DISKORS MILL-ONOR EDWARD FENECH ADAMI, PRIM MINISTRU TA’ MALTA, FL-OKKAŻJONI TA’ L-ISKAMBJU TA’ AWGURI GĦAS-SENA L-ĠDIDA MAL-KORP DIPLOMATIKU – BERĠA TA’ KASTILJA, IL-BELT VALLETTA – IL-ĠIMGĦA, 9 TA’ JANNAR 2004
Waqt li nagħtikom merħba nixtieq nawgura lilkom u lill-familji tagħkom l-isbaħ xewqat tiegħi u tal-kollegi tiegħi kollha.
Nixtieq ukoll nieħu din l-opportunità biex inwassal, permezz tagħkom, l-awguri u l-isbaħ xewqat tal-Gvern u l-poplu ta’ Malta lill-Gvernijiet u ’l-popli rispettivi tagħkom.
Din hija l-ħmistax-il darba li kelli l-pjaċir u l-privileġġ li nagħti l-awgurju tiegħi lill-komunità diplomatika f’Malta fil-bidu ta’ sena ġdida. F’dawn l-okkażjonijiet wieħed iħares lura lejn il-ġrajjiet reċenti biex jislet lezzjonijiet u ispirazzjoni għall-isfidi li għandna quddiemna. Il-ġrajjiet ta’ l-aħħar tnax-il xahar joffrulna materjal eċċezzjonali f’ dan ir-rigward.
Il-gwerra fl-Iraq, b’mod partikulari, u s-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani, in ġenerali, tawna indikazzjonijiet drammatiċi ta’ tendenzi ġodda li qatt ma rajna bħalhom fir-relazzjonijiet internazzjonali. Fl-istess waqt, dawn l-aħħar tnax-il xahar tawna xhieda ġdida tal-vitalità u l-komplessità ta’ l-esperiment Ewropew tant impressjonanti fejn tidħol il-kooperazzjoni reġjonali.
L-iffirmar tat-Trattat ta’ l-Adeżjoni fl-Istoa ta’ Attalos f’ Ateni fis-16 ta’ April tas-sena li għaddiet kien mument ta’ valur simboliku għoli għall-Unjoni Ewropea kollha kemm hi. Għal kull wieħed mill-għaxar pajjiżi aderenti dan kellu reżonanza proprja speċjali kemm storika kif ukoll emozzjonali.
F’dik l-okkażjoni, fissirt kif l-iffirmar tat-Trattat ta’ l-Adeżjoni kien il-ftehim l-aktar importanti li Malta kkonkludiet minn mindu kisbet l-Indipendenza fl-1964. Din l-osservazzjoni ħarġet mill-ġrajjiet importanti li wasslu għall-preżenza ta’ Malta f’Ateni.
Il-mod li bih l-elettorat Malti, għal darbtejn fuq xulxin, ħa deċiżjoni dwar il-fehmiet kontrastanti li kellu dwar il-ġejjieni tal-pajjiż fl-Ewropa kien mument definittiv fl-iżvilupp nazzjonali tagħna. Malta ħarġet minn din l-esperjenza msaħħa fil-wirt demokratiku tagħha, u aktar unita fil-fehma tagħha li tiffaċċja l-isfidi tal-futur.
Fl-1 ta’ Mejju ta’ din is-sena, il-proċess twil u ta’ spiss diffiċli ta’ tkabbir sa jilħaq il-quċċata tiegħu bid-dħul formali ta’ l-għaxar membri ġodda. Għal Malta, kif ukoll għall-membri l-ġodda l-oħra, l-aġġustamenti meħtieġa minn dan l-iżvilupp saru xi ftit aktar ħfief permezz ta’ proċess ta’ tħejjija artikolat tajjeb.
Iż-żmien li għaddejjin minnu bħala osservaturi attivi fuq l-għatba tas-sħubija qed jidher li hu kemm istruttiv kif ukoll siewi. Dan qed jgħinna bil-bosta biex nidentifikaw u nifhmu l-ħidmiet essenzjali fit-tliet oqsma prinċipali tal-ħajja ġdida tagħna fl-Unjoni. Dawn għandhom x’jaqsmu mat-tkabbir ta’ l-isforzi tagħna għar-ristrutturazzjoni u r-riforma interna, ma’ l-inseriment tagħna kif jixraq fi ħdan il-proċessi usa ta’ l-evoluzzjoni Ewropea, u mal-parteċipazzjoni attiva tagħna fir-rwol dejjem jikber ta’ l-Unjoni bħala movent kbir u influwenti fil-ħajja internazzjonali.
Minn dejjem sostnejt li l-proċess biex nakkwistaw is-sħubija ta’ l-Unjoni Ewropea huwa aspett komplimentari u rinvigoranti fil-proċess ta’ l-iżvilupp nazzjonali ta’ Malta. L-oqsma li fihom l-aktar jeħtiġilna li nagħmlu sforz biex niġġustifikaw id-drittijiet u r-responsabbiltajiet tas-sħubija tagħna fl-Unjoni Ewropea huma preċiżament dawk l-oqsma li għadhom ixekkluna milli nisfruttaw kemm jista’ jkun il-potenzjal nazzjonali tagħna.
L-istampa globali timlina bil-kuraġġ. Kif għadha kif reġgħet ikkonfermat il-Kummissjoni Ewropea fir-rapport tal-monitoraġġ l-aktar reċenti, Malta laħqet livell għoli ta’ allinjament ma’ l-acquis fil-biċċa l-kbira ta’ l-oqsma politiċi. Irnexxielna nbaħħru b’sigurezza relattiva kemm it-taqlib globali reċenti, kif ukoll il-fatturi li xekkluna li kienu r-riżultat tad-dibattitu prolongat ta’ bejnietna dwar is-sħubija fl-Unjoni.
Il-kondizzjonijiet bażiċi għal mixja soda ’l quddiem jinsabu f’posthom. Ir-riformi regolatorji u infrastrutturali li ġew implimentati f’Malta matul l-aħħar snin iservu bħala bażi soda li għandha taqdina tajjeb fis-snin li ġejjin.
Dawn ir-riformi għadhom sejrin, u se jseħħ pass importanti fil-ftit xhur li ġejjin bit-twaqqif tal-korporazzjoni magħrufa bħala Malta Enterprise. Wara li f’Ottubru li għadda ġiet ippubblikata l-White Paper tagħna dwar is-Servizz Pubbliku, qegħdin ukoll nippjanaw biex fil-ġejjieni qarib ngħaddu Att dwar is-Servizz Pubbliku li għandu jsaħħaħ u jestendi l-proċess tar-riforma vasta fis-Servizz Ċivili li ilha għaddejja sa mill-aħħar tas-snin tmenin.
Il-proċess ta’ konsultazzjoni profonda fuq kwistjonijiet ekonomiċi u soċjali, permezz tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali, ġie msaħħaħ ukoll. Il-Kunsill jipprovdi forum san fejn is-sieħba soċjali għandhom l-opportunità li jiddeliberaw dwar kwistjonijiet nazzjonali saljenti. Oqsma li bħalissa qed jiġu kkunsidrati bis-serjetà f’dan ir-rigward jinkludu l-għan li tiżdied it-trasparenza u l-kontroll fuq il-finanzi pubbliċi, il-perfezzjonament ta’ indiċi tal-kompetittività, u aktar riformi fis-servizz tas-saħħa.
Il-proċess tar-riforma fil-pensjonijiet miexi ’l quddiem ġmielu. Il-Kummissjoni Nazzjonali għar-Riforma fil-Ħarsien Soċjali ppreżentat ir-rapport tagħha f’dan ir-rigward li issa qed jiġi kkunsidrat fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali. Nittamaw li sa nofs din is-sena l-konklużjonijiet meħtieġa jibdew jieħdu sura. Għal Malta, bħal bosta pajjiżi oħra, ir-riforma fil-ħarsien soċjali hija kwistjoni taħraq fejn soluzzjonijiet radikali u fit-tul, li jkunu vijabbli u bbażati fuq il-konsensus, jeħtieġu li jinstabu u jiġu implimentati bċerta urġenza.
Il-proċess tal-privatizzazzjoni miexi ’l quddiem minkejja l-kumplessitajiet u s-sensittivitajiet involuti. In-negozjati rigward il-Port Ħieles ta’ Malta u l-Lottu Pubbliku huma tista’ tgħid mitmuma. Fix-xhur li ġejjin għandna nkunu lesti biex induru fuq il-Mediterranean Offshore Bunkering Company, kif ukoll fuq il-bejgħ ta’ parti mill-ishma tal-Gvern fil-Bank of Valletta u fil-Maltacom.
Żvilupp ieħor importanti u pożittiv fil-ġimgħat li għaddew huwa l-konklużjoni tal-ftehim kollettiv bejn l-amministrazzjoni tat-tarzni u t-trade union li tirrappreżenta l-impjegati. Dan il-ftehim huwa inkwadrat fil-pjan tar-ristrutturazzjoni tat-tarznari li beda fl-2002. Leġislazzjoni biex tirfed l-implimentazzjoni ta’ dan il-ftehim diġà ġiet approvata mill-Parlament. Għalhekk aħna mexjin fid-direzzjoni t-tajba biex nilħqu l-għan tagħna li nwaqqfu t-tarznari fuq saqajhom fuq medda twila mil-lat operattiv kif ukoll mil-lat finanzjarju.
Fir-rapport tagħha ta’ monitoraġġ, il-Kummissjoni Ewropea wissiet li l-attività ekonomika f’Malta baqgħet dgħajfa, affettwata kif inhi minn domanda esterna skarsa u minn tnaqqis fis-settur tat-turiżmu. Aħna konxji ħafna li jeħtieġ li jsiru aktar sforzi f’dan il-qasam.
It-tkabbir ekonomiku tagħna matul il-kors tas-sena li għaddiet se jkun biss ta’ madwar 1 fil-mija f’termini nominali. Iżda din is-sena bi ħsiebna nibbażaw fuq il-qawmien fl-attività ekonomika li deher matul l-aħħar ftit xhur, u qed nipprevedu sitwazzjoni pożittiva fir-rigward tat-turiżmu aktar tard din is-sena. Qed nistennew ukoll li se jkun hawn tkabbir fl-investiment motivat minn attività diġà tajba fil-qasam tas-servizzi finanzjarji.
Żewġ indikaturi ekonomiċi vitali oħra baqgħu stabbli – l-inflazzjoni b’madwar il-1 fil-mija, kemxejn baxxa, u l-qgħad b’5 fil-mija, kemxejn għoli. Fiż-żewġ każi nippretendu li nibqgħu fil-medja tar-riżultati Ewropej. Fil-qafas ta’ l-għan politiku wiesa’ tagħha li tadotta l-munita komuni Ewropea malajr kemm jista’ jkun, Malta diġà qed tagħti riżultati sodisfaċenti f’dawk li huma l-inflazzjoni relevanti, ir-rati ta’ l-interessi u l-kriterji għar-rati tal-kambju. Jeħtieġ li naħdmu aktar fejn għandhom x’jaqsmu d-defiċit fiskali u d-dejn pubbliku.
L-istrateġija globali tal-Gvern tiegħi hija li tingrana l-ekonomija Maltija biex tisfrutta aħjar il-potenzjal eċċitanti li qed jiġi offrut lilna permezz tas-sħubija fl-Unjoni. Ninsabu qalbna qawwija li jeżistu l-kondizzjonijiet xierqa għal dan – l-ispirtu intraprenditorjali qiegħed hemm, l-infrastruttura bażika, legali u fiżika qiegħda hemm, l-inċentivi li jirriżultaw minn pożizzjoni ġeografika ideali, minn ħaddiema mħarrġa u minn etika motivata għax-xogħol qegħdin hemm. L-isfida tagħna hija li norbtu dawn il-fatturi pożittivi kollha flimkien fi proċess aktar koerenti u sostnut favur it-tkabbir.
Aspett importanti tas-sħubija tagħna fl-Unjoni Ewropea huwa r-rwol li kull ma jmur qed inkunu mistennija li nisvolġu fl-evoluzzjoni tal-ħajja ta’ l-Unjoni. Diġà kellna esperjenza qawwija ta’ dan permezz ta’ l-involviment tagħna fil-Konferenza Intergovernattiva dwar il-Futur ta’ l-Ewropa, li ġiet sospiża mingħajr konklużjoni x-xahar li għadda.
Il-parteċipazzjoni sħiħa f’din il-Konferenza tat lill-pajjiżi aderenti intuwizzjoni unika dwar it-tensjonijiet u l-bilanċi li jkun hemm fi kwalunkwe negozjati ta’ l-Unjoni Ewropea, billi dawn jgħaqqdu flimkien il-promozzjoni ta’ interessi nazzjonali mat-tiftix ta’ soluzzjonijiet kollettivi.
Fil-kuntest tal-Konferenza Intergovernattiva, l-interess prinċipali ta’ Malta kien relatat ma’ l-għadd minimu ta’ siġġijiet li għalihom kull membru se jkun intitolat fil-Parlament Ewropew u f’istituzzjonijiet oħra. Aħna argumentajna bil-qawwa kollha li l-ħames siġġijiet tal-Parlament Ewropew offruti lilna fin-negozjati ta’ l-adeżjoni, u aktar u aktar, l-erba’ siġġijiet proposti fl-abbozz tal-Kostituzzjoni ta’ l-Unjoni Ewropea, ma kinux biżżejjed, u għandhom jiżdiedu għal sitta. Jiena nħossni fiduċjuż biżżejjed li l-każ tagħna ntlaqa’ b’attitudni tajba fil-Konferenza.
Fil-kuntest aktar wiesa’ qbilna ma’ l-għan komuni li mmexxu ’l quddiem l-evoluzzjoni Ewropea fi tliet dimensjonijiet separati minn xulxin li fihom infushom m’humiex daqstant rikonċiljabbli – dak li l-amministrazzjoni interna ta’ l-Unjoni ssir aktar sempliċi u effiċjenti, dak li tkun tirrifletti r-rwol u l-influwenza ta’ stati membri individwali b’aktar ġustizzja u razzjonalità fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet, u dak li tressaq dawn il-proċessi għat-teħid tad-deċiżjonijiet aktar qrib lejn iċ-ċittadin medju biex dan ikun imgħarraf dwarhom u jifhimhom.
L-opinjoni ġenerali fil-laqgħa tax-xahar li għadda fi Brussell kienet li l-abbozz Taljan tal-pakkett kien jasal biex jilqa’ u jirrikonċilja dawn l-għanijiet diversi - iżda ma kienx jasal biżżejjed. Id-deċiżjoni biex il-konferenza tiġi sospiża, għalkemm ta’ dispjaċir, kienet għalhekk waħda għaqlija. Aħna naqblu li l-istadju li jmiss fl-evoluzzjoni Ewropea huwa pass li għandu wisq importanza u implikazzjonijiet biex jitwettaq b’mod parzjali u mgħaġġel.
Sadattant aħna wkoll tal-fehma soda li Unjoni akbar ta’ ħamsa u għoxrin għandha rankatura u saħħa interna biżżejjed biex iżżomm il-proġett Ewropew għaddej fid-direzzjoni t-tajba. Permezz ta’ dan tkun tista’ ssolvi l-isfidi l-kbar tax-xhur li ġejjin – it-tiġdid tal-Parlament Ewropew u tal-Kummissjoni, il-bidu tan-negozjati għaċ-ċiklu ta’ l-estimi li jmiss, u, it-tkomplija mill-ġdid tal-konsiderazzjoni dwar l-abbozz tal-Kostituzzjoni.
Bħala Stat Membru, Malta se tkun involuta wkoll fir-rwol dejjem akbar ta’ l-Unjoni bħala movent importanti fir-relazzjonijiet internazzjonali. Il-ġrajjiet ta’ l-aħħar tnax-il xahar urew b’mod ċar kemm il-firxa, kif ukoll il-limitazzjonijiet preżenti, fil-politika komuni ta’ l-Unjoni kemm dik barranija kif ukoll dik tas-sigurtà.
Id-differenzi dwar il-gwerra ta’ l-Iraq u dak li ġara wara jissottolinjaw il-fatt li l-Politika Komuni ta’ l-Affarijiet Barranin u s-Sigurtà, għadha m’hijiex strument matur li jippermetti li għanijiet komuni jiġu tradotti f’azzjoni komuni. Madankollu hija kienet il-mezz biex tfasslu b’aktar qbil l-għanijiet komuni. F’għadd ta’ każi importanti, speċjalment fil-Balkani, fil-Lvant Nofsani u fl-Afrika, dan wassal għal azzjoni komuni sinifikanti.
L-adozzjoni f’Diċembru ta’ l-Istrateġija favur is-Sigurtà mill-Kunsill Ewropew hija żvilupp importanti. Dan jikkonferma l-impenn ċar ta’ l-Unjoni favur proċess multilaterali, li kien id-dawl tat-tama matul il-perjodu meta dan il-proċess kien għaddej minn pressjoni serja.
It-tkabbir għal ħamsa u għoxrin membru, u x-xibka sielma ta’ assoċjazzjoni li dejjem titwessa’ ma’ pajjiżi ġirien kabbret ukoll ir-rwol ta’ l-Unjoni fil-fora multilaterali, u b’mod partikulari fin-Nazzjonijiet Uniti. Matul l-aħħar xhur dan deher ċar f’sensiela sħiħa ta’ attivitajiet, miż-żamma tal-paċi, għad-drittijiet umani u l-kooperazzjoni fl-iżvilupp.
Malta qed issegwi b’interess partikulari l-inizjattivi li ttieħdu mill-Unjoni Ewropea fil-qafas tal-Proċess tal-Paċi fil-Lvant Nofsani. Aħna minn dejjem tajna sehem attiv f’dan il-qasam, kemm ġewwa kif ukoll barra n-Nazzjonijiet Uniti. Nittamaw li, billi nkomplu dan ir-rwol, aħna nagħtu kontribut siewi fl-isforzi li jsiru mill-Unjoni biex iseħħu l-ġustizzja u l-paċi f’dan ir-reġjun ta’ konflitti.
Is-sħubija fl-Unjoni toffrilna dimensjoni ġdida biex Malta tinvolvi ruħha fl-isforz b’riżq l-iżvilupp internazzjonali. Fil-passat kellna dan ir-rwol l-aktar permezz tas-sħubija tagħna fiż-żewġ gruppi prinċipali tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw – il-Grupp tas-77 u l-Moviment Non-Allinejat. Minn Mejju ta’ din is-sena Malta mhix sa tibqa’ tifforma parti minn dawn il-gruppi. Bħala membri ta’ l-Unjoni Ewropea madankollu aħna nippretendu li nżommu u anke nkabbru l-interess u l-involviment tagħna fil-kwistjonijiet ta’ l-iżvilupp.
Ir-relazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-ġirien tagħha kien is-suġġett ta’ aktar attenzjoni fis-snin reċenti. Malta tħares lejn din il-kwistjoni primarjament mill-perspettiva ta’ l-interess partikulari tagħha biex titkattar il-kooperazzjoni Ewro-Mediterranja. B’konsistenza aħna għamilna enfasi fuq il-fatt li aspett sinifikanti tar-rwol tagħna bħala membri fl-Unjoni Ewropea se jkun l-għan li nkabbru u nsaħħu l-livell tal-kooperazzjoni u l-involviment ta’ l-Unjoni mal-ġirien tagħha lejn in-naħa tan-nofsinhar.
Minkejja l-ambjent internazzjonali ġeneralment xejn favorevoli, fl-aħħar ftit xhur rajna xi żviluppi siewja f’ dan ir-rigward.
L-inizjattiva ta’ l-Unjoni, il-Proċess ta’ Barċellona, irċieva mbuttatura importanti permezz ta’ l-impenn ġdid manifestat b’mod ċar fis-sitt sessjoni Ministerjali li saret f’Napli, f’Diċembru li għadda. Din il-laqgħa ħaddnet il-ħolqien ta’ Assemblea Parlamentari Ewro-Mediterranja u ddeċidiet dwar it-twaqqif ta’ Fondazzjoni Ewro-Mediterranja għad-Djalogu tal-Kulturi. Malta ilha tħajjar u tappoġġja l-għanijiet wara dawn iż-żewġ inizjattivi u offriet li tilqa’ l-Fondazzjoni fil-Belt Valletta. F’Napli, il-Ministri ta’ l-Affarijiet Barranin laqgħu wkoll il-konklużjonijiet tal-Kunsill ECOFIN sabiex ikompli jiżviluppa u jsaħħaħ il-Faċilità tal-Bank Ewropew għall-Investiment u s-Sħubija Ewro-Mediterranja bil-għan li maż-żmien jinħoloq il-Bank Ewro-Mediterranju.
Aħna nilqgħu dawn l-iżviluppi, billi dawn jikkontribwixxu għat-tisħiħ progressiv tar-rabtiet u l-istrutturi tal-kooperazzjoni fost il-pajjiżi tal-Mediterran fid-diversi setturi tal-ħajja reġjonali – dawk politiċi, ekonomiċi u kulturali. Il-proċess tal-kooperazzjoni reġjonali għandu jkollu bażi wiesa’ u jkun ippjanat fuq medda twila, biex dan ikun jista’ jilħaq l-għan primarju tiegħu li joħloq stabbiltà, paċi u sigurtà fost dawk kollha konċernati.
F’dan l-ispirtu aħna nilqgħu wkoll it-tkomplija u t-tisħiħ tal-kooperazzjoni sub-reġjonali tal-Punent tal-Mediterran, kif artikolati fl-ewwel laqgħa tal-kapijiet tad-djalogu 5+5 li saret f’Tuneż ix-xahar li għadda. Aħna tal-fehma li din l-inizjattiva hija tassew komplimentari u kontributorja għall-proċess Ewro-Mediterranju aktar wiesa’.
Żvilupp pożittiv ieħor fir-reġjun tagħna fil-ġimgħat reċenti kienet l-aħbar mil-Libja dwar id-deċiżjoni tagħha li tirrinunzja l-programmi ta’ l-armi tal-qirda tal-massa taħt is-superviżjoni ta’ l-organizzazzjonijiet internazzjonali. Aħna dan nilqgħuh l-ewwel nett bħala pass importanti favur ir-ritorn sħiħ tal-Libja fi ħdan il-komunità internazzjonali. Aħna nilqugħ bil-ferħa wkoll bħala kontribut dirett u sinifikanti b’ riżq il-promozzjoni ta’ l-istabbiltà u s-sigurtà fiż-żona Ewro-Mediterranja.
Dawn l-iżviluppi pożittivi aktar qrib lejna bla dubju ta’ xejn ma jaħbulniex il-fatt li fuq medda usa l-komunità internazzjonali għadha qed tiffaċċja sfidi kbar ħafna. Iżda dawn jgħinuna nżommu l-konvinzjoni tagħna li proċess qawwi ta’ kooperazzjoni multilaterali jibqa’ l-uniku mezz li bih il-komunità tista’ taffronta l-perikoli li din tħabbat wiċċha magħhom f’dimensjonijiet bil-wisq differenti – fit-theddida dejjem tikber tat-terroriżmu, fir-riskji li jirriżultaw minżabba l-falliment kontinwu biex in-negozjati kummerċjali mondjali jibdew jirrankaw, jew fil-ħila fraġli tan-Nazzjonijiet Uniti biex jippromwovu alternattivi vijabbli u kredibbli għall-użu tal-forza fir-relazzjonijiet internazzjonali.
L-impenn ta’ Malta favur il-proċess multilaterali jibqa’ sod bħalma dejjem kien. Aħna nfittxu li nuru dan l-impenn b’kull mezz possibbli. Huwa f’dan l-ispirtu li aħna ninsabu ħerqana biex nospitaw il-Laqgħa tal-Kapijiet tal-Commonwealth, li jmissha ssir fl-2005, u li flimkien ma’ l-inklużjoni mill-ġdid ta’ Malta fil-Grupp ta’ l-Azzjoni Ministerjali tal-Commonwealth, hija espressjoni xierqa ta’ l-importanza u l-valur li aħna nagħtu lis-sħubija tagħna f’din l-organizzazzjoni.
Huwa bl-istess spirtu ta’ sinċerità u kooperazzjoni li nidħlu għall-opportunitajiet ta’ kollaborazzjoni produttiva bejn il-pajjiżi rispettivi, li se jitfaċċaw fix-xhur li ġejjin.
Qabel nagħlaq, nixtieq mill-ġdid nagħtikom l-isbaħ xewqat tiegħi, filwaqt li nesprimi t-tama li l-isforzi tagħna lkoll għad jikkontribwixxu għal aktar konsolidazzjoni fir-relazzjonijiet bilaterali tagħna, kif ukoll għall-ħidma kollettiva tagħna biex inġibu l-paċi, il-ġustizzja u l-prosperità għal kulħadd.
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en