ĦARSA KRITIKA LEJN IT-TAGĦLIM TAL-MATEMATIKA
Sa għaxar snin ilu, 20% ta’ l-istudenti tagħna kienu mistennija li jgħaddu mill-eżami tal-matematika fil-livell ordinarju. Fl-2003 kellna aktar minn 61% ta’ l-istudenti li spiċċaw b’ċertifikat tas-SEC fil-matematika bi Gradi 1 sa 7, u 53% ta’ l-istudenti li kwalifikaw bi Gradi 1 sa 5. Dan irriżulta waqt seminar li mexxa l-Ministru ta’ l-Edukazzjoni, l-Onor. Louis Galea, għall-grupp ta’ edukaturi li jmexxu l-qasam tal-matematika fl-iskejjel u fl-Universita`.
Fost il-mistednin kien hemm uffiċjali mid-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni, rappreżentanti mill-Università ta’ Malta, u mill-iskejjel tal-Knisja u dawk independenti. L-għan tas-seminar kien li jitħejja proċess ta’ analiżi kritika dwar it-tagħlim u r-riżultati tal-matematika f’pajjiżna. Dan hu parti minn proċess nazzjonali li qed jevalwa b’mod kritiku t-tagħlim u r-riżultati tas-suġġetti kollha li ngħallmu f’Malta. L-evalwazzjoni ta’ l-Ingliż kienet l-ewwel proċess li kien imniedi. Wara l-matematika se jkun evalwat il-Malti.
Il-Ministru Galea enfasiżża li għandna bżonn nagħtu ħarsa analitika lejn il-mod kif qed ngħallmu l-matematika, il-metodi li qed jiġu applikati u r-riżultati miksuba mill-istudenti tagħna. Ladarba naraw is-sitwazzjoni kif inhi l-lum, bit-tajjeb u l-ħażin tagħha, irridu mbagħad nimxu pass ieħor billi nagħtu ħarsa lejn it-tibdil li jrid issir fit-tagħlim tal-matematika meta nikkunsidraw is-sitwazzjonijiet li s-soċjetà tagħna qed taffaċċja.
Il-Ministru Louis Galea qal li l-Gvern għandu l-mira li jifrex u jtejjeb l-għarfien tal-matematika fost il-poplu kollu. Il-Gvern irid ukoll li jkollu aktar nisa u irgiel gradwati fil-matematika. Din hi l-bażi biex ikollna aktar Maltin b’saħħithom fix-xjenzi, it-teknoloġija u l-inġinerija li huma oqsma essenzjali għal ekonomija b’sahhitha, innovattiva u kompetittiva.
Il-mistoqsija kruċjali hi: kif nistgħu ntejjbu mill-bidunett it-tagħlim ta’ dan is-suġġett biex l-istudenti tagħna jiksbu ħiliet li jattrezzawhom aħjar għall-ħajja. Parti mill-proċess ta’ evalwazzjoni ser issir permezz ta’ konferenza nazzjonali fejn kull min huwa nvolut, bl-għajnuna ta’ esperti Maltin u barranin, jeżaminaw ir-riżultati tar-riċerka u l-kwistjonijiet li minnhom tiddependi edukazzjoni ta’ kwalità f’dan il-qasam.
Il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni qed iwettaq pjan ta’ evalwazzjoni kritika tat-tagħlim tas-suġġetti li ngħallmu fl-iskejjel Maltin u Għawdxin. Dan l-eżercizzju tnieda ftit xhur ilu billi beda l-proċess ta’ l-analiżi dwar it-tagħlim ta’ l-Ingliż. Din il-gimgħa bdiet ukoll il-fażi inizjali għal analiżi kritika u objettiva tat-tagħlim tal-Malti.
Il-Ministru Galea qal li hu qed jistenna li l-proċess iwassal għal rakkomandazzjonijiet, strateġiji u pjanijiet konkreti kif nistgħu ntejjbu l-kwalità ta’ tagħlim li qed jieħdu l-istudenti tagħna fid-diversi suġġetti. Din l-analiżi, fil-qafas tal-kurrikulu nazzjonali, għandha ssarraf f’direzzjoni ċara għall-kapijiet ta’ l-iskejjel u l-għalliema tas-suġġett, biex ikollna edukazzjoni dejjem aktar effettiva u ta’ kwalità. “Huwa dmir u dover tagħna fil-qasam edukattiv li noffru l-aħjar tagħlim possibli, għaliex kull tifel u tifla għandu jirċievi edukazzjoni ta’ kwalità biex jagħtu kontribut aktar effettiv lis-soċjetà tagħna,” sostna Louis Galea.
Stqarrijiet Oħra:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en