IL-MINISTERU TAS-SAĦĦA, L-ANZJANI U KURA FIL-KOMUNITÀ JWIEĠEB STQARRIJA TAL-GRTU DWAR IR-REGOLAMENTI TAT-TIPJIP
Il-Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità jiċħad bil-qawwa li qiegħed, bir-regolamenti dwar it-tipjip, jipprojbixxi għal kollox it-tipjip (total smoking ban) mill-bars u minn stabbilimenti ta’ l-ikel. Fil-fatt, il-liġi tippermetti li jsir tipjip fil-bars u r-restaurants kemm-il darba dawn ikollhom kamra fiżikament separata fejn isir it-tipjip, u kemm-il darba din tkun konformi ma’ l-ispeċifikazzjonijiet stabbiliti fir-regolamenti.
Hu assolutament skorrett min-naħa tal-GRTU li tgħid li l-Ministeru uża l-Malta StandardsAuthority(MSA) għall-iskopijiet tiegħu. Il-Malta Standards Authority (MSA) kienet intalbet tistabilixxi speċifikazzjonijiet tekniċi dwar livelli fl-arja, wara ftehim li ntlaħaq bejn il-Ministeru u l-GRTU. Kien hemm qbil ukoll li ż-żewġ naħat jonoraw ir-rakkomandazzjonijiet tal-MSA.
Fil-kumitat ta’ l-MSA, li stabilixxa dawn l-ispeċifikazzjonijiet, kien hemm rappreżentanza wiesa ta’ dawk kollha nvoluti f’dan il-kamp, fosthom: il-GRTU. Il-Kumitat żamm għaxar sezzjonijiet ta’ sagħtejn il-waħda u l-GRTU ipparteċipat b’mod attiv f’dan il-kumitat. Ġara li għal xi raġuni li taf biss il-GRTU, ir-rappreżentanti tagħha f’dan il-kumitat, ma attendewx għall-aħħar żewġ laqgħat, meta l-ispeċifikazzjonijiet kienu qed jiġu finalizzati.
Il-GRTU fl-istqarrija tagħha ssemmi li kien intlaħaq ftehim bejnha u l-Ministeru dwar il-mod kif jiġu mplimentati dawn ir-regolamenti. Dan assolutament mhux il-kaz. F’April, waqt laqgħa bejn iż-żewġ naħat, il-Ministeru kien għadda lill-GRTU xi emendi għar-regolamenti oriġinali. Il-GRTU tat il-kelma li fi żmien 24 siegħa, kellha tikkomunika r-reazzjoni tagħha għal dawn l-emendi. Din ir-reazzjoni qatt ma waslet fil-Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità.
Issa jidher li ngħata żmien biżżejjed biex min hu nvolut jieħu l-prekawzjonijiet u jikkonforma ruħu ma’ dak mitlub mir-regolamenti, li ser jidħlu fis-seħħ fil-5 ta’ Ottubru, 2004. Dawn ir-regolamenti qegħdin jiddaħħlu biex tiġi protetta is-saħħa tal-poplu Malti skond ir-rakkomandazzjonijiet ta’ l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa.
Stqarrijiet Oħra:
PR261943
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR261942en