600 STUDENT JIGGRADWAW MILL-M.C.A.S.T.
600 student li temmew l-korsijiet tagħhom fil-livelli differenti li joffri l-Kulleġġ Malti għall-Arti Xjenza u Teknoloġija – MCAST - se jiggradwaw fil-jiem li ġejjin. Dawn l-istudenti ġejjin minn ħames Istituti differenti u miċ-Ċentru tal-MCAST f’Għawdex.
193 – (l-ikbar numru ta’ studenti) - ġejjin mill-Istitut tat-Teknoloġija ta’ l-Informatika u Komunikazzjoni (Information and Communications Technology),
144 mill-Istitut tan-Negozju u l-Kummerċ (Business and Commerce),
114 mill-Istitut ta’ l-Inġinerija Elettrika u Elettronika (Electrical and Electronics Engineering),
79 mill-Istitut ta’ l-Arti u d-Disinn (Art and Design),
45 mill-Istitut tal-Bini u Kostruzzjoni (Building and Construction Engineering) u 25 miċ-Ċentru ta’ l-MCAST f’Għawdex.
Il-Kulleġġ illum jinkorpora disa’ Istituti, wara li din is-sena nfetħu tlett istituti ġodda. Minbarra l-ħames Istituti msemmija hawn fuq, hemm l-Istitut Marittimu u t-tlett istituti l-ġodda: l-Istitut tas-Servizzi fil-Komunita’ (Community Services), l-Istitut ta’ l-Inġinerija Mekkanika (Mechanical Engineering) u l-Istitut ta’ l-Agrikummerċ (Agribusiness).
"Il-ħolqien ta’ l-MCAST fisser żvilupp importanti fil-qasam tat-taħriġ vokazzjonali u tat-tagħlim ogħla. Il-Kulleġġ diġa’ qed jitqies bħala alternattiva valida u rilevanti għar-rotta akkademika li toffri l-Universita’. Qed jitqies ukoll bħala Kulleġġ li jipprovdi taħriġ ta’ livell għoli u ħafna jqisu l-Kulleġġ bħala wieħed ta’ kwalita’. Għalkemm il-Kulleġġ wettaq żvilupp tajjeb kemm ilu miftuħ, xorta jonqos ħafna xogħol biex jiżviluppa ferm aktar u joffri aktar opportunitajiet ta’ kwalita’ fil-qasam vokazzjonali f’pajjiżna”. Dan qalu l-Ministru ta’ l-Edukazzjoni, l-Onor. Louis Galea, f’diskors li għamel fl-ewwel ċerimonja ta’ gradwazzjoni ta’ l-istudenti.
Il-Ministru Galea qal li meta waqqaf il-Kulleġġ kellu viżjoni ċara fejn ried li jasal il-Kulleġġ. Illum il-kulleġġ kiber biex fid-disa’ Istituti hemm mat-3,374 student full-time u mal-1,299 part-time. Dawn l-istudenti huma mgħallma minn 208 lecturer full-time u 152 part-time.
Il-Ministru qal li f’dawn l-aħħar snin il-Gvern alloka miljuni ta’ liri għall-MCAST kemm biex il-Kulleġġ ikun jista jopera, kif ukoll biex isir investiment kapitali għal titjib ta’ l-infrastruttura u r-riżorsi li jeżistu kif ukoll biex jinħolqu strutturi u riżorsi ġodda. Il-Ministru semma b’mod partikolari l-investiment kapitali li għaddej bħalissa li jinkludi Librerija u Ċentru ta’ Riżorsi ġodda, faċilitajiet sportive, canteen għall-istudenti u block amministrattiv.
Il-Ministru tkellem ukoll dwar l-iżviluppi li seħħew fl-aħħar sena partikolarment il-ftuħ ta’ l-Istituti l-ġodda, il-ftuħ ta’ korsijiet ġodda li jwasslu għall-Higher National Diploma, livell wieħed biss il-bogħod minn Degree ta’ l-Universita’, sħubija tal-Kulleġġ ma l-industrija partikolarment bil-ftehim mal-Freeport, u l-internazzjonalizzazjoni tal-Kulleġġ permezz tal-parteċipazzjoni ta’ l-istudenti f’diversi programmi ta’ l-UE.
"Id-dinja madwarna qed tinbidel u intom se tkunu qed tidħlu f’dinja ta’ xogħol li se toffrilkom opportunitajiet u sfidi kbar. Ilkoll irridu ninsew il-limitazzjonijet ta’ gżiritna. Issa irridu naħsbu bil-moħħ ta’ l-ispazju Ewropew li tiegħu se nkunu parti minn Mejju li ġej. Filwaqt li l-isfidi huma kbar, l-opportunitajiet huma bil-wisq aktar. L-ekonomija tagħna ser tiddependi fuq l-inizjattiva privata u fuq kemm ser insaħħu l-kultura imprenditorjali biex noħolqu kemm nifilħu impriżi żgħar. Is-sehem ta’ l-MCAST ser ikun ta’ importanza kbira fil-miżuri li rridu nwettqu permezz tal-Pjan Nazzjonali ta’ Azzjoni għall-Impjiegi li l-Gvern qed ifassal”, temm jgħid il-Ministru Louis Galea.
Stqarrijiet Oħra:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en