IL-GVERN HUWA MPENJAT BIEX IKOMPLI JIŻVILUPPA U JISFRUTTA YACHT MARINAS ĠODDA F’MALTA
Qiegħed jitkompla studju għal żvilupp ta’ Yacht Marinafix-Xemxija – Il-Ministru Censu Galea
“Pajjiżna ma jgħix f’iżolament, iżda f’kull settur għandu kompetizzjoni kbira. Jeħtieg għalhekk li nagħrfu din ir-realtà u b’responsabbilità kollettiva naħdmu fuq binarji godda.” Dan qalu l-Ministru għall-Kompetittivita’ u Komunikazzjoni Censu Galea waqt li kien qed iżur il-Yacht Marina u d-Direttorat tal-Yachting f’Ta’ Xbiex mmexxija mill-Awtorità Marittima Maltija.
Il-Ministru Galea qal li dan il-Gvern hu mpenjat li filwaqt li jiżviluppa aktar il-kunċett marittimu ta’ Malta , jisfrutta l-potenzjal ta’ pajjiżna fil-qasam tal-yachting billi jassigura li l-infrastruttura f’dan is-settur takkomoda d-domanda kbira li teżisti.
Fil-Marina ta’ l-Imsida u ta’ Xbiex, li preżentament hi l-akbar waħda f’Malta, kien hemm 790 irmiġġ, u li kienu kollha mehuda. Dan in-numru riċentement żdied b’25 irmiġġ ġdid li ukoll ġew okkupati mill-ewwel. B’hekk din il-Marina issa takkomoda 815opra tal-baħar. L-Awtorità Marittima hi responsabbli wkoll għall-marina ta’ l-Imġarr Għawdex fejn jeżistu madwar 190 irmiġġ ieħor. Hawnhekk ukoll l-irmiġġi huma kollha meħudha.
L-Onor. Censu Galea għamel aċċenn għall-waiting list li hemm quddiem l-Awtorità, ta’ madwar 400 talba għall-irmiġġi permanenti u spjega li filwaqt li d-domanda minn naħa tal-pubbliku, kemm dak lokali u oħrajn li jżuru Malta , qegħda dejjem tiżdied, il-marinas huma kollha mimlija. Dawn minbarra dawk privati bħal dik ta’ Portomaso, Manoel Island u l-Kottonera, li wkoll huma mimlija sostanzjalment. Dan ifisser li bejn il-marinas privati, ’il fuq minn 700 irmiġġ ieħor huma okkupati.
Il-Ministru Censu Galea qal li matul ix-xhur tas-sajf jiżdiedu sostanzjalment yachts barranin li jiefqu f’Malta, kemm minħabba fil-pożizzjoni ġeografika
tagħna kif ukoll għal dak li għandna x’noffru bħala nazzjon. “Hu propju għalhekk li l-Gvern ilu li għaraf il-potenzjal ta’ dan is-settur, kemm mil-lat turistiku kif ukoll ekonomiku, u qiegħed jinvesti fl-iżvilupp kontinwu tiegħu,” qal il-Ministru.
Hu kompla jgħid li fl-isfond tal-benefiċċji ekonomiċi li jiġġeneraw il-yacht marinas, u mill-esperjenzi pożittivi li akkwistajna s’issa, il-Ministeru tal-Kompetittività u Komunikazzjoni, responsabbli għall-affarijiet marittimi, flimkien ma’ l-Awtorità Marittima Maltija, se jkomplu jibnu fuq studju li kien tħejja sabiex titnieda yacht marina ġdida fin-naħa ta’ fuq ta’ Malta. Dan anki wara li l-Awtorità ta’ l-Ippjanar fi studju li kienet ippubblikat, kienet identifikat il-bajja tax-Xemxija bħala sit potenzjali għal dan l-iżvilupp.
“Proġett bħal dan fix-Xemxija m’hux biss jgħinna nkomplu niżviluppaw is-settur tal-yachting iżda jġib miegħu ukoll riġenerazzjoni ekonomika u soċjali aktar wiesgħa f’din il-parti ta’ Malta . Dan bħal ma seħħ, u għadu qieghed jiġri fil-Kottonera, wara l-iżvilupp ta’ marina f’dik iż-żona,” sostna l-Ministru Galea. Wara l-istudju, li hekk kif jitlesta kollu jgħaddi għall-fażi ta’ approvazzjoni, jkun mistenni li ssir sejħa għall-offerti ta’ interess sabiex fil-futur immedjat, jingħata bidu għal dan il-proġett.
Il-Ministru tal-Kompetittività u Komunikazzjoni emfasizza wkoll li huwa importanti li sabiex inkunu kompetittivi, m’hux biss għandu jkollna l-infrastruttura kollha meħtiega, iżda hemm bżonn ukoll li nkomplu ntejbu u ngħollu l-livell tal-prodotti u s-servizzi li noffru, bi standards għolja u prezz raġonevoli. B’dan il-mod inkunu qegħdin naghtu valur lill-importanza li tingħata lill-kwalità tas-servizz. “Iż-żmien li nippromwovu lil Malta minħabba fix-xemx u l-baħar spiċċa. Dawn mhumiex komoditajiet li ngawdu u niftaħru bihom aħna biss. Irridu nkunu konxji minn dan u filwaqt li tinbidel il-mentalità u kultura ta’ dawk li ghandhom interess dirett fis-setturi varji, niżviluppaw setturi ġodda u potenzjali, li minnhom nistgħu nibbenfikaw għall-aħjar użu tagħna.”
Il-Ministru Censu Galea li kien akkumpanjat minn Dott. Marc Bonello, Chairman ta’ l-Awtorità Marittima Maltija, żar ukoll id-Direttorat tal-Yachting u ltaqa’ mal-ħaddiema ta’ l-istess Direttorat.
Other Press Releases:
PR261943
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR261942en