LEJN POLITIKA ĠDIDA TA’ EDUKAZZJONI BIKRIJA
“Hi l-mira tal-Gvern li fis-snin li ġejjin it-tfal kollha jingħataw bidu tajjeb u f’saħħtu fl-esperjenza edukattiva tagħhom. Irridu nikkollaboraw ma’ l-imsieħba kollha biex dawk li se jsiru ġenituri jingħataw taħriġ u tagħrif dwar aspetti edukattivi anke qabel ma jitwieldu t-tfal. Irridu nagħtu l-appoġġ lill-ġenituri l-ġodda sa mill-ewwel ġranet tal-ħajja tat-trabi fuq aspetti li jaffettwaw l-iżvilupp edukattiv. Irridu noffru faċilitajiet ta’ ħarsien għat-tfal li mhux biss joffru servizz ta’ kwalita’ imma li jorbtu tajjeb ma’ l-ewwel snin ta’ l-edukazzjoni formali. U dan kollu irridu nagħmluħ għax konvinti mill-benefiċċji li wieħed jikseb tul ħajtu kollha jekk ikollu bidu tajjeb fil-ħajja edukattiva.” Dan qalu l-Ministru responsabbli mill-Edukazzjoni Louis Galea, fil-ftuħ ta’ konferenza internazzjonali li qed issir f’Malta u li hi organizzata mill-European Early Childhood Research Association, flimkien ma’ l-Universita’ ta’ Malta.
Il-Konferenza, bit-tema Quality Curricula: The Influence of Research, Policy and Praxis, se tkun qed tiffoka fuq il-kurrikulu għat-tfal ta’ eta’ żgħira. Kif jistgħu r-riċerka, il-politika u l-prattika jikkontibwixxu biex jinħoloq kurrikulu ta’ kwalita’ u kif mill-kliem naslu biex noffru esperjenzi veri fil-ħajja ta’ kuljum. Għal din il-Konferenza Internazzjonali qed jattendu 350 delegat minn 31 pajjiż. Minn pajjiżna se jkunu qed jattendu sitt rappreżentanti tad-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni, fosthom kapijiet ta’ skejjel u uffiċjali ta’ l-istess Diviżjoni.
Qabel din il-konferenza sar workshop ta’ jumejn fejn mal-100 kindergarten assistant u uffiċjali oħra mid-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni ġew sponsorjati biex jirċievu dan it-taħriġ. Għal dan il-workshopattendew ukoll kindergarten assistants mill-iskejjel tal-Knisja u Indipendenti. Din il-konferenza qed tkun koordinata minn Dr Valerie Sollars, lecturer fil-Fakulta ta’ l-Edukazzjoni fl-Universita ta’ Malta u esperta fl-edukazzjoni u kura bikrija.
Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Louis Galea tkellem dwar l-importanza ta’ l-iżvilupp edukattiv tat-tfal sa mill-ewwel jiem tal-ħajja u qal li sisien b’saħħithom fl-ewwel snin hu l-aħjar investiment li nistgħu nagħmlu f’uliedna u fil-pajjiż. Hu qal li r-riċerka turi kemm is-suċċess fil-ħajja ta’ persuna jiddependi fuq il-bażi li wieħed jirċievi fl-ewwel snin ta’ ħajtu. Anke il-logħob jista’ jgħin fl-iżvilupp tal-komunikazzjoni, tal-ħsieb, u tal kapaċita’ li ssolvi l-problemi. Permezz ta’ livell għoli ta’ stimolu verbali u permezz tal-kotba jidher li tfal jistgħu jiksbu vokabularju ta’ aktar minn 20,000 kelma minflok il-5,000 li jitgħallmu mingħajr dan l-istimolu u dan il-vantaġġ ikompli jiżdied tul is-snin. Ir-riċerka turi wkoll li dawk li jkollhom bidu tajjeb fil-ħajja ikomplu jgawdi minnhu tul ħajjithom kollha kemm bħala żgħażagħ kif ukoll bħala adulti.
Louis Galea qal li l-aktar nies li jiggwadanjaw minn programm ta’ edukazzjoni bikrija ta’ kwalita’ huma dawk li ġejjin minn familji bi dħul baxx u għalhekk is-servizz li noffru irid ikun għal kulħadd.
Il-Ministru qal li minkejja li l-kindergarten f’pajjiżna mhux obbligatorju, aktar minn 98% tat-tfal f’dik l-eta’ jattendu. F’Malta u Għawdex il-Gvern għandu 64 ċentru tal-kindergarten u hemm diversi oħrajn li huma tal-knisja jew indipendenti. Fl-iskejjel tal-Gvern hemm aktar minn 400 kindergarten assistant.
Louis Galea semma wkoll l-iżvilupp li qed iseħħ fil-pajjiż u kif dan qed iwassal biex il-ġenituri jfittxu aktar servizzi ta’ ħarsien għat-tfal tagħhom. Hu qal li għalkemm diġa’ qed jinfetħu diversi ċentri ta’ kura għat-tfal il-Gvern ħass il-bżonn li jniedi dokument ta’ konsultazzjoni li jipproponi regoli u standards li dawn iċ-ċentri iridu jilħqu biex tassew joffru servizz ta’ kwalita’.
Fl-istess ħin il-Gvern għadu kif ippublika l-ewwel abozz tal-Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali għall-Impjiegi li fost affarijiet oħra jitkellem dwar il-bżonn ta’ appoġġ lill-ġenituri li għandhom tfal taħt it-tlett snin. Il-miżuri li qed jipproponi l-Pjan mhux biss jgħinu biex ikun hemm opportunitajiet indaqs kemm għall-irġiel kif ukoll għan-nisa, iżda jirrikonoxxu l-benefiċċji li joffri programm ta’ edukazzjoni bikrija ta’ kwalita’.
Il-Ministru Galea ħabbar li l-Ministeru tiegħu flimkien mad-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni qed ihejju bidliet importanti li jridu jseħħu fil-qasam edukattiv f’pajjiżna. Hu ħabbar ukoll li fil-ġimgħat li ġejjin se jwaqqaf Working Group li se jiffoka fuq dan il-qasam bil-mandat li jipproponu abbozz ta’ politika ġdida dwar l-edukazzjoni bikrija.
Stqarrijiet Oħra:
PR261943
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR261942en