PAVIMENTAR TAL-BELT STORIKA TA’ L-IMDINA
Waħda mill-prijoritajiet ewlenin tal-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura hija li jsebbaħ dejjem iktar id-dehra ta’ pajjiżna speċjalment il-qalba jew iċ-ċentri ta’ l-ibliet u rħula. Xhieda ta’ dan huwa l-proġett ta’ tqegħid ta’ pavimentar ta’ l-Imdina kollha.
Dan ħabbru l-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura, il-Perit Ninu Zammit waqt żjara li għamel fuq dan il-proġett fejn seta’ jara dawn ix-xogħlijiet. Il-proġett ta’ pavimentazzjoni sar wara diversi laqgħat bejn il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura, il-Proġett għar-Rijabilitazzjoni ta’ l-Imdina (MRP), il-Kunsill Lokali u r-residenti. Bis-saħħa ta’ dawn il-laqgħat saru xi aġġustamenti li kienu maqbula mill-partijiet kollha.
Il-Ministru Ninu Zammit spjega kif is-servizzi essenzjali kollha ġew mgħoddija minn pajpijiet taħt l-art biex b’hekk il-manutenzjoni tkun tista’ ssir mingħajr ma toqgħod tiġi maqlugħa l-art. L-overhead wires tal-Maltacom u Melita Cable tneħħew, waqt li s-sistema ta’ l-ilma u d-dawl saret kollha mill-ġdid. Barra minn hekk tneħħew ukoll il-wires mikxufa ta’ l-istreetlighting billi dawn iddaħħlu f’conduits fil-ħitan. Il-Ministru Zammit qal ukoll li se jiżdied id-dawl ta’ l-istreetlighting waqt li se jiġi mixgħul ukoll xi bini importanti. Fix-xhur li ġejjin se jitneħħew il-wires tad-dawl li fadal.
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura fiehem lill-ġurnalisti preżenti li t-tip ta’ pavimentar li qed jintuża huwa mpurtat minn Sqallija u jixbaħ ħafna lill-ġebla tal-qawwi Maltija. Qabel ma jitqiegħed il-paviment qed issir sodda tal-konkos. Il-madum huwa ta’ daqs varjat. Il-Ministru Zammit qal li għalkemm għandu jkun hemm mill-inqas karozzi fl-Imdina, il-pavimentar li qed isir, huwa wieħed li jiflaħ għat-traffiku.
Ix-xogħlijiet preliminari nbdew f’Mejju 2004 u huwa ppjanat li x-xogħol ta’ pavimentar ikun lest fi żmien 12-il xahar, jiġifieri għan-nofs is-sena 2005. Ix-xogħol kollu relatat mal-pavimentar qed jitwettaq minn 3 kuntratturi privati flimkien ma’ ħaddiema tal-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura. Qed isir ukoll xogħol ta’ tqegħid ta’ 600 tappieri (manholes) ġodda. Il-ġebel tal-qawwi li qed jintuża qed ikun minqux biex il-wiċċ ma jiġix jiżloq. Tlesta x-xogħol fuq 5 toroq u għaddej xogħol fuq 5 toroq oħra.
Il-Ministru Zammit, waqt li faħħar l-impenn tal-ħaddiema tal-Gvern u tal-kuntratturi, qal li din il-fażi tal-proġett se jiswa madwar Lm600,000. Dan jinkludi tħammil, xogħol ta’ konkos, xiri u tqegħid ta’ pavimentar.
Finalment il-Ministru Ninu Zammit irrimarka li dan hu proġett li jixhed l-impenn serju tal-Gvern fir-restawr u l-għożża ta’ postijiet storiċi f’pajjiżna bil-għan li dawn il-ġojjelli li jiffurmaw il-wirt storiku ta’ pajjizna nippreżervawhom u ngħadduhom lil ta’ warajna fi stat aħjar milli sibnihom aħna.
Other Press Releases:
PR261943
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR261942en