STQARRIJA KONĠJUNTA BEJN IL-MINISTERU TAS-SAĦĦA, L-ANZJANI U KURA FIL-KOMUNITA’ U L-MUMN
Wara laqgħa li saret bejn il-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità fil-preżenza ta’ uffiċjali għolja fi ħdan il-Ministeru u l-MUMN, intlaħaq ftehim dwar il-mod kif sa jiġu mpjegati n-nurses wara li jintemm l-eżerċizzju li qed isir fid-Diviżjoni. Id-Diviżjoni reġgħet saħqet illi mhux minnu li mhux sa jiġu ngaġġati nurses biex jimtlew il-vakanzi.
Filwaqt li ż-żewġ naħat ikkonfermaw li hemm numru ta’ vakanzi fil-grad ta’ infermier, ingħatat assigurazzjoni li sa nhar it-Tnejn 6 ta’ Settembru 2004, jintemm l-eżerċizzju biex jiġi stabbilit in-numru eżatt tal-vakanzi. Ġie miftiehem ukoll li sussegwentement issir laqgħa bejn id-Diviżjoni tas-Saħħa u l-MUMN biex jiġi komunikat ir-riżultat ta’ dan l-eżerċizzju u b’hekk ikun jista’ jibda l-proċess ta’ l-ingaġġ.
Id-Diviżjoni assigurat lill-union li bis-saħħa ta’ dan il-proċess jiġu onorati diversi ftehim preċedenti dwar il-complement tan-nurses fis-swali tal-mediċina u sabiex, filwaqt li tiġi garantita kura ta’ l-aqwa livell għall-pazjenti, id-Diviżjoni tagħmel l-aħjar użu tar-riżorsi umani u finanzjarji tagħha.
Min-naħa tagħha, l-MUMN avżat lid-Divizjoni li qed tissospendi l-azzjonijiet kollha li kienu fis-seħħ.
Stqarrijiet Oħra:
PR261943
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR261942en