Left arrow Go Back

INVESTIMENT TA’ €4 MILJUN GĦALL-BINI MILL-ĠDID TA’ TRIQ ARTERJALI F’GĦAWDEX

PR1411
Date Icon 13/09/2004

Wieħed mill-ewwel proġetti infrastrutturali li ser isiru f’Għawdex permezz ta’ ko-finanzjament ta’ l-Unjoni Ewropea huwa l-bini mill-ġdid tat-triq li tgħaqqad lill-Belt Victoria mar-raħal ta’ San Lawrenz.  

Permezz ta’ fondi mill-European Regional Development Fund (ERDF) ta’ l-Unjoni Ewropea, speċifikament taħt il-prijorita’ ta’ Għawdex, it-triq li hi twila madwar 5 kilometri, ser tinqala’ u terġa’ tinbena mill-ġdid. Din it-triq arterjali tgħaqqad in-naħa tal-Punent tal-gżira t’Għawdex maċ-ċentru u tolqot b’mod dirett l-aċċessibilita’ lejn u minn l-irħula ta’ l-Għasri, l-Għarb u San Lawrenz, il-villaġġ tas-snajja’ Ta’ Dbieġi, Ta’ Pinu kif ukoll id- Dwejra.  

Dan il-proġett, flimkien mal-proġetti oħra għal Għawdex li ser jibbenefikaw minn fondi ta’ l-Unjoni Ewropea, kien ġie sottomess mill-Ministeru għal Għawdex lill-kumitat għall-għazla tal-proġetti u lill-Kabinett, wara li lkoll ġew diskussi u ntlaħaq qbil dwarhom flimkien ma’ l-istakeholders Għawdxin.  

F’kumment dwar dan il-proġett il-Ministru għal Għawdex, l-Onor. Giovanna Debono fissret li dan huwa wieħed importanti ħafna għal Għawdex speċjalment meta tikkumparah mad-dimensjoni tal-gżira. Hija spjegat li esperti Ġermaniżi kienu żaru lil Għawdex u ħejjew rapport dwar is-sitwazzjoni tat-toroq fil-gżira, b’aċċenn partikolari fuq it-toroq arterjali li jeħtieġu li jinqalgħu u jinbnew mill-ġdid.  

Il-Ministru Debono qalet li s-sejħa għall-offerti ser toħroġ fil-jiem li ġejjin u mistennija tagħlaq lejn tmiem din is-sena. Wara l-perijodu ta’ l-evalwazzjoni u l-għoti tat-tender, ix-xogħol mistenni jibda ftit xhur wara u jintemm fi żmien sena. Il-kuntrattur jew kuntratturi li jieħdu l-offerta għandhom ir-responsabilita’ li jfasslu pjan għal kif it-traffiku jista’ jimxi xorta waħda lejn iż-żoni differenti biex l-inkonvenjent lir-residenti, sidien tal-ħwienet, artiġġjana u dawk involuti fis-settur turistiku jkun minimizzat kemm jista’ jkun.

Ix-xogħol li ser isir f’dan il-proġett huwa xogħol intensiv ħafna. It-triq mhux ser tiġi sempliċement mogħtija wiċċ ġdid imma ser titħaffer, tinqala’ għal kollox, terġa’ tinbena u finalment tingħata wiċċ ġdid. Dan il-proġett jinvolvi l-investiment ta’ €4 miljun, €1 miljun minnhom ġej mill-fondi tal-Gvern Ċentrali permezz tal-Ministeru għal Għawdex.  

Il-Ministru Debono qalet li hija konvinta li bil-koperazzjoni ta’ kulħadd, il-Ministeru għal Għawdex ikun jista’ jwettaq dan il-proġett favur Għawdex – proġett ieħor fl-impenn tal-Ministeru li jkompli jtejjeb il-kwalita’ tal-ħajja f’Għawdex.  

Hija fakkret ukoll li l-Ministeru għal Għawdex issottometta diversi proġetti oħra għal ko-finanzjament mill-Unjoni Ewropea taħt il-prijorita’ t’Għawdex. Il-Ministru Debono fakkret li l-Ministeru għal Għawdex issottometta proġett ieħor għal iktar bini mill-ġdid ta’ toroq f’Għawdex sabiex isiru permezz tat-€2.8 miljun mill-Fondi ta’ Koeżjoni.  

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Id-Dipartiment tar-Radjoloġija f’San Vinċenz mistenni jaqbeż l-20,000 eżami fl-2026

PR261943

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  The Speaker of the House of Representatives highlights Malta’s climate vulnerabilities and the role of parliaments at the IPU Parliamentary Meeting on COP31 in Türkiye

PR261942en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...

More Press Releases Right arrow