STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INVESTIMENT, INDUSTRIJA U TEKNOLOĠIJA TA’ L-INFORMAZZJONI DWAR ĊILINDRI TAL-GASS
Il-Ministeru għall-Investiment, Industrija u Teknoloġija ta’ l-Informazzjoni għandu rapporti preliminari li juru li xi ċilindri tal-gass li qassmet l-Enemalta f’dawn l-aħħar disa’ xhur, huma ta’ kwalità anqas tajba minndik miftiehma fil-kuntratt bejn l-Enemalta u l-ażjenda li begħtilha ċ-ċilindri, kif ukoll minnnormi stabbiliti mid-Direttivi ta’ l-Unjoni Ewropea.
Għalissa l-Gvern m’għandu ebda parir tekniku li jeżisti xi periklu minndawn iċ-ċilindri. Madankollu bħala prekawzjoni l-Gvern b’responsabbiltà ddeċieda li jordna lill-Enemalta biex gradwalment tirtira dawn iċ-ċilindri mis-suq.
Bħalissa qed isiru testijiet mil-kumpanija ta’ konsulenza industrijali Taljana OMECO, biex tkun verifikata aktar fid-dettal il-kwalità taċ-ċilindri. Riżultati preliminari juru li ċ-ċilindri tal-gass huma ta’ kundizzjoni aċċettabbli u tal-livell rekwiżit meta jiġu sottomessi għat-tip ta’ testijiet imsejħa ‘m’hux qerrieda’. Iżda eżaminazzjoni bl-X-Ray aktar dettaljata wriet li hemm diskrepanzi fil-kwalità taċ-ċilindri bejn dik miftehma fil-kuntratt li taħtu l-Enemalta ħallset lill-ażjenda u dik li kienet qed tirriżulta mit-testijiet.
Minn din l-informazzjoni preliminari kif ukoll minħabba l-fatt li fil-ġranet li għaddew l-Enemalta stess għamlet aktar testijiet fuq iċ-ċilindri m’hemm l-ebda raġuni għalfejn jitqies li dawn iċ-ċilindri jfissru xi periklu. Madankollu l-Gvern iħoss li għandhom jittieħdu l-prekawzjonijiet kollha meħtieġa biex ikun assigurat li ma jinħolqu ebda riskji għas-saħħa tal-klijenti ta’ l-Enemalta.
Ghalhekk fuq il-bażi tar-rapporti preliminari li bagħtu l-esperti Taljani, il-Gvern ħa d-deċiżjoni li jordna lill-Enemalta biex gradwalment tirtira dawn iċ-ċilindri mis-suq bħala prekawzjoni. Aktar testijiet dettaljati taċ-ċilindri għadhom għaddejjin fl-Italja u r-riżultati finali mistennijja fil-ġranet li ġejjin. Il-pubbliku ser ikun infurmat bil-konklużjonijiet ta’ dawn l-eżamijiet.
L-Enemalta għad baqgħala maħżuna ċilindri minn din il-kunsinja. Ebda ċilindru mqassam minndistributuri tal-gass jew minn xi punt tad-distribuzzjoni ieħor mis-17 ta’ Settembru, 2004 ’il quddiem ma ser ikun wieħed miċ-ċilindri mill-kunsinja taċ-ċilindri involuti.
Intant il-Ministeru għall-Investiment, Industrija u Teknoloġija ta’ l-Informazzjoni ordna immedjatament lill-Enemalta biex tagħmel investigazzjoni interna dwar kif ġew aċċettati ċilindri li l-ispeċifikazzjonijiet tagħhom ma kienux skond il-kuntratt.
Mill-investigazzjoni interna preliminari irriżultaw il-fatti li ġejjin:
1. Id-dokument dwar is-sejħa għall-offerti għax-xiri taċ-ċilindri tħejja nhar l-24 ta’ Ġunju, 2002. Jirriżulta li l-ispeċifikazzjonijiet determinati f’din is-sejħa għall-offerti kienu anqas ċari u preċiżi milli kellhom ikunu.
2. Is-sejħa għall-offerti ħarġet fil-15 ta’ Novembru, 2002.
3. L-ewwel evalwazzjoni ta’ dawk li għamlu offerta saret minn Bord ta’ l-Għażla maħtur apposta u li kien jinkludi tlett uffiċjali ta’ l-Enemalta li wieħed minnhom kien l-awtur tad-dokument dwar is-sejħa għall-offerti. L-evalwazzjoni saret f’Marzu 2003. Dak inhar l-offerenti kollha minbarra tlieta ġew eliminati mill-proċess ta’ l-għażla. Tnejn minn dawk li nżammu, issottomettew kampjuni taċ-ċilindri biex dawn jiġu ttestjati. L-ieħor għal ħafna snin issupplixxa lill-Enemalta diversi ordinijiet ta’ ċilindri, u minħabba f’dan ma ntalabx jissottemetti kampjuni.
4. Wara li saru t-testijiet fuq il-kampjuni taż-żewġ l-offerenti l-oħra, il-Bord ta’ l-Għażla rrakkomanda li jintgħażel l-offerent li offra ċ-ċilindri li marru anqas tajjeb fit-testijiet minndawk tal-kompetitur tiegħu. Fil-fatt iċ-ċilindri li offra l-offerent li mbagħad spiċċa biex intagħżel ġabu riżultati anqas minn dak li wiegħed li se jġibu l-istess offerent fl-offerta tiegħu. Barra minhekk għal xi raġuni jew raġunijiet s’issa m’hux stabbiliti, il-Bord ta’ l-Għażla bagħat għat-testijiet kampjun t’erba’ ċilindri fil-każ ta’ l-offerent li spiċċa ma ntagħżilx u kampjun ta’ żewġ ċilindri fil-każ ta’ l-offerent li spiċċa ntagħżel. L-offerent li ntagħżel kien għamel l-offerta bl-orħos prezz.
5. Fid-19 ta’ Mejju, 2003, il-Bord ta’ l-Għażla ddeċieda li jirrakomanda li jintgħażel l-orħos offerent, minkejja li mar anqas tajjeb fit-testijiet, bil-kundizzjoni li d-djugħfijiet li nstabu fit-testijiet jitranġaw fil-kunsinja taċ-ċilindri.
6. Dan il-parir ġie ratifikat mill-Kumitat Permanenti ta’ l-Enemalta dwar it-Tenders fis-17 ta’ Lulju, 2003.
7. Il-parir ta’ l-Enemalta ngħata l-approvazzjoni tad-Dipartiment tal-Kuntratti fid-19 ta’ Lulju, 2003.
8. Fil-5 t’Awissu, 2003, it-Taqsima tax-Xiri (procurement section)ta’ l-Enemalta infurmat lill-offerent magħżul li l-Korporazzjoni kellha l-intenzjoni tixtri ċ-ċilindri mingħandu basta jagħmel il-korrezzjonijiet li kien irrakkomanda l-Bord ta’ l-Għażla.
9. Fis-6 t’Awissu, 2003, il-kuntrattur informa lill-Enemalta li kien qed jaqbel ma’ wħud mir-rekwiżiti li kienu qed isirulu, iżda m’hux ma’ kollox.
10. Fl-14 t’Awissu, 2003, it-Taqsima tax-Xiri (procurement section) u l-uffiċju tal-ħażna (central supplies) ta’ l-Enemalta informaw lill-kuntrattur li l-Korporazzjoni kienet qed taċċetta l-aħħar kundizzjonijiet li kien qed jagħmel (il-kuntrattur).
11. F’Novembru 2003, f’Jannar 2004 u f’Lulju 2004 waslu fi tlett kunsinji t-tletin elf ċilindru tal-gass ordnati mingħand il-kuntrattur. It-tlett kunsinji kienu ffirmati bħala milqugħa fil-kundizzjoni u l-istat miftiehem bejn il-Korporazzjoni u l-kuntrattur mill-istess uffiċjal ta’ l-Enemalta. L-uffiċjal li kkonferma bil-miktub li ċ-ċilindri tal-gass kienu tal-livell u l-kwalità miftiehma kien l-istess uffiċjal li kiteb id-dokument dwar is-sejħa għall-offerti u wieħed mit-tlett uffiċjali li kienu fil-Bord ta’ l-Għażla.
12. Bħala rutina l-Enemalta teżamina għall-porożità kull ċilindru li timla. Qatt minn meta nxtraw ma falla minn din l-eżaminazzjoni xi wieħed miċ-ċilindri li nxtraw minn Novembru 2003 ’il hawn.
13. F’Lulju 2004, l-Enemalta ordnat lit-Tarzna tagħmel testijiet fuq iċ-ċilindri tal-gass. Dawn it-testijiet kienu ordnati minħabba li l-Enemalta kienet waslet biex tordna 30,000 ċilindru ġdid u riedet tara kienx ikun f’loku li ssir ordni mil-kuntrattur li rebaħ l-aħħar sejħa għall-offerti. It-testijiet urew li l-kwalità tal-metall taċ-ċilindri meta eżaminata għas-saħħa tiegħu, imsejħa bħala ‘testijiet qerrieda’, kienet anqas mil-livelli miftiehma bejn il-kuntrattur u l-Korporazzjoni. Minkejja dan, xejn f’dawn ir-riżultati ma jindika li jeżisti xi periklu minn dawn iċ-ċilindri.
14. Fid-19 t’Awissu, 2004, tħejja rapport minn konsulenti lokali esterni li għamlu osservazzjonijiet dwar il-proċess ta’ l-għażla fix-xiri ta’ dawn iċ-ċilindri.
15. Fid-9 ta’ Settembru, 2004, kampjuni taċ-ċilindri ntbagħtu lill-esperti Taljani għall-verifika. It-testijiet fl-Italja, li għadhom għaddejjin, taw l-ewwel rapporti preliminari nhar l-14 ta’ Settembru, 2004.
Il-Bord tad-Diretturi ta’ l-Enemalta informa lill-Ministeru għall-Investiment, Industrija u Teknoloġija ta’ l-Informazzjoni li nhar l-14 ta’ Settembru, 2004, issospenda u beda proċeduri interni ta’ dixxiplina kontra t-tlett membri tal-Bord ta’ l-Għażla wara li l-investigazzjoni interna iddeterminat biż-żejjed fatti biex dawn jiġu akkużati bi traskuraġni kbira (‘gross negligence’) fl-aġir tagħhom fl-evalwazzjoni ta’, u r-rakkomandazzjonijiet li taw dwar, dan il-kuntratt. Dawn il-proceduri jistgħu jwasslu għat-tkeċċija ta’ l-impjegati kkonċernati kif ukoll għal passi oħra li l-Korporazzjoni jidhrilha li għandha tieħu fil-konfront tagħhom.
L-Enemalta informat lill-Ministeru għall-Investiment, Industrija u Teknoloġija ta’ l-Informazzjoni wkoll li rreferiet id-dettalji ta’ dan il-każ lill-avukati tal-Korporazzjoni biex issir evalwazzjoni ta’ kif l-aħjar jiġu segwiti l-interessi legali tagħha fil-konfront tal-kuntrattur li biegħlha ċ-ċilindri.
Il-Ministeru għall-Investiment, Industrija u Teknoloġija ta’ l-Informazzjoni llum ser jitlob lill-Uffiċċju Nazzjonali dwar il-Verifika biex jinvestiga dan il-każ.
Il-Gvern jixtieq jenfasizza li m’għandu ebda parir tekniku li juri li jeżisti xi periklu fiċ-ċilindri tal-gass. Madankollu, il-Gvern irid li tittieħed kull prekawzjoni u għalhekk iċ-ċilindri li jingħataw vojta lid-distributuri ser jinġabru mill-Enemalta u ma jerġgħux jintużaw.
Il-programm ta’ irtirar mis-suq jista’ jkollu effett għal xi ġimgħat ta’ skarsità fl-istokk ta’ ċilindri tal-gass minħabba li l-istokk eżistenti ta’ riżerva li għandha l-Enemalta hu kważi kollu magħmul mill-istess tip ta’ ċilindri li jridu jinġabru. F’Awissu 2004, l-Enemalta identifikat, wara sejħa għall-offerti oħra, kuntrattur ġdid minn fejn tixtri ċilindri tal-gass ġodda. Iżda l-kuntrattur li biegħlha ċ-ċilindri li jridu jinġabru, appella quddiem id-Dipartiment tal-Kuntratti. Minħabba li dan l-Appell kien u għadu pendenti, l-Enemalta ma setgħetx tixtri ċilindri biex iżżid ir-riservi tagħha. Hu għalhekk li l-programm ta’ ġbir ser jinkludi miżuri ta’ prioritizzazzjoni biex jitnaqqas kemm jista’ jkun kwalunkwe inkonvenjent li jista’ jinħoloq.
Hu importanti ħafna li l-mezzi kollha tal-komunikazzjoni jifhmu li m’hemm ebda raġuni għalfejn jinħoloq paniku jew sens ta’ urġenza dwar dan il-każ. Il-Gvern hu impenjat li jżomm lill-pubbliku infurmat fl-istadji kollha bl-azzjonijiet li jkun qed jieħu.
F’dan il-kuntest il-Ministeru għall-Investiment, Industrija u Teknoloġija ta’ l-Informazzjoni jixtieq jesprimi l-gratitudni tiegħu lid-diriġenti u l-ġurnalisti tal-Malta Today li minkejja li kellha f’idejha partijiet mill-informazzjoni dwar dan il-każ, b’responsabbiltà kbira ikkollaborat mal-Ministeru u mal-Korporazzjoni Enemalta biex ma jinħoloqx paniku mingħajr bżonn.
Stqarrijiet Oħra:
PR261943
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR261942en