Left arrow Mur Lura

ENFASI PARTIKOLARI FUQ IL-LITTERIŻMU FIL-KOTTONERA

PR1364
Date Icon 02/09/2004

“Mis-sena li ġejja l-iskejjel tal-Kottonera se jkunu qed jaħdmu flimkien bi strateġija komuni u b’appoġġ speċjali biex tiġi indirizzata b’mod aktar iffukat il-problema ta’ illiteriżmu.  Il-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi se tkun qed issaħħaħ u tiffoka s-servizzi li toffri lit-tfal u lill-ġenituri biex tintrebaħ il-ġlieda kontra l-illitteriżmu f’dawn l-inħawi.  Dan qed isir bħala parti minn proġett pilota li jinvolvi sitt iskejjel primarji u sekondarji fil-Kottonera.”  Dan qalu l-Ministru responsabbli mill-Edukazzjoni Louis Galea meta attenda għall-attività edukattiva organizzata mill-Kunsill Lokali ta’ Isla flimkien mal-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi. 

Għat-tieni sena konsekuttiva l-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi qed tassisti lill-Kunsill ta’ l-Isla fl-organizzazzjoni ta’ programm edukattiv għall-familji li jinkludi lezzjonijiet ta’ litteriżmu filgħodu, darbtejn fil-ġimgħa u programm edukattiv fil-miftuħ max-xatt ta’ l-Isla kull nhar ta’ Ġimgħa.  Din is-sena kien hemm konkorrenza akbar għal dawn l-attivitajiet tul is-sajf b’aktar minn 130 adult u aktar minn 140 tifel u tifla li ipparteċipaw f’wieħed mill-programmi li tmexxew minn 16-il persuna.  Il-programm jibni fuq dak li jkun sar matul is-sena skolastika fl-iskola ta’ l-Isla u jinkludi sessjonijiet mill-ġenituri għall-ġenituri, programm ta’ litteriżmu individwali għat-tfal li huma l-aktar fir-riskju, programm ta’ litteriżmu għall-familja kollha u appoġġ lill-iskola. 

Waqt żjara li għamel il-Ministru Galea fil-‘Festival Senglean għall-Familji’ hu ra l-ħidma li qed titwettaq fl-Isla fejn fost attivitajiet oħra kien hemm diskussjonijiet edukattivi fi gruppi, workshopsmill-ġenituri stess, reċti mit-tfal, kant, poeżija u żfin mit-tfal.  Meta ltaqa’ ma’ dawk li kienu qed jipparteċipaw il-Ministru Galea emfasizza l-importanza ta’ l-akkwist tal-ħiliet bażiċi għax dan jagħmel lill-membri tas-soċjetà inqas vulnerabbli għall-esklużjoni soċjali u jżid l-opportunità li wieħed isib impjieg u jkollu stabbilità fil-ħajja tiegħu. Minħabba f’dan il-Gvern jagħraf l-importanza tar-rabta bejn il-Pjan Nazzjonali għall-Impjiegi, li issa qiegħed għad-diskussjoni, il-Pjan Nazzjonali għall-Inklużjoni Soċjali, l-Istrateġija għat-Tagħlim Tul il-Ħajja u l-Istrateġija Nazzjonali dwar il-Ħiliet Bażiċi. 

Louis Galea tkellem dwar il-problema ta’ l-illitteriżmu u l-isfida li għandu quddiemu l-pajjiż biex jiġġieled lil din il-problema.  Skond iċ-Ċensiment tal-1995 instab li 11.24 % tal-popolazzjoni kienu illiterati, b’numru sew minnhom ’l fuq minn 60 sena.  Studju ieħor komparattiv sar mill-Univeristà ta’ Malta.  Instab li minn ħames t’elef student tat-tieni sena primarja li ġew ittestjati, 14% kienu jinħtieġu għajnuna addizzjonali fil-Malti u 25% fl-Ingliż.  Meta dan l-istess grupp ta’ studenti reġgħu ġew ittestjati s-sena li għaddiet instab li 4.5% jinħtieġu aktar għajnuna fil-Malti u 8.5% fl-Ingliż. Dan juri, qal il-Ministru, li inizjattivi tajbin u maħsuba jistgħu jħallu frott fost it-tfal.  

Louis Galea qal li l-qasam edukattiv qiegħed kull ma jgħaddi ż-żmien dejjem jinbidel. L-importanza tal-parteċipazzjoni attiva tal-ġenituri fl-edukazzjoni tat-tfal qed tiżdied ukoll. Dr. Galea qal li l-iskola u d-dar m’għadhomx żewġ entitajiet mifrudin, b’żewġ rwoli u funzjonijiet differenti.  Kemm l-istudji kif ukoll l-esperjenza wrewna li kulħadd jibbenefika meta l-iskola, l-istudent u l-familja jaħdmu id f’id. 

Louis Galea qal li l-Gvern hu konxju tal-problemi f’diversi oqsma tal-ħajja fil-Kottonera u impenja ruħu b’mod speċjali favur dan ir-reġjun.  Fil-fatt qed iwettaq pjan ta’ tiġdid ta’ l-iskejjel kollha tal-Gvern fil-Kottonera fejn hemm erba’ skejjel primarji b’ 838 studenti u tlett skejjel sekondarji b’1376 studenti, minbarra skejjel tal-Knisja u privati.  Fl-aħħar ħames snin il-Gvern investa qrib miljun lira f’dawn l-iskejjel, u fis-snin li ġejjin, permezz tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada, il-Gvern qed jippjana li jinvesti qrib Lm 4 miljuni biex jimmodernizza u jgħolli l-kwalità ta’ dawn l-iskejjel.  Tajjeb wieħed ifakkar li s-sena li għaddiet il-Gvern inawgura kumpless sportiv ta’ l-għola kwalità b’investiment ta’ Lm 2.3 miljuni. 

Il-Ministru Louis Galea qal li l-Ministeru se jkun qed jiffoka aktar fuq il-Kottonera biex jitiebu l-livelli ta’ l-assentejiżmu, tar-riżultati li jinkisbu fl-eżamijiet, u tan-numru ta’ studenti li jidħlu l-Università min dawn l-inħawi meta wieħed iqabbilhom ma’ lokalitajiet oħra.  Il-Ministru Galea fakkar li minbarra numru sabiħ ta’ studenti mill-Kottonera li qed jattendu l-MCAST, hemm ukoll programmi speċjali f’dan il-Kulleġġ għal studenti li ma jkunux akkwistaw ħiliet bażiċi tajbin biżżejjed fl-edukazzjoni. Hemm ukoll numru ta’ adulti li qed jagħmlu korsijiet fil-litteriżmu u f’suġġetti oħra.  Barra minn hekk l-ETC għandha sensiela ta’ programmi ta’ taħriġ għall-persuni li qed ifittxu x-xogħol. 

Il-Ministru Galea qal li l-Ministeru tiegħu qed jaħdem biex ibiddel għall-aħjar is-sistema u l-istrutturi edukattivi bl-iskop li ikollna kwalità u riżultati aħjar fl-edukazjoni ta’ uliedna.  Huwa sostna li qatt ma sar investiment daqshekk qawwi mill-Gvern u mill-privat għar-riġenerazzjoni tal-Kottonera daqs kemm sar f’dawn l-aħħar snin li għandu jsostni l-iżvilupp ekonomiku, soċjali u edukattiv.  “Il-Gvern hu ħerqan li jaħdem ma’ kulħadd biex il-familji u l-poplu tal-Kottonera iqumu fuq saqajjhom u jkunu huma l-protagonisti tar-riġenerazzjoni u l-iżvilupp ta’ din il-ġawhra f’Malta” temm jgħid Louis Galea.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT  Tliet Ambaxxaturi ġodda jippreżentaw il-kredenzjali tagħhom lill-President ta’ Malta

PR261952

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT Tliet Ambaxxaturi ġodda jippreżentaw...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Meta nsaħħu l-MCAST inkunu qed ninvestu fil-kapaċità tal-pajjiż li jimxi ’l quddiem” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261951

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Meta nsaħħu l-MCAST inkunu qed ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow