gvern bena impjanti sportivi f’Għawdex u fil-Kottonera filwaqt li kien qed jibni impjant ieħor fil-Karwija. Hu qal li l-Gvern bena il-pixxina nazzjonali filwaqt li rristruttura u mmodernizza il-kumpless sportiv tal-Marsa. Hu qal li l-Gvern għen u inkoraġixxa lis-settur privat – li jinkludi skejjel privati – biex jibnu u jimmodernizzaw impjanti sportivi fejn iż-żgħażagħ tagħna jqattgħu l-ħin liberu tagħhom u jipprattikaw id-dixxiplini sportivi favoriti tagħhom. Hu qal li soċjeta’ fejn l-isport ikun għoli fuq l-agenda hi soċjeta’ b’poplu b’saħħtu.
Francis Zammit Dimech qal l-Gvern preżenti kien għen biex anke f’Pembroke ikun hemm football ground u faċilitajiet sportivi għaż-żgħażagħ tal-lokalita’. Hu qal li Pembroke kien lokalita’ ġdida kompost minn familji żgħażagħ. Hu qal li l-Gvern ddeċieda li jgħin lir-residenti ta’ Pembroke biex ikollhom l-fottball ground tagħhom għax jemmen li ż-żgħażagħ għandu jkollhom il-faċilitajiet kollha meħtieġa biex iqattgħu l-ħin liberu tagħhom.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li bħala Ministru responsabbli mit-turiżmu kien jinkoraġixxi t-turiżmu sportiv li seta’ ikun niċċa oħra fil-qafas turistiku ta’ pajjiżna. Hu qal li diġa kien hemm min iżurna biex jipprattika l-football fi żmien meta f’pajjiżu jkun hemm il-maltemp. Hu qal li kienu jiġu sportivi fostna biex jipprattikaw l-għawm, biex jieħdu sehem f’tiġrijiet bir-roti u f’maratoni. Francis Zammit Dimech qal li riċentament saru f’pajjiżna tlielaq taż-żwiemel li kienu abbonati ma’ programmi televiżivi.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li settur li kien jiġbed eluf ta’ barranin lejn pajjiżna kien dak ta’ l-underwater diving. Hu qal li dan it-tip ta’ turiżmu ridna inħarsuh u ninkoraġġuh għaliex b’ħidma minn kulħadd stajna nibdlu lill-pajjiżna fi playground tal-Mediterran fejn noffru servizzi sportivi lil dawk kollha li riedu jitbiegħdu mit-temp ħażin f’pajjiżhom.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li l-ewwel priorita’ tagħna tibqa’ dejjem l-edukazzjoni sportiva taż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin. Hu qal li kien għalhekk li minn qalbu ried jifraħ lil dawk kollha li taw sehemhom biex din il-ħolma tar-residenti ta’ Pembroke issir realta’.
Stqarrijiet Oħra:
PR261943
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR261942en