L-AGRIKOLTURA F’PAJJIZNA – PERSPETTIVA EKONOMIKA - DISKORS MILL-ONOR. TONIO FENECH, SEGRETARJU PARLAMENTARI FIL-MINISTERU TAL-FINANZI, WAQT SEMINAR ORGANIZZAT MILL-UFFICJU NAZZJONALI TA L-ISTATISTIKA
F’dinja globalizzata u aktar kompetittiva l-agrikoltura f’pajjiżna għandha sfidi kbar, dan ukoll minħabba l-pressjoni mill-pajjizi tat-tielet dinja li kostantament jippruvaw jinfiltraw s-swieq bil-prodotti irħas tagħhom, fil-konfront tas-swieq tal-pajjiżi avvanzati.
Il-ħtiega li nsibu niċeċ u opportunitajiet li jistgħu jagħmlu l-biedja u s-sajd Maltin aktar sostenibbli fuq livell ekonomiku għal min jiddependi minn dawn l-attivitajiet hi aktar urġenti għal pajjiżna.
Għalkemm is-settur agrikolu jikkontribwixxi biss 3% tal-GDP, u n-numru ta’ persuni full time f’dan is-settur dejjem qed jonqos, ikun żball jekk naħsbu li m’hemmx lok ekonomiku biex insostnu din l-industrija.
Fin-negozjati ta’ pajjiżna ma’ l-UE, l-Gvern kien konxju tal-potenzjal tas-settur agrikolu u għalhekkħaseb biex iħares il-ħtiġijiet ta’ dan is-settur.
Bla dubju l-ħarsien tal-biedja f’pajjiżna għandu mportanza ambjentali u anki soċjo-kulturali, iżda l-bidwi mhux biss jaħdem l-għalqa u jrabbi l-animali. Il-bidwi huwa wkoll imprenditur u għalhekk lil hinn mil-lat ambjentali hemm konsiderazjonijiet oħra ekonomiċi li għandhom jimmotivaw il-bidwi sabiex jinvesti aktar f’dan is-settur. Dawn jinkludu:
1. Il-possibilita’ li nippreżentaw il-prodott agrikolu ta’ pajjiżna bħala dak ta’ kwalita’ – għax huwa prodott mingħajr pestiċidi u għalhekk hu prodott organiku. Dan jassigura prezz aħjar fis-suq. L-esperjenza tal-patata f’pajjiżna turi dan.
2. L-agro-turiżmu – niċċa oħra importanti li għadna ma dħalniex fiha bis-serjeta. Biżżejjed wieħed iħares lejn l-Irlanda u l-Lake District għal eżempju ta’ dan. Il-fondi rurali jistgħu jintużaw mhux biss biex jitranġaw l-irziezet imma wkoll biex nsostnu l-potenzjal tagħna fl-agro-turiżmu. Eżempji ta’ dan it-tip ta’ turiżmu jinkludu postijiet fejn wieħed imur jara kif isir l-inbid, l-annimali fl-irziezet, kif isir is-sajd f’pajjiżna etc.
Jeħtieg li l-fondi u l-għajnuna li qed nirċievu llum jintużaw tajjeb biex nibnu bażi tajba għall-futur. Jekk irridu nagħmlu il-qabżiet meħtieġa ma nistgħux ma nanalizzawx u ma niżnux s-sitwazzjoni preżenti. Fuq keffa waħda tal-miżien wieħed irid ipoġġi dak li qed nagħmlu fil-preżent u fuq il-keffa l-oħra dak li suppost qed nagħmlu, bex wieħed jara x’jista’ jtejjeb fl-operat tiegħu għall-futur. Spiċċa ż-żmien li nibqa nagħmel dak li kont imdorri dejjem nagħmel u nippretendi li xi ħadd b’rigal jibqa imantni dak li llum m’għadx għandu valur ekonomiku.
Noqgħodu attenti mill-pessimizzmu li qisna dejjem f’preċipizju. Il-produzzjoni tal-ħalib ma waqfitx, kif forsi kien hemm min beża’. Illum hawn l-għazla għal min irid jixrob ħalib frisk kuljum u għal min irid jixrob l-additivi ta’ prodott li jista jżomm sitt xhur fuq l-ixkaffa. Iva l-kompetizzjoni teżisti u huwa ħazin meta wieħed jibqa’ jaħseb li s-soluzzjonijiet huma fl-protezzjonizmu. Is-soluzzjonijiet huma f’dak li nistgħu noffru aħna u li ħaddiehor m’għandux u li nagħrfu inbiegħu l-prodott tagħna b’mod għaqli u bi prezz xieraq.
Stqarrijiet Oħra:
PR261943
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR261942en