L-EBDA ĦLAS GĦALL-GRADWAZZJONI FL -UNIVERSITA`
Il-Ministru Louis Galea jiddikjara li la hu u lanqas il-Gvern ma ġew konsultati dwar din id-deċiżjoni. Il-Ministru ġie nformat għall-ewwel darba dalgħodu mir-rappreżentanti tal-KSU. Hu investiga l-każ u irriżultalu li d-deċiżjoni lanqas ma ġiet diskussa fil-Kunsill ta’ l-Universita` fejn l-istudenti u l-Gvern għandhom ir-rappreżentanti tagħhom. Id-deċiżjoni ittieħdet fil-livell amministrattiv ta’ l-Universita`. Il-Ministru talab lir-Rettur jieħu l-passi meħtieġa biex din id-deċiżjoni amministrattiva tiġi irtirata.
Il-Ministru Louis Galea ta direttiva lill-Universita` li m’għandha timponi l-ebda ħlas fuq l-istudenti mingħajr diskussjoni u approvazzjoni fil-Kunsill ta’ l-Universita`. Din hi it-tieni darba li l-amministrazzjoni ta’ l-Universita` imponiet ħlas għal servizzi mingħajr approvazzjoni tal-Kunsill ta’ l-Universita` u konsultazzjoni mal-Gvern. L-ewwel darba kienet il-ħlas li ntalab biex studenti jirreġistraw ma’ l-Universita` għall-ewwel darba.
Il-Ministru Louis Galea jsostni li filwaqt li fl-awtonomija tagħha l-Universita` tagħmel sew li tinsisti għal finanzjament adegwat biex tkompli taqdi l-funzjoni tagħha essenzjali għall-pajjiż, trid tiftakar li hi wkoll l-unika Universita` ta’ l-iStat Malti regolata minn politika (policy) kif dettata fil-liġi u mill-Gvern tal-ġurnata. Ghaldaqstant, l-Universita` m’għandha l-ebda xkiel biex tieħu inizjattivi , kif jagħmlu Universitajiet oħra barra minn Malta , bl-iskop li tidħol għal xogħol ta’ riċerka u pariri lill-industrija li jirrendi finanzjarjament. Iżda m’għandhiex timponi piżijiet fuq l-istudenti jekk mhux b’deċiżjoni tal-Kunsill ta’ l-Universita`.
Fl-aħħarnett, il-Ministru Louis Galea ifakkar li l-Gvern, permezz ta’ Grupp ta’ Xogħol immexxi minnRoderick Chalmers, beda proċess ta’ eżami mill-ġdid tas-sistema kollha tal-finanzjament ta’ l-edukazzjoni post-sekondarja, vokazzjonali u terzjarja. Meta ir-rapport ikun lest il-Gvern ikun jista` jingaġġa fi djalogu ma’ kulħadd u jiddeċiedi dwar il-politika li ser jadotta.
Stqarrijiet Oħra:
PR261943
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR261942en