Left arrow Mur Lura

RIŻULTATI POŻITTIVI GĦALL-MARA MALTIJA TUL L-AĦĦAR 40 SENA

PR1387
Date Icon 07/09/2004

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li t-twaqqif tal-Kunsill Nazzjonali tan-Nisa jaħbat mal-kisba ta’ l-Indipendenza ta’ pajjiżna 40 sena ilu. Għalhekk is-sinifikat ta’ din l-okkażjoni hu doppju għaliex qed infakkru sew l-40 anniversarju minn mindu pajjiż sar Nazzjon Sovran kif ukoll l-40 sena mill-fondazzjoni ta’ dan il-Kunsill li tul l-aħħar 40 sena ra bidliet kbar permezz tal-ħidma li seħħet biex ikun hemm ugwaljanza bejn is-sessi. Il-Ministru kien qed jinawgura Wirja ta’ l-Arti, fl-uffiċċji tal-Heritage Malta l-belt Valletta , bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet ta’ l-40 Anniversarju tal-fondazzjoni tal-Kunsill Nazzjonali tan-Nisa

Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li hu sinifikattiv li fil-Kostituzzjoni ta’ l-Indipendenza ddaħħal il-prinċipju ta’ paga indaqs għall-istess xogħol indipendentement mis-sess tal-persuna. Hu qal li dan il-prinċipju beda jitwettaq mill-Gvern għan-nisa impjegati miegħu fl-1967 biex wara nfirex għal-ħaddiema kollha nisa.  

Francis Zammit Dimech qal li minn dak iż-żmien ’l hawn ittieħdu diversi deċiżjonijiet li neħħew id-diskriminazzjoni bejn is-sessi. Hu qal li  

·     Infetħu skejjel sekondarji b’xejn għal kulħadd fl-1970, miżura li bbenefikaw  minnha l-aktar studenti bniet li sa dakinhar ma kienux jingħataw l-istess opportunitajiet ta’ tagħlim daqs studenti subien;

·     Fl-1971 l-Universita’ saret bla ħlas għall-istudenti kollha, miżura li għenet biex iktar studenti nisa jieħdu l-edukazzjoni terzjarja;

·     Fl-1987 twaqqfet il-Kummissjoni għall-Avanz tal-Mara flimkien mad-Dipartiment għall-Ugwaljanza tan-Nisa bl-iskop li tiffinalizza proposti dwar tibdil fil-liġijiet biex tkun assigurata l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel.

·     Tbiddlet il-Kostituzzjoni bl-iskop li l-ugwaljanza bejn is-sessi bdiet tingħaraf bħala dritt fundamentali;

·     Tbiddlu l-liġijiet biex tneħħiet diskriminazzjoni bejn is-sessi. Dawn il-bidliet kienu jinkludu tibdil fir-regolamenti dwar il-passaporti, liġi dwar il-ġurati, liġi dwar ix-xandir, liġi dwar l-edukazzjoni u tibdil fil-liġi dwar it-taxxa fid-dħul. Dan it-tibdil neħħa diskriminazzjoni li kien hemm kontra n-nisa.

·     Fl-1993 daħlet il-Liġi tal-Familja li permezz tagħha nisa miżżewwġa bdew igawdu drittijiet li qabel kienu mċaħħda minnhom.

·     Ġiet ratifikata l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tneħħija ta’ Kull Għamla ta’ Diskriminazzjoni Kontra n-Nisa. Kienu ratifikati żewġ konvenzjonijiet internazzjonali oħra importanti: il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem li saret parti mil-liġi Maltija u neħħiet kull diskriminazzjoni fuq bażi ta’ sess u l-Konvenzjoni ta’ l-ILO dwar Equal Remuneration.

·     Inħatru nisa f’pożizzjonijiet għolja fosthom maġistrati, ministri, segretarji parlamentari u diretturi fiċ-ċivil.  

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li l-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs ma baqax biss fuq il-karta. Hu qal li llum fl-Universita’ ta’ Malta, li fetħet il-bibien beraħ għal kulmin irid jissokta bl-istudji tiegħu, hemm aktar studenti tfajliet minn ġuvintur. Il-Ministru Zammit Dimech qal li n-nisa jaħdmu qed jiżdiedu b’rata ogħla mill-irġiel. Hu qal li dan qed iseħħ sew għaliex il-mara llum hi aktar emanċipata u anke għaliex kibru l-opportunuitajiet ta’ xogħol għan-nisa.  Hu fakkar li mill-kisba ta’ l-Indipendenza ’l hawn in-numru ta’ nisa jaħdmu full-time żdied minn 17,000 fl-1964 għal 40,000 illum. Hu qal li filwaqt li fl-1964 n-nisa jaħdmu kienu 21 fil-mija ta’ dawk kollha impjegati bi qligħ illum in-nisa jaħdmu jammontaw għal għal aktar minn 29 fil-mija tal-gainfully occupied kollha.  

Il-Ministru Zammit Dimech qal li t-tibdil li sar fl-income tax, li kien jinkludi rati fissi ta’ taxxa għal dawk b’impjieg part-time, wassal biex numru dejjem akbar ta’ nisa qed ifittxu impjiegi part-time. Hu qal li dawn illum jilħqu 15,442 li għal 11,692 minnhom hu l-impjieg primarju tagħhom.  

Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li m’hemmx dubju li l-qagħda tal-mara Maltija tjiebet ħafna fl-aħħar 40 sena. Iżda dejjem għad baqa’ x’jitwettaq. Hu qal li kien ċert li bil-ħidma ta’ għaqdiet bħal dik tal-Kunsill Nazzjonali tal-Mara l-qagħda tal-mara Maltija tkompli titjieb sakemm jitneħħew kull traċċi ta’ diskriminazzjoni bejn is-sessi.  

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura awgura lill-Kunsill Nazzjonali tal-Mara u lin-nisa kollha ta’ Malta u Għawdex kull suċċess fil-ħidma tagħhom favur il-mara Maltija u favur id-drittijiet tan-nisa mad-dinja kollha.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Id-Dipartiment tar-Radjoloġija f’San Vinċenz mistenni jaqbeż l-20,000 eżami fl-2026

PR261943

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  The Speaker of the House of Representatives highlights Malta’s climate vulnerabilities and the role of parliaments at the IPU Parliamentary Meeting on COP31 in Türkiye

PR261942en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...

Aktar Stqarrijiet Right arrow