Left arrow Mur Lura

VIŻJONI AMBIZZJUŻA BIEX IL-MALTIN IGAWDU KWALITA` TA’ HAJJA AĦJAR

PR1404
Date Icon 11/09/2004

Illum il-Prim Ministru Lawrence Gonzi iltaqa’ mal-ġurnalisti fejn spjegalhom id-diversi inizjattivi li l-Gvern qiegħed jieħu u li ser jirrendu kwalita’ ta’ ħajja aħjar għal kulħadd.


Il-Prim Ministru spjega kif bħalissa l-Gvern qiegħed jaħdem fuq diversi fronti li jirrikjedu riformi mill-qiegħ. Dan il-programm ta’ riforma ser iwassal mhux biss biex il-pajjiż ikun kompetittiv, imma ser ifisser ukoll ħolqien ta’ aktar ġid li minnu jgawdi kulħadd. Huwa saħaq illi l-mira tiegħu u tal-Gvern immexxi minnu hija li pajjiżna ikun pajjiż serju, li jispira fiduċja fl-investituri u l-konsumaturi u li jipprovdi ambjent u livell ta’ għixien għoli.  

Fl-introduzzjoni tiegħu l-Prim Ministru semma kif hemm sinjali ċari li r-ritmu ekonomiku qed jirpilja, anki grazzi għall-miżuri li qed jieħu l-Gvern sabiex jistimola l-ekonomija. Il-finanzi tal-Gvern qed jiġu kontrollati anki jekk għad hemm bżonn ta’ aktar impenn minn kulħadd sabiex il-miri fil-Budget ta’ din is-sena jiġu milħuqa. “L-indikazzjonijiet li għandna jikkonfermaw li mexjin fid-direzzjoni t-tajba. Iżda fadal ħafna x’isir. Is-sagrifiċċji li qiegħdin nagħmlu llum diġa’ qiegħdin iħallu riżultati pożittivi u l-Gvern hu konvint li huma l-pedament tas-suċċessi li pajjiżna ser ikollu fix-xhur u s-snin li ġejjin.”  

F’dan il-kuntest, il-ftehim dwar Patt Soċjali għandu jkun mira nazzjonali għaliex huwa jwitti t-triq biex pajjiżna jkompli jiżviluppa u jirbaħ l-isfidi li għandu quddiemu. Hawnhekk, il-Prim Ministru ħeġġeġ lill-imsieħba soċjali kollha biex ikomplu jagħtu l-kontribut tagħhom ħalli jintlaħaq dan il-ftehim.  

Il-Prim Ministru rrefera wkoll għaz-żewġ pjani nazzjonali ta’ azzjoni dwar l-impjiegi u l-esklużjoni soċjali li ġew imnedija f’dawn l-aħħar ġranet. Dawn iż-żewġ dokumenti huma ntiżi sabiex jassiguraw rata ta’ parteċipazzjoni għola fl-attivita ekonomika ta’ pajjiżna, u b’hekk inkomplu noħorġu mir-riskju tal-faqar lil dawk li għal xi raġuni jew oħra jsibu ruħhom f’xi diffikultajiet.  

Dawn iż-żewġ dokumenti huma msejsa fuq numru ta’ prinċipji li l-Gvern adotta u li għalihom qed jikkometti l-ħidma tiegħu. Dawn huma: ż-żieda fl-impjiegi u fir-rata ta’ parteċipazzjoni tax-xogħol speċjalment dik tan-nisa, it-titjib tal-kwalita’ ta’ l-impjiegi, l-impenn taghna kontra l-illitteriżmu u t-titjib tas-sistema edukattiva l-aktar dik ta’ matul il-ħajja, il-ħarsien soċjali inkluż r-riformi li hemm bżonn li jsiru sabiex jiġi assigurat l-adekwatezza tal-pensjonijiet għal ġenerazzjonijiet future, u l-ġlieda kontra l-abbużi li qed ittellef it-tisħiħ ta’ l-appoġġ soċjali. B’kollox dawn iż-żewġ Pjanijiet ta’ Azzjoni ser jitqwettqu permezz ta’ 54-il inizjattiva li ser ikunu ffinanzjati mill-Unjoni Ewropea flimkien ma’ ammont mill-Gvern Malti.  

Il-Prim Ministru rrefera wkoll għall-problema tal-immigranti llegali li bħalissa qiegħda tilħaq sitwazzjoni allarmanti tant li l-Gvern Malti qed iżid l-interventi diplomatiċi tiegħu sabiex tinstab soluzzjoni li permezz tagħha l-Gvern, filwaqt li jkun f’pożizzjoni li jipprovdi appoġġ lil dawn il-każijiet umanitarji, ma jsofrix pressjoni li ma jiflaħx għaliha fuq ir-riżorsi tal-pajjiż.  

Il-Prim Ministru qal li f’pajjiżna bħalissa hawn aktar minn elf immigranti llegali li minnhom 760 niżlu fuq xtutna matul dan is-sajf. Filwaqt li ċ-ċentri ta’ detenzjoni qed jakkomodaw madwar 580-il immigrant, fiċ-Ċentri Miftuħa joqgħodu ‘l fuq minn 400 persuna. Barra minn dan hemm numru ta’ minorenni li jinsabu ġo residenza apposta għal dawk il-minorenni li ma jkunux akkumpanjati. Madwar 100 puliżija u aktar minn 113-il membru tal-Armata jinsabu mpenjati sabiex iħarsu dawn iċ-ċentri. F’dawn l-aħħar ġimgħat il-Gvern tejjeb l-appoġġ soċjali lil dawn l-immigranti billi waqqaf servizz ta’ appoġġ professjonali fi ħdan l-Agenzija APPOGG, anki jekk dan għadu mhux biżżejjed biex ilaħħaq mad-domanda.

Il-Prim Ministru fakkar li għalkemm pajjiżna bħalissa għaddej min sitwazzjoni diffiċli f’dan ir-rigward, tajjeb li kulħadd ikompli japprezza l-aspett umanitarju li jgħaddu minnhom dawn l-immigranti li jaslu, li saħansitra jħallu kollox warajhom u jaħarbu minn pajjiżhom f’sitwazzjoni fejn ikunu vittmi innoċenti tac-ċirkostanzi. 

Madankollu, il-Gvern xorta waħda qed janalizza s-sitwazzjoni sabiex jara x’soluzzjonijiet jistgħu jinstabu nkluż fil-livell ta’ l-Unjoni Ewropea. Il-Viċi Prim Ministru Tonio Borg sejjer f’dawn il-ġranet ikollu laqgħat bilaterali mal-Ministru tal-Intern Taljan Pisanu sabiex tiġi diskussa aktar fid-dettall din il-proposta.  

Matul il-laqgħa mal-ġurnalisti, l-Prim Ministru Lawrence Gonzi ħabbar ukoll li stieden lill-MEPA sabiex tidentifika numru ta’ siti li jistgħu jiġu żviluppati bħala golf courses, sabiex b’hekk tkun tista’ tittieħed deċiżjoni mill-Gvern dwar fejn għandhom jiġu żviluppati.  

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Id-Dipartiment tar-Radjoloġija f’San Vinċenz mistenni jaqbeż l-20,000 eżami fl-2026

PR261943

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  The Speaker of the House of Representatives highlights Malta’s climate vulnerabilities and the role of parliaments at the IPU Parliamentary Meeting on COP31 in Türkiye

PR261942en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...

Aktar Stqarrijiet Right arrow