MINN GĦODDA TAL-GWERRA GĦAL ĊENTRU GĦALL-KREATTIVITA’
Meta nieda l-istaġun tal-ħarifa fiċ-Ċentru għall-Kreattivita’ u bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet li jfakkru r-raba’ anniversarju ta’ l-inawgurazzjoni taċ-Ċentru, il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech qal li l-Kavallier ta’ San Ġakbu nbena biex iħares il-kapitali ta’ pajjiżna fiż-żmien l-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li f’dawn il-jiem pajjiżna qed jiċċelebra l-40 anniversarju mill-akkwist ta’ l-Indipendenza tiegħu. Hu qal li tul dan iż-żmien pajjiżna nbidel minn bażi militari għal pont ta’ paċi b’ekonomija marbuta madwar il-manifattura, it-turiżmu u s-servizzi finanzjarji. Francis Zammit Dimech qal li dak kollu li sal-1964 kien iservi bħala parti mid-difiża tagħna u tad-dinja ħielsa llum ġie diversifikat biex iservi bħala għodda għall-paċi.
Francis Zammit Dimech qal li s-sħubija tagħna fl-Unjoni Ewropea tat lil pajjiżna dimensjoni ġdida bħala post fejn jiltaqgħu kulturi u reliġjonijiet diversi, pont ta’ paċi bejn l-Ewropa u l-Afrika ta’ Fuq.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li f’dan ix-xenarju ġdid il-Kavallier ta’ San Gakbu jiehu dimensjoni ġdida. Hu qal li l-amministrazzjoni Nazzjonalista ta’ bejn l-1992 u l-1996 ħadet id-deċiżjoni li l-Kavallier ta’ San Ġakbu jinbidel f’ċentru fejn il-Maltin ikollhom fejn jiżviluppaw it-talenti u l-kreattivita’ tagħhom, fejn inkabbru l-arti u l-kultura billi jkollna swali ta’ wirjiet u ta’ produzzjonijiet kulturali u artistiċi.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li hu kellu l-inkarigu li fl-ammistrazzjonijiet ta’ bejn l-1992 u l-1996, u ta’ wara l-1998 ikun responsabbli mix-xogħol ta’ riabilitazzjoni u restawr li sar fil-Kavallier ta’ San Ġakbu. Hu qal li din il-fortizza, b’investiment ta’ Lm4.6 miljun, inbidlet minn post umdu, mitluq u li ma kien qed iservi ebda skop pożittiv, f’Ċentru għall-Kreattivita’, post fejn l-artisti tagħna qed jiżviluppaw it-talenti tagħhom b’risq l-iżvilupp kulturali ta’ pajjiżna li jidentifikana minn kull nazzjon ieħor.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li dan iċ-Ċentru hu marbut ukoll mal-millennju l-ġdid għaliex kien il-proġett li ġie inawgurat biex ifakkar il-bidu tat-tielet millennju tal-Kristjaneżmu. Hu qal li ċ-Ċentru għall-Kreattivita’ issa ilu erba’ snin jagħti s-servizzi tiegħu lill-poplu u ma kellux dubbju li kien suċċess mill-bidu għaliex minnu mhux biss għaddew eluf ta’ nies biex jaraw wirjiet u jassistu ghal produzzjonijiet teatrali u films, iżda ikkontribwixxa bil-kbir għar-rinaxximent kulturali ta’ pajjiżna.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li jekk wieħed iħares lejn is-sena li għaddiet biss isib li fiċ-Ċentru ttellgħu 26 wirja ta’ pittura u xogħlijiet ta’ l-arti, intwerew 98 film li 32 minnhom kien jagħmlu parti minn festivals ta’ films Ċeki, Awstraljani, Irlandiżi, Franċiżi u Taljani, saru 20 rappreżentazzjoni teatrali u 23 avveniment mużikali. Hu qal li barra minhekk kienet organizzata id-Dramafest 04, il-Fly Zone li kienet attrazzjoni speċjali ta’ dwal u ħsejjes li ttellgħet bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tas-sħubija ta’Maltafl-UE u għadd ta’ avvenimenti speċjali.
Francis Zammit Dimech qal li kien jemmen li dan iċ-ċentru kellu quddiemu żminijiet interessanti fejn seta’ jiżviluppa inizjattivi ġodda li jressqu l-arti u l-kultura aktar lejn il-poplu Malti kollu. Hu qal li bħala ministru responsabbli mit-turiżmu u l-kultura kien tal-fehma li l-kultura setgħet tikkontribwixxi bis-sħiħ biex aktar turisti jżuru Malta . Hu qal li n-numru ta’ turisti li jżuruna għal skopijiet kulturali kien diġa’ jlaħħaq aktar minn 200,000 ċifra li b’ħidma flimkien għandha tikber u tħalli aktar frott. Hu qal li f’din il-ħidma seta’ jagħti sehem importanti ċ-Ċentru għall-Kreattivita’.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li l-programm ta’ attivitajiet li ċ-Ċentru għall-Kreattivita’ kien ħejja għal din il-ħarifa kien wieħed vast u li mistenni jimla s-swali kollha taċ-Ċentru b’attivitajiet minn issa sa’ Mejju tas-sena d-dieħla. Hu qal li ċ-Ċentru kellu diġa ibbukjati diversi attivitajiet fosthom kunċerti fil-Music Room, wirjiet ta’ films li jinkludu festival ta’ Films Ċiniżi f’Ottubru, wirjiet minn artisti lokali u barranin fis-sala ewlenija u fl-Upper Galleries, festival internazzjonali ta’ poeżija u diversi attivitajiet oħra. Hu qal li attivita’ importanti organizzata miċ-Ċentru kienet il- “Young Cavalier’s Summer Club” li ser jerġa’ jibda fid-9 ta’ Ottubru b’kors mifrux fuq għaxar sessjonijiet u li jintemm fid-9 ta’ Diċembru.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li meta l-Gvern beda jwettaq il-proġett ta’ restawr u riabilitazzjoni tal-Kavallier ta’ San Ġakbu kien hemm min tqarras li kienu se jiġu nvestiti daqshekk flus fi proġett bħal dan. Hu qal li llum kulħadd qed jifhem li l-investiment li sar kien wieħed għaqli għaliex mhux biss iċ-Ċentru żied id-dħul tiegħu mill-attivitajiet li jorganizza iżda anke għaliex żdiedu l-attivitajiet kulturali li huma indikazzjoni ċara li ċ-Ċentru għall-Kreattivita’ qed jilħaq l-iskop li għalih twaqqaf. Francis Zammit Dimech irringrazzja lic-Chairman, lill-membri tal-bord u lill-ħaddiema kollha taċ-Ċentru għall-Kreattivita’ għax-xogħol tagħhom filwaqt li awguralhom aktar ħidma b’risq il-kultura f’pajjiżna.
Other Press Releases:
PR261943
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR261942en