RISPOSTA GHALL-ISTQARRIJA MAHRUGA MILL-CARGO HANDLING CO. LTD.
B’riferenza ghall-istqarrija maħruga mill-Cargo Handling Co. Ltd. u li dehret f’sezzjonijiet tal-istampa llum, il-Ministeru ghall-Kompetittivita’ u Komunikazzjoni għandu s-segwenti kummenti x’jagħmel:
Dan il-Ministeru, kif ukoll l-Awtorita’ Marittima ta’ Malta, meta tkellmu dwar ir-riforma fil-portijiet, fl-ebda mument ma għamlu riferenza unika għall-Cargo Handling Co. Ltd, kumpanija sussidjarja tal-General Workers Union, iżda għamlu riferenza lejn is-setturi kollha li jmissu mal-port, u li b’xi mod jew ieħor jagħtu servizz hemmhekk.
Fil-laqgħat tal-Kunsill Konsultattiv tal-Portijiet, li xogħolu kienet li jiddiskuti r-riforma tal-portijiet, kien hemm preżenti ghal-laqgħat kollha, uffiċjal għoli tal-Cargo Handling Co. Ltd. Għalhekk il-kumpanija, li għandha wkoll kopja tad-dokument finali maħrug mill-Kunsill taf perfettament li s-setturi kollha gew identifikati bhala parti mir-riforma, u mhux il-Cargo Handling Co. Ltd. biss, kif qieghed ikun allegat fl-istqarrija.
Dejjem kienet intenzjoni tal-Gvern li jissalvagwardja d-dħul finanzjarju tal-ħaddiema. Ma jfissirx li jekk jonqos id-dħul taghhom, ix-xogħol se jizdied. Hu biss jekk tiżdied l-effiċjenza, u d-dħul ikun għal xogħol ġustifikat li verament qiegħed isir, li l-kompetittivita’ fil-portijiet tiżdied, bir-rizultat aħħari li d-dħul tagħhom għandu l-potenzjal li jizdied ukoll.
Hu veru li l-kumpanija Cargo Handling Co. Ltd. tiehu parti biss mill-ispejjez li jaqgħu taħtha, izda wieħed irid joqgħod attent u jagħraf li ammont ta’ spejjez illum m’għandhomx jagħmlu sens għax il-prattiċi ta’ xogħol, bħal ma kienu jsiru fi żminijiet imgħoddija, spiċċaw.
Minn naħa l-oħra l-Cargo Handling Co. Ltd. minħabba li qatt ma nvestiet fil-makkinarju tagħha, qabbdet kuntrattur privat, bil-privilegg illegali li jiehu LM 7.00 ghas-servizz ta’ ħatt għal container tal-20 pied u LM 12.00 għal container tal-40 pied, minflok li tagħmel dan ix-xogħol il-kumpanija stess. Dawn l-ispejjeż minflok jigu assorbiti fit-tariffi tal-Cargo Handling Co. Ltd. qed jigu mħallsa mill-aċenti separatament, meta dan mhux awtorizzat. Għalhekk l-agent ihallas lill-Cargo Handling għall-ħatt tal-merkanzija, kif ukoll lill-kuntrattur privat ghall-istess servizz. Dan ifisser duplikazzjoni ta’ spejjez li fl-aħħar mill-aħħar jinġarru mill-konsumatur.
Hu ovvju li s-setturi kollha tal-port se jinbarkaw fuq kampanja sabiex jigbdu lejhom is-simpatija tal-opinjoni pubblika. Min-naħa l-oħra organizazzjonijiet li, flimkien mal-Gvern, għandhom interess ewlieni fil-kompetittivita’ ta’ Pajjizna bħal Kamra tal-Kummerċ, il-Federazzjoni tal-Industrija, u bosta service providers oħra, huma parti integrali minn dan il-pjan, u huma konxji mill-ħtiega urgenti li din ir-riforma issir. Dan il-Ministeru hu sodisfatt li dawn l-entitajiet jaghrfu din l-importanza, u flimkien mal-Gvern lesti li jkunu parti minn din l-istrategija.
Il-Gvern m’għandu l-ebda intenzjoni li jipponta subghajh lejn il-Cargo Handling Co. Ltd. iżda, kif għamel f’okkazjonijiet oħra, lejn is-sistema preżenti kollha kemm hi, u jissottolinja li r-regim ta’ spejjez żejda għandu jispiċċa.
Il-Ministru tal-Kompetittivita’ u Komunikazzjoni l-Onor. Censu Galea dejjem kien lest li jiltaqa’ ma’ dawk kollha li għandhom interess fl-operazzjonijiet tal-port kif sar, kemm–il darba f’okkazjonijiet oħra. Dan flimkien mad-determinazzjoni li l-process ta’ diskussjoni mhux ser jerġa’ jibda mill-gdid iżda għandu jitkompla u jiġi implimentat.
Il-Gvern ilu li li midd għonqu għal din ir-riforma u l-partijiet kollha konċernati kienu parti mid-diskussjonijiet. Issa wassal iz-żmien li ma nibqgħux nintilfu f’diskussjoni eterna iżda mmexxu r-riforma l’ quddiem ghall-aħjar interess tal-Pajjiz.
Stqarrijiet Oħra:
PR261943
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR261942en