INRESSQU L-KULTURA AKTAR QRIB IL-POPLU
F’diskors li l-Ministru għat-Turiżmu u Kultura għamel meta ppreżenta ċertifikati lill-parteċipanti fid-Drama Fest li ttellgħet fil-Kavallier ta’ San Ġakbu – Ċentru għall-Kreattivita’, l-Onor. Dr. Francis Zammit Dimech qal li fil-ħidma tiegħu l-Gvern kien qed jagħmel ħiltu biex jressaq il-kultura dejjem aktar lejn il-poplu biex hekk kulħadd japprezza dak li wettqu ta’ qabilna u naħdmu biex inkattru dak li diġa għandna.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li minkejja li aħna pajjiż żgħir dejjem spikkaw fost il-poplu Malti talenti kbar. Hu qal li dan ikkontribwixxa biex żammejna l-identita’ tagħna u biex inkurunajniha bl-akkwist ta’ l-Indipendenza li din is-sena qed niċċelebraw l-40 anniversarju tagħha.
Francis Zammit Dimech qal li hekk kif ġara 40 sena ilu, meta l-akkwist ta’ l-Indipendenza ġab miegħu rinaxximent kulturali qawwi, hekk qed iseħħ illum meta wara li pajjiżna ssieħeb fl-Unjoni Ewropea reġa’ qed jinħass qawmien kulturali li għandu jħeġġiġna biex inkomplu niskopru l-għeruq tagħna u t-tradizzjonijiet tagħna u biex nħarsu l-identita’ tagħna li tagħżilna minn kull nazzjon ieħor.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li diġa kellu l-okkażżjoni jinnota li din is-sena kienet waħda eċċezzjonali għal attivitajiet kulturali. Hu qal li f’din il-ħidma ta kontribut ewlieni l-Kavallier ta’ San Ġakbu – iċ-Ċentru għall-Kreattivita’ li din is-sena jagħlaq erba’ snin mill-inawgurazzjoni tiegħu.
Francis Zammit Dimech qal li dan iċ-ċentru mela vojt kbir li kien ilu jinħass, post fejn dawk kollha b’talenti jistgħu jesprimu rwieħhom f’wirjiet u xogħlijiet ta’ drama u teatru. Hu qal li matul din is-sena dan iċ-ċentru kellu sehem importanti fiċ-ċelebrazzjonijiet li fakkru s-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea billi ttellgħu fih diversi attivitajiet kulturali.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li bħala parti mill-attivitajiet kulturali tas-sajf, li huma popolari ħafna fost il-Maltin u l-barranin li jkunu fostna għall-vakanzi, bejn il-5 u l-10 ta’ Awissu fit-Teatru fit-Tond tal-Kavallier ta’ San Ġakbu, kien organizzat id-Drama Fest mill-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti. Hu qal li matul dawn il-jiem ittellgħu xogħlijiet oriġinali minn disa’ gruppi teatrali ewlenin li kellhom is-suċċess mixtieq.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura rringrazzja lil dawk kollha li ħadu sehem f’dan il festival, lill-HSBC Bank Malta plc., li sponsorjaw l-attivitajiet kulturali għas-Sajf 2004, lil Lino Mintoff li kkoordina l-attivitajiet u lill-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti li organizzahom.
Other Press Releases:
PR261943
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR261942en