LAQGĦAT MAS-SELF-EMPLOYED FIL-KUNSILLI LOKALI BIEX IKUNU IDENTIFIKATI INEFFIĊJENZI U BUROKRAZIJA EĊĊESSIVA
Il-ħidma tal-Ministeru tal-Finanzi u l-Affarijiet Ekonomiċi li ghandha twassal biex f’pajjiżna jkollna aktar effiċjenza u anqas burokrazija, qed tkompli permezz ta’ laqgħat li s-Segretarju Parlamentari fl-istess Ministeru, l-Onor. Edwin Vassallo qed jorganizza ta’ kull ġimgħa f’diversi Kunsilli Lokali. Għal dawn il-laqgħat qed ikunu mistiedna s-self-employed u s-sidien ta’ negozji li jaħdmu f’dik il-komunita'.
"Dawn huma laqgħat fejn il-Gvern qed jiltaqa’ fil-Kunsilli Lokali mas-self-employed biex dawn ikunu jistgħu jiddiskutu flimkien, il-ħidma li tkun qed issir, kif ukoll ikunu jistgħu jirrapportaw ineffiċjenzi burokratiċi li huma jkunu qed jiltaqgħu magħhom." Hekk qal is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo fil-bidu ta’ laqgħa ohra f’din is-sensiela mas-self-employed fil-Furjana, fejn fost l-oħrajn kienu diskussi l-problemi ta’ nuqqas ta’ spazju għall-parking fil-Furjana.
Il-Kunsilli Lokali wkoll qegħdin ikunu mgħejjuna jimplimentaw il-Politika Imprenditorjali li fi kliem is-Segretarju Parlamentari Vassallo, għandha tikkonsisti f’diversi punti.
"Permezz ta' dan id-djalogu kontinwu, is-settur kummerċjali:
- ikun mgħejjun b’tali mod li jaħdem aħjar;
- jista’ jkompli jiżviluppa biex joħloq aktar impjiegi.
Għalhekk b’dan id-djalogu tgawdi l-komunita`. Barra minhekk, il-ħolqien ta' mpjiegi jgħolli l-livell tal-ħajja fil-komunita`.
Il-Politika Imprenditorjali timmatura fil-komunita` meta l-Kunsill Lokali jieħu dawn il-passi:
- Jappunta Kunsillier għall-Kummerċ u jwaqqaf sotto-kumitat li jikkonsulta mas-settur kummerċjali tal-lokalita' u jaħdem għall-ġid ta’ dan is-settur;
- Janalizza l-livelli ta' l-impjiegi u tal-qagħad fil-lokal u skond ir-riżultat ta' din l-analiżi, jorganizza t-taħriġ mal-ETC.
- Jista’ jagħti nformazzjoni fuq it-taħriġ ta’ l-impjiegi mogħti mill-ETC lil dawk qegħda u lis-settur kummerċjali;
- Jara li s-settur kummerċjali jipprovdi iktar xogħol għall-benefiċċju tal-komunita' kollha;
- Jara li s-settur kummerċjali jingħata s-servizzi meħtieġa fil-komunita' tiegħu u janalizza kontinwament is-servizz li qed jingħata lill-konsumatur;
- Jikkordina programm ta' informazzjoni dwar id-drittijiet tal-konsumatur;
- Jgħin l-għaqdiet volontarji fil-komunita`, billi jdaħħalhom jieħdu sehem fis-settur kummerċjali;
- Jikkordina x-xogħol mas-settur kummerċjali sabiex il-lokalita` tiżviluppa l-potenzjali tagħha bħala Ċentru kummerċjali;
- Janalizza s-sitwazzjoni tal-parking speċjalment f'żoni kummerċjali u industrijali fi ħdan il-lokalita';
- Jorganizza laqgħat ta' djalogu mas-settur kummerċjali fejn iqarreb iktar lil dan is-settur mal-gvern ċentrali jew entitajiet li qegħdin jipprovdu servizz;
- Jitwaħħlu sinjali fiż-żoni industrijali u kummerċjali li juru fejn jinsabu l-industriji u l-ħwienet u x'servizzi joffru;
- Jiżviluppa l-lokalita` b’tali mod li jiġbed it-turiżmu lejha permezz tat-turiżmu kulturali (heritage tourism)"
Permezz ta' dan id-djalogu, il-Kunsill Lokali jkun kapaċi jibbilanċja l-ħtiġijiet tal-komunita` residenzjali ma' dawk kummerċjali, sabiex waħda issostni lill-oħra.
Is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo qassam ukoll fuljetti ppubblikati mid-Direttorat għall-Intrapriżi ż-Żgħar u l-Artiġjanat fid-Diviżjoni tal-Kummerċ, liema fuljetti fihom informazzjoni speċifika dwar Politika Imprenditorjali fil-Komunita'.
Stqarrijiet Oħra:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en