IL-MINISTRU GĦALL-AGRIKOLTURA TALJAN GĦALL-ŻJARA F’MALTA
Il-Ministru għall-Politika Agrikola u Forestali ta’ l-Italja, l-Onor. Giovanni Alemanno se jagħmel żjara uffiċjali f’Malta wara li laqa’ stedina li saritlu mill-Ministru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent, George Pullicino.
Waqt li jkun f’Malta, il-Ministru Alemanno se jkollu laqgħa uffiċjali mal-Ministru George Pullicino, mas-Segretarju Parlamentari għall-Biedja u Sajd, Dr. Frans Agius u ma’ uffiċjali għolja mill-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent.
Matul il-laqgħa bilaterali se jkunu diskussi temi ta’ importanza bħalma huma r-riforma fil-Pitkalija, is-sit tal-General Fisheries Commission for the Mediterranean (GFCM), u assistenza mill-Gvern Taljan għall-promozzjoni ta’ prodotti agro-alimentari lokali.
Il-Ministru Alemanno se jkun preżenti għall-inawgurazzjoni tal-laboratorju tal-Vitikultura u l-Enoloġija fiċ-Ċentru ta’ l-Għammieri li se jsir mill-Ministru George Pullicino.
Intant matul iż-żjara f’Malta, l-Ministru Alemanno u d-delegazzjoni tiegħu se jżuru wkoll Għawdex, il-Konkatidral ta’ San Ġwann u t-tempju ta’ l-Ipoġew. Il-Ministru Alemanno u d-delegazzjoni tiegħu jaslu Malta nhar il-Ħadd, 12 ta’ Settembru u jitilqu l-għada t-Tnejn, 13 ta’ Settembru, 2004.
Other Press Releases:
PR261943
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR261942en