PJAN NAZZJONALI TA’ AZZJONI DWAR IL-FAQAR U L-ESKLUŻJONI SOĊJALI 2004 – 2006
Il-Prim Ministru Dr Lawrence Gonzi u l-Ministru għall-Familja u Solidarjeta` Soċjali s-Sinjura Dolores Cristina nidew il-Pjan Nazzjonali ta’ Azzjoni dwar il-Faqar u l-Eskluzjoni Soċjali 2004 – 2006, fiċ-Ċentru ta’ AĊĊESS, fil-Birgu.
Il-Prim Ministru spjega kif dan il-Pjan ta’ Azzjoni jixhed l-impenn tal-Gvern u tas-soċjeta’ Maltija sabiex ikun żgurat u promoss sforz sħiħ u kkoordinat fil-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali f’kull livell tal-ħidma politika. Il-Pjan ta’ Azzjoni l-ewwelnett jara li qegħdin nifhmu l-qagħda bħalissa, jidentifika lil dawk li l-aktar qegħdin f’riskju ta’ faqar u ta’ esklużjoni soċjali, u jagħraf li l-isforz irid ikun koordinat sabiex iseħħu l-bidliet meħtiega fil-ħajja ta’ dawk fil-bżonn. Il-Pjan jara wkoll li jkun hemm qafas għall-azzjoni u ħidma konkreta mill-gvern u organizzazzjonijiet mhux governattivi u jwaqqaf miżuri li jevalwaw il-progress fl-implimentazzjoni tal-programm t’azzjoni.
Il-Pjan ta’ Azzjoni jiffoka fuq dak li hu l-aktar importanti għal Malta fil-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali. Jinkludi wkoll analiżi tas-sitwazzjoni kif ukoll l-oġġettivi u l-miri stabbiliti għall-perjodu minn nofs is-sena 2004 sa nofs is-sena 2006. Il-Pjan jidentifika l-azzjonijiet speċifiċi li jwasslu għall-implimentazzjoni ta’ dawn l-oġġettivi. Jista’ jinkiseb suċċess fil-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni bis-sehem wiesgħa ta’ kulħadd.
Il-Ministru Cristina spjegat kif l-iżvilupp tal-Pjan Nazzjonali ta’ Malta dwar il-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali kienet waħda intensiva u ġiet maqsuma f’4 fażijiet ta’ konsultazzjoni. Din inkludiet il-parteċipazzjoni ta’ 5 ‘focus groups’ u anke Seminar Nazzjonali - dan ħalli jintlaħaq l-għan li jkun hemm strateġija komprensiva permezz ta’ l-involviment tal-gruppi konċernati. Dan id-dokument jiġbor fih dawk l-attivitajiet li għandhom politika ċara, miri diġa’ stabbiliti sew u l-istrutturi finanzjarji li jappoġġjawhom. Il-kollaborazzjoni mal-għaqdiet mhux governattivi, imsieħba soċjali, organizzazzjonijiet reliġjuzi u dipartimenti governattivi kienet importanti biex il-Pjan ta’ Azzjoni jkun wieħed Nazzjonali u multi-dimensjonali. Il-preparazzjoni għall-Pjan ta’ Azzjoni serviet bħala mezz biex jiżdied l-għarfien dwar il-proċess ta’ l-inklużjoni soċjali, kemm mal-pubbliku kif ukoll ma’ min ifassal il-politika u ma’ min jaħdem f’dawn l-oqsma.
L-istrateġija tal-Pjan ta’ Azzjoni biex tindirizza l-faqar u l-esklużjoni soċjali hija bbażata fuq dawn il-prinċipji: iż-żjieda fir-rata tax-xogħol, l-aktar tan-nisa, u li tiġi żviluppata politika biex ix-xogħol ikun jirrendi, waqt li jinħoloq xogħol aktar u aħjar, kemm għan-nisa kif ukoll għall-irġiel, li bħalissa huma bla xogħol jew li qed jirċievu benefiċċji soċjali. Prinċipju ieħor hu li jingħeleb l-illitteriżmu u jitjieb il-livell edukattiv kemm ta’ l-istudenti żgħażagħ kif ukoll ta’ l-adulti f’eta` avvanzata, u li tissaħħaħ is-sistema tal-ħarsien soċjali biex tlaħħaq ma’ dawk l-aktar fil-bżonn, waqt li tiżdied l-akkomodazzjoni soċjali.
Il-Ministru Cristina semmiet ukoll 12-il prijorita` ewlenija. Dawn jinkludu l-edukazzjoni u x-xogħol, il-persuni b’diżabilita’, persuni vulnerabbli, opportunitajiet indaqs, drittijiet tat-tfal, servizzi li jistgħu jintlaħqu minn min għandu bżonnhom, il-persuni li jkunu għadhom kemm ħarġu miċ-ċentri korrettivi jew kura istituzzjonali, kif ukoll pensjonijiet adekwati u l-iżvilupp reġjonali.
“Hemm pjanijiet għal 21 attivita’, programmi u inizjattivi biex jitwettqu fil-perjodu ta’ bejn is-sena 2004 u 2006, sabiex tiżdied il-parteċipazzjoni fix-xogħol” kompliet tgħid il-Ministru Cristina. Qalet ukoll li hemm 26 inizjattiva maħsuba biex jintlaħqu aħjar is-servizzi, riżorsi u t-twettieq tad-drittijiet. Il-Ministru semmiet ukoll li l-Pjan iħħeġġeġ l-iżvilupp tal-protezzjoni soċjali ħalli tkun żgurata s-sostenibilita’ tas-sistema, u tistimola kultura ta’ xogħol sabiex tonqos id-dipendenza fuq il-ħarsien soċjali.
Dan huwa l-ewwel Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali dwar il-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali mibni fuq oġġettivi għall-Proċess Soċjali ta’ l-Unjoni Ewropea stabbiliti minn l-Istati Membri. Bih nipparteċipaw fl-għan ta’ l-Unjoni dwar tnaqqis sostanzjali fil-faqar fl-Ewropa kollha sa l-2010. Dan il-Pjan jimxi skond din l-aġenda, l-ewwelnett billi jagħmilha iktar faċli li jkun hemm kkoordinament prattiku bejn l-Istati Membri, per eżempju, billi jwaqqaf il-pedament għal ‘peer review’ jigifieri li l-pajjiżi jevalwaw il-Pjanijiet ta’ xulxin u jitgħallmu minn xulxin.
Dawn l-oġġettivi li ġew miftehma fil-Kunsill ta’ Nizza jinkludu: il-parteċipazzjoni fix-xogħol u l-aċċess għal kulħadd għar-riżorsi u servizzi, il-prevenzjoni mir-riskju ta’ esklużjoni, għajnuna għal min hu l-aktar vulnerabbli, u l-impenn ta’ l-entitajiet kollha kkonċernati ħalli din l-azzjoni sseħħ.
Il-Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali, permezz ta’ l-attivitajiet imsemmija, jiffoka fuq l-għajnuna għal min għandu bżonn l-aktar, bi prijorita’ għall-ħarsien tat-tfal. Ħafna mill-pjanijiet għall-attivitajiet ġew sottomessi għal għajnuna finanzjarja mill-Fond Soċjali Ewropew.
Fil-konklużjoni tat-tnedija ta’ l-ewwel Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali dwar l-Inklużjoni, il-Prim Ministru Gonzi enfasizza r-rabta qawwija li hemm bejn dan il-Pjan ta’ Azzjoni u l-Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali għall-Impjiegi, li wasal fl-istadju finali tal-konsultazzjoni. Dawn iż-żewġ pjani, flimkien ma’ oħrajn li jindirizzaw id-diversi setturi soċjali u l-ħajja ekonomika Maltija, jidħlu fil-proċess intensiv li jwassal għal Pjan ta’ Żvilupp Nazzjonali ta’ Malta . Dan il-proċess għandu jseħħ matul l-2005. “Dawn il-pjani ta’ azzjoni huma l-impenn tagħna mas-soċjeta’ Maltija. Dawn il-pjani jenfasizzaw is-sehem indispensabbli tal-partijiet soċjali u tas-soċjeta’ ċivili fil-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali, u fil-promozzjoni ta’ l-inklużjoni soċjali f’kull livell tas-soċjeta’ Maltija”, ikkonkluda l-Prim Ministru.
Dan id-dokument fil-verżjonijiet bil-Malti u l-Ingliż jinstab fuq il-website tal-Ministeru Għall-Familja u Solidarjeta` Soċjali:
Other Press Releases:
PR261943
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR261942en