DISKORS TA’ L-ONOR CARMELO MIFSUD BONNICI, SEGRETARJU PARLAMENTARI FIL-MINISTERU TAL-ĠUSTIZZJA U INTERN, WAQT IT-TNEDIJA TAL-KUMITAT GĦALL-IŻVILUPP TAL-LIBRERIJI PUBBLIĊI MILL-KUNSILLI LOKALI – IL-BELT VALLETTA – L-1 TA’ SETTEMBRU 2004
Nhar l-20 ta’ Marzu 2004 dan il-Ministeru kien promotur u organizzatur flimkien ma’ dak ta’ l-Edukazzjoni sabiex ġewwa l-Mużew Marittimu ġiet organizzata konferenza bit-tema “Il-Kunsilli Lokali u L-Libreriji Pubbliċi –Inħarsu ’l Quddiem”. F’dik il-laqgħa ta’ nofs ta’ nhar bl-għajnuna tal-parteċipanti ġew diskussi numru ta’ punti u problemi li qed jiltaqgħu magħhom il-Kunsilli Lokali fil-ġestjoni tad-diversi libreriji li ġew devoluti f’idejhom.
Hareġ ċar li għad ma hemmx strateġija nazzjonali li fuqha dawn l-libreriji qed jiġu mmexxija. L-esperjenza ġenerali hija li apparti l-ħeġġa inizjali fejn f’ħafna drabi jsir sforz kbir sabiex jinbeda kollox, din ma tiġix segwita bl-istess impetus. Deher li f’ċerti postijiet hemm attenzjoni kbira da parti tal-kunsilli u mhux biss iżda hemm sforzi daqqa kostanti u daqqiet sporadiċi sabiex, sija l-istudenti kif ukoll l-adulti, jiġu mħajjra jisselfu l-kotba. Pero’ dan ma huwiex f’kull post. Mhux biss dan, hemm ukoll differenzi oħra bħal fatt li għandek Kunsilli Lokali li għandhom f’idejhom u oħrajn li jixtiequ iżda dan għadu ma seħħx.
Il-konferenza rat ukoll li f’ċerti lokalitajiet hemm attendenza tajba mentri f’oħrajn din hija għal kollox nieqsa. Terġa hemm bliet u rħula fejn hemm għatx għall-kotba miktuba bil-Malti u oħrajn le. Il-verita’ hija li in ġenerali għad ma daħlitx il-kultura tal-qari f’kull rokna ta’ pajjiżna. Ma huwiex xi sigriet u anqas ma huwa xi nuqqas ta’ dan il-pajjiż biss pero’ lkoll għandna naċċettaw li dan l-poplu ma jagħtix biżżejjed importanza lill-qari. Il-ktieb, hemm bżonn li s-soċjeta’ tifhem dejjem iktar li huwa investiment għall-futur ferm aqwa minn kull oġġett ieħor. Għalhekk ma hemmx sostituzzjoni għax-xiri ta’ kotba ta’ valur, li għandhom messaġġ pożittiv x’jagħtu u li nkitbu minn persuni li għamlu isem fl-istorja tal-letteratura dinija mill-komunita’. Ma hemm xejn ħazin jekk il-Kunsilli Lokali kollha jibdew jieħdu ħsieb li jaħsbu sabiex mill-allokazzjoni tagħhom ta’ kull sena jqiegħdu parti minnha għal dan il-għan.
F’dik il-konferenza ukoll fejn ipparteċipaw numru ta’ sindki u persuni li ġew inkarigati minnhom sabiex jieħdu ħsieb il-libreriji, ħafna tkellmu fuq il-bżonn li l-istrateġija nazzjonali tinħadem u tibda tiffunzjona tajjeb. Kien hemm ilmenti varji, kollha indirizzati lejn l-għarfien li għandna nagħtu attenzjoni partikolari lil dan is-settur. Min qiegħed verament impenjat, speċjalment il-librara kollha, ħeġġew lejn koordinazzjoni ikbar u għarfien sħiħ li dan għandu jkun proċess mhux ta’ darba iżda wieħed kontinwu.
Dan ħareg iktar u iktar meta wieħed jikkonsidra li d-dipartiment tal-libreriji pubbliċi qiegħed joffri servizz modern, avvanzat li ma huwiex mgħarraf lill-poplu jew lill-Kunsilli nfushom u għalhekk anqas ma huwa utilizzat daqskemm wieħed għandu jippretendi. Dan ma għandux jkun u aħna bħala pajjiż għandna nieħdu ħsieb nużaw u nutilzzaw aħjar s-servizzi li għandna, kif ukoll li nibdew naħdmu b’aktar impenn sabiex inżidu s-servizzi li jistgħu jingħataw f’din id-direzzjoni mill-Kunsilli Lokali nfushom. Ħidma f’dan is-sens ma titlobx spejjeż, finanzi insormontabbli jew allokazzonijiet ikbar. Anzi b’iktar sens komun, koordinazzjoni u b’għarfien ikbar ta’ kemm huwa faċili li taqsam il-kotba u tifrixhom bejn iktar libreriji ssib li b’inqas milli wieħed jista’ jaħseb dak li jidher mxerred fil-fatt huwa għad-dispożizzjoni ta’ kulħadd.
Settembru ssoltu huwa x-xahar meta ħafna mill-ġenituri u l-studenti jerġghu jibdew jaħsbu x’kotba għandhom bżonn sabiex jidħlu għall-istudji tagħhom għas-sena akkademika li ġejja. Għalhekk illum l-1 tax-xahar ħassejna li għandna nagħmlu din il-Konferenza Stampa sabiex mhux biss inħabbru numru ta’ miżuri li qed nipproponu li għandhom jittieħdu minna fil-futur iżda ukoll sabiex inservu ta’ vuċi fis-soċjeta’ li tħajjar l-ewwel lejn iktar użu ta’ kotba minn fuq l-ixkafef tal-libreriji pubbliċi u xiri ta’ kotba sabiex u t-tieni lejn l-istess Kunsilli Lokali speċjalment dawk li għandhom f’idejhom dawn l-libreriji pubbliċi sabiex jagħtu servizz aħjar lill-komunita’ sija fl-ammont u fil-kwalita’ ta’ kotba, kif ukoll fil-ħinijiet li jagħmluha iktar faċili sabiex dawn l-libreriji jiġu użati. U dan kollu ovvjament sabiex jikber l-qari fis-soċjeta’.
F’dan id-dawl u wara dan kollu l-Ministeru għall-Ġustizzja u l-Intern ħass li għandu jgħaddi għall-passi iktar konkreti u jibni programm loġiku u li jista’ jintlaħaq sabiex fis-snin li ġejjin il-Kunsilli Lokali jkollhom linji ta’ gwida u għajnuna tajba sabiex l-għanijiet li ħargu f’dik il-Konferenza jiġu ndirizzati. Għalhekk f’din il-linja ħadna ħsieb li l-ewwel jitwaqqaf kumitat li ilu jaħdem tul dawn l-aħħar xhur magħmul mis-Sinjuri Oscar Grech bħala Chairman, u bħala membri s-Sur Natalino Attard Direttur tal-Gvern Lokali, is-Sur Philip Borg Direttur tad-Dipartiment tal-Libreriji u Arkivji u s-Sur Robert Mizzi Chairman tal-Malta Library and Information Association.
Dan il-kumitat qiegħed għalhekk jaħdem sabiex jieħu ħsieb jibni linji li fuqhom jkun hemm impenn iktar konkret sabiex il-libreriji jissaħħu u dan b’numru ta’ inizjattivi, u dan fost l-oħrajn sabiex l-ewwel isir użu aħjar u iktar intelliġenti tal-media sabiex tinbeda u titkompla kampanja kontinwa lejn l-vantaġġi tal-ktieb, it-tieni li tinħadem sistema aħjar ta’ kif jinxtraw il-kotba lejn sens aqwa ta’ x’tip , x’kwalita’ u x’valur għandu jkun hemm fuq l-ixkafef kif ukoll li tagħmel sens ekonomiku ikbar f’dak li qiegħed joffri s-suq, it-tielet li riżorsi u s-sorsi, sija ta’ distributuri kif ukoll ta’ donaturi, jiġu koordinati lejn iktar tixrid aħjar tal-ġid li jistgħu jagħmlu, ir-raba’ li bl-għajnuna tal-Malta Library and Information Association ser jiġi organizzat kors sabiex il-persuni li ħafna drabi jmorru volontarjament jmexxu dawn l-libreriji lokali jieħdu tagħrif u taħriġ (Information Skills) sabiex imexxu aħjar milli huma dak li huwa fdat lilhom, il-ħames strateġija aħjar id f’id mad-Dipartiment tal-Libreriji u Arkivji sabiex l-esperjenza li ilha tinġabar hemm is-snin tkun għad-dispożizzjoni tal-libreriji , is-sitta linji ta’ gwida bażata fuq l-hekk imsejjha “best practice” ta’ kif wieħed għandu jħajjar adulti sabiex jaqraw u jagħmlu użu minn dawn l-libreriji.
Nagħlaq b’żewg punti l-ewwel li dan il-kumitat qiegħed jistieden lil kull min għandu suġġerimenti x’jagħti sabiex dan l-għanijiet jintlaħħqu li jew jiktbilhom jew inkella jieħu ħsieb jiltaqa’ magħhom u t-tieni sabiex ninfurmaw il-pubbliku li fix-xahar ta’ Ottubru ser tiġi organizzata t-tieni konferenza fuq dan is-suġġett sabiex il-proċess li nbeda ma jintilifx anzi li jiġi iktar issudat.
Stqarrijiet Oħra:
PR261943
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR261942en