XOGĦLIJIET F’BURMARRAD U L-INĦAWI BĦALA PREVENZJONI MILL-GĦARGĦAR - SAJF TA’ ĦIDMA INTENSIVA MID-DIPARTIMENT TAX-XOGĦLIJIET
It-twessiegħ u t-tindif tal-watercourse li jgħati mit-triq sekondarja bejn Burmarrad u n-Naxxar sal-bridge bi tlett arkati li jżomm it-triq arterjali bejn Burmarrad u l-Mosta huwa komplut.
Dan qalu l-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura, Ninu Zammit meta żar ix-xogħlijiet biex isegwi l-progress ta’ dan il-proġett li għandu l-iskop li jippreveni għargħar f’dawn l-inħawi.
Il-Ministru Ninu Zammit spjega li x-xogħol fuq dan il-watercourse beda f’nofs Mejju u matul ix-xhur sħan tas-Sajf, saret ħidma intensiva mill-ħaddiema tat-Taqsima tax-Xogħlijiet biex dan il-watercourse jitnaddaf. Parti sostanzjali ta’ dan il-watercourse kien mimli b’kull xorta ta’ skart mitfugħillegalment, terrapien u veġetazzjoni li akkumulaw matul is-snin. Il-Ministru Zammit kompla billi qal li aktar minn 1,200 metru ta’ dan il-watercourse kienu mnadfa. Qal ukoll li ssewwew strutturi biex jikkontrollaw il-volum ta’ l-ilma u anke jservu għal ġbir ta’ l-ilma. Tnaddfu u ġew irranġati tlett strutturi li jaħżnu l-ilma li jinsabu fl-inħawi. Dan għandu jwassal għal re-charging tal-ħażna tal-ilma tal-pjan.
Sar xogħol ukoll fuq il-bridge ta’ taħt it-triq arterjali ta’ Burmarrad, fejn ġie mqatta` blat li kien qed jostakola waħda mill-mini ta’ dan il-bridge. Barra minn dan, il-Ministru Zammit spjega kif tneħħa kwantita` ta’ blat u radam li kien jinsab f’dan il-bridge u l-kanal li jwassal għal dawn il-mini. Permezz ta’ dawn ix-xogħlijiet, tneħħew ’l fuq minn 550 metru kubu ta’ terrapien, skart mitfugħ illegalment u veġetazzjoni minn dan il-watercourse.
Il-parti tal-watercourse mill-bridge ta’ taħt it-triq arterjali ta’ Burmarrad ’l fuq lejn it-triq ewlenija li twassal għal Bidnija kienet ukoll imnaddfa matul dan is-Sajf. Il-Ministru għar-Riżorsi u Infrastruttura qal li f’din il-parti tal-watercourse tneħħew ’l fuq minn 750 metru kubu ta’ materjal, isewwew tlett strutturi li jaħżnu l-ilma. Dawn ix-xogħlijiet f’din iż-żona tal-watercourse jew wied ilaħqqu mal-1,150 metru.
Flimkien mal-ġurnalisti preżenti, il-Ministru Ninu Zammit spezzjona x-xogħlijiet li qegħdin jitwettqu madwar is-Salini. Dan jikkonsisti f’tħammil ta’ materjal li kien qed jostakola l-isfog ta’ l-ilma lejn il-baħar. Diġa’ tnaddfu l-maġġor parti tal-mini u nfetaħ kanal biex jgħaqqad dawn il-mini mal-baħar. Dan iservi biex il-volum ta’ l-ilma jgħaddi f’iqsar żmien lejn il-baħar u jkun hemm inqas effetti ta’ għargħar fl-egħlieqi biswit is-Salini. Ix-xogħlijiet li saru s’issa ġew diskussi ma’ diversi bdiewa u mad-Dipartiment ta’ l-Agrikoltura u se jiġi segwit is-sena d-dieħla b’xogħol biex jinbena’ mill-ġdid kanal minn Għajn Rihana sas-Salini minflok il-wied l-antik li kien ġie mirdum matul iż-żminijiet. Din l-aħħar parti hija meqjusa bħala proġett ta’ importanza vitali u se jitwettaq is-sena d-dieħla.
Il-Ministru Ninu Zammit tenna li l-progress fix-xogħlijiet juri li l-Gvern mill-kliem għadda għall-fatti rigward din il-problema ta’ l-għargħar fl-inħawi ta’ Burmarrad u is-Salini. Fl-aħħarnett il-Ministru Zammit enfasizza l-fatt li filwaqt li l-Gvern għaddej b’ħidma kontinwa sabiex jitnaddfu dawn iz-żoni, li kienu suġġetti għall-għargħar f’dawn l-aħħar snin, il-pubbliku għandu jikkontribwixxi billi ma jarmix skart b’mod illegali u abbużiv.
Other Press Releases:
PR261952
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT Tliet Ambaxxaturi ġodda jippreżentaw...
PR261951