INVESTIMENT TA’ €4 MILJUN GĦALL-BINI MILL-ĠDID TA’ TRIQ ARTERJALI F’GĦAWDEX
Wieħed mill-ewwel proġetti infrastrutturali li ser isiru f’Għawdex permezz ta’ ko-finanzjament ta’ l-Unjoni Ewropea huwa l-bini mill-ġdid tat-triq li tgħaqqad lill-Belt Victoria mar-raħal ta’ San Lawrenz.
Permezz ta’ fondi mill-European Regional Development Fund (ERDF) ta’ l-Unjoni Ewropea, speċifikament taħt il-prijorita’ ta’ Għawdex, it-triq li hi twila madwar 5 kilometri, ser tinqala’ u terġa’ tinbena mill-ġdid. Din it-triq arterjali tgħaqqad in-naħa tal-Punent tal-gżira t’Għawdex maċ-ċentru u tolqot b’mod dirett l-aċċessibilita’ lejn u minn l-irħula ta’ l-Għasri, l-Għarb u San Lawrenz, il-villaġġ tas-snajja’ Ta’ Dbieġi, Ta’ Pinu kif ukoll id- Dwejra.
Dan il-proġett, flimkien mal-proġetti oħra għal Għawdex li ser jibbenefikaw minn fondi ta’ l-Unjoni Ewropea, kien ġie sottomess mill-Ministeru għal Għawdex lill-kumitat għall-għazla tal-proġetti u lill-Kabinett, wara li lkoll ġew diskussi u ntlaħaq qbil dwarhom flimkien ma’ l-istakeholders Għawdxin.
F’kumment dwar dan il-proġett il-Ministru għal Għawdex, l-Onor. Giovanna Debono fissret li dan huwa wieħed importanti ħafna għal Għawdex speċjalment meta tikkumparah mad-dimensjoni tal-gżira. Hija spjegat li esperti Ġermaniżi kienu żaru lil Għawdex u ħejjew rapport dwar is-sitwazzjoni tat-toroq fil-gżira, b’aċċenn partikolari fuq it-toroq arterjali li jeħtieġu li jinqalgħu u jinbnew mill-ġdid.
Il-Ministru Debono qalet li s-sejħa għall-offerti ser toħroġ fil-jiem li ġejjin u mistennija tagħlaq lejn tmiem din is-sena. Wara l-perijodu ta’ l-evalwazzjoni u l-għoti tat-tender, ix-xogħol mistenni jibda ftit xhur wara u jintemm fi żmien sena. Il-kuntrattur jew kuntratturi li jieħdu l-offerta għandhom ir-responsabilita’ li jfasslu pjan għal kif it-traffiku jista’ jimxi xorta waħda lejn iż-żoni differenti biex l-inkonvenjent lir-residenti, sidien tal-ħwienet, artiġġjana u dawk involuti fis-settur turistiku jkun minimizzat kemm jista’ jkun.
Ix-xogħol li ser isir f’dan il-proġett huwa xogħol intensiv ħafna. It-triq mhux ser tiġi sempliċement mogħtija wiċċ ġdid imma ser titħaffer, tinqala’ għal kollox, terġa’ tinbena u finalment tingħata wiċċ ġdid. Dan il-proġett jinvolvi l-investiment ta’ €4 miljun, €1 miljun minnhom ġej mill-fondi tal-Gvern Ċentrali permezz tal-Ministeru għal Għawdex.
Il-Ministru Debono qalet li hija konvinta li bil-koperazzjoni ta’ kulħadd, il-Ministeru għal Għawdex ikun jista’ jwettaq dan il-proġett favur Għawdex – proġett ieħor fl-impenn tal-Ministeru li jkompli jtejjeb il-kwalita’ tal-ħajja f’Għawdex.
Hija fakkret ukoll li l-Ministeru għal Għawdex issottometta diversi proġetti oħra għal ko-finanzjament mill-Unjoni Ewropea taħt il-prijorita’ t’Għawdex. Il-Ministru Debono fakkret li l-Ministeru għal Għawdex issottometta proġett ieħor għal iktar bini mill-ġdid ta’ toroq f’Għawdex sabiex isiru permezz tat-€2.8 miljun mill-Fondi ta’ Koeżjoni.
Stqarrijiet Oħra:
PR261943
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR261942en