Left arrow Go Back

L-CAR FREE DAY TITFAKKAR NHAR L-ERBGĦA 22 TA’ SETTEMBRU

PR1425
Date Icon 16/09/2004

Il-Car Free Day se terġa’ ssir din is-sena wkoll u se tkun imfakkra nhar l-Erbgħa, 22 ta’ Settembru 2004.  It-tema għal din is-sena  hi ‘In Town without my car – Safe Streets for Children’ u l-attivita’ qed issir f’madwar 1,200 belt mifruxa fuq 34 pajjiż – żieda ta’ ħames pajjiżi li qed jipparteċipaw mis-sena l-oħra.

Dan ħabbru l-Ministru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent George Pullicino f’konferenza ta’ l-aħbarijiet li matulha ta l-aħħar dettalji dwar din l-attivita’.  Id-data ta’ l-attivita’ hi magħżula mill-Kummissjoni Ewropea u bħalma ġara s-sena l-oħra wkoll qed jieħdu sehem pajjiżi mhux Ewropej bħalma huma l-Arġentina, il-Brażil, il-Kanada, il-Ġappun u Tajwan.  

Dawn il-kampanji bdew fl-1998 fi Franza u wara li studju wera li madwar 40% tal-emissjonijiet CO2 fil-qasam tat-trasport hu kkawżat minn karozzi privati l-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet fis-sena 2000 li din issir kampanja fuq skala internazzjonali.  

Il-Ministru George Pullicino qal li bit-tema magħżula ta’ Safe Streets for Children il-pajjiżi li qed jipparteċipaw għandhom okkażjoni biex:  

  •       Jippromwovu r-regolamenti u inizjattivi eżistenti tagħhom fil-qasam tas-sigurta’ fit-toroq ;

  •       Jiżdied l-għarfien fost il-poplu fuq ir-riskji li t-toroq għandhom jekk ma jintużawx kif jixraq;

  •       Tiżdied il-kollaborazzjoni bejn l-awtoritajiet biex nirrendu t-toroq tagħna aktar ħieles mill-perikli;

  •       Jingħaqdu f’kampanja waħda Ewropea b’għan komuni;

  •       Ikun enfasizzat l-impenn ta’ l-awtoritajiet lokali għall-policies ta’ transport urban aktar sostenibbli.  

F’Malta, l-Car Free Day qed issir għar-raba’ sena konsekuttiva u din is-sena qed jintuża wkoll il-karattru ta’ Xummiemu li dan l-aħħar reġa’ ngħata l-ħajja u qed jintuża f’attivitajiet li jħeġġu l-parteċipazzjoni tal-pubbliku.  

Il-Ministru Pullicino qal li hu ta’ sodisfazzjon li n-numru ta’ kunsilli lokali li se jipparteċipaw fl-attivita’ ta’ din is-sena tela’ għal 34, wara li s-sena l-oħra kien hemm 26 kunsill li taw is-sehem tagħhom. Dan jixhed l-interess dejjem jikber ta’ l-irħula u l-villaġġi għal din l-inizjattiva.  

Il-Ministri tal-Gvern u l-Membri Parlamentari ser ikunu qed jipparteċipaw ukoll f’din l-inizjattiva.   

Minbarra li jingħalqu xi toroq, xi kunsilli qed jieħdu wkoll inizjattivi interessanti bħalma huma attivitajiet għat-tfal, diskussjonijiet dwar l-ambjent fil-miftuħ, wirjiet tar-roti, stands b’ikel tradizzjonali Malti, wirjiet mill-Korp tal-Pulizija u mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili.  Il-MEPA se tkun ukoll qed tieħu kampjuni tal-arja matul il-jum biex dan jitqabbel ma’ jiem oħra meta jkun għaddej traffiku normali mit-toroq. Il-Ministru Pullicino fakkar li t-trasport pubbliku kif ukoll trasport essenzjali ieħor mhux ser ikun effetwat b’ebda mod minn dawn l-attivitajiet.  

Il-Ministru George Pullicino appella għall-parteċipazzjoni ta’ kulħadd f’din l-inizjattiva u tenna li fit-22 ta’ Settembru li ġej għandna ċans uniku biex nuru kemm verament nemmnu f’ambjent aħjar u dan nistgħu nagħmluh billi mqar għal darba biss inħallu l-karozza wara l-bieb.  

Din l-attivita’ qed tkun ko-ordinata mill-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent bl-ghajnuna u l-parteċipazzjoni tal-Ministeru ghall-Iżvilupp Urban u t-Toroq u l-Ministeru għall-Ġustizzja u l-Intern u qed issir b’koperazzjoni shiha mal-pulizija, il-kunsilli lokali, l-Awtorita’ tat-Trasport, il-MEPA u l-Assoċjazzjoni tat-Trasport Pubbliku.  

Il-Ministeru ħejja kampanja ta’ tagħrif permezz ta’ billboards, posters, reklami fil-gazzetti u parteċipazzjoni f’diversi programmi fuq radios u tv.  Aktar taghrif jista’ jinkiseb mill-kunsilli lokali li qed jipparteċipaw jew mill-websitewww.mobilityweek-europe.org jew www.22september.org.Ħejjejna wkoll indirizz bl- e-mail li hu mobility.week@gov.mt kif ukoll linja ta’ informazzjoni li hi 22952143.  

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU  L-ITS Career Expo u l-Malta Skills Championships jgħaqqdu lill-istudenti mal-industrija u juru t-talent vokazzjonali

PR261945

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU L-ITS Career Expo u l-Malta Skills C...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT U MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI  Qed jiġi żviluppat smart work station biex xogħol relatat mal-manifattura jsir aktar aċċessibbli għall-persuni b’diżabilità

PR261944

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT U MILL-MINISTERU ...

More Press Releases Right arrow