ERBA’ STUDENTI JIKKOMPETU FL-INTERNATIONAL OLYMPIAD OF INFORMATICS 2004 F’ ATENI
Ħamsa u erbgħin student mis-‘Sixth Form’, ‘Higher Secondary’, MCAST u l-Universita’ ta’ Malta applikaw sabiex jippartecipaw fin-‘National Informatics Competition’ li organizza l-Ministeru għall-Investiment, Industrija w it-Teknologija ta’ l-Informazzjoni.
Il-kompetizzjoni saret ġo l-Istitut tat-Teknologija ta’ l-Informazzjoni w il-Komunikazzjoni fil-Kulleġġ Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija. F’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni, il-parteċipanti kellhom isolvu xi problemi ta’ l-Informatika f’ħin limitat billi jużaw il-kapaċitajiet programmativi tagħhom bi kreattivita’.
Il-kontestanti li rnexxielhom jikkwalifikaw fl-ewwel erba’ postijiet sabiex jiffurmaw it-Team Nazzjonali ta’ l-Informatika huma Karl Cassar, Ranier Bonnici, Atanas Atanasov u Stephen Fenech. It-Team ser jikkompeti fl-‘International Olympiad of Informatics 2004’ ma’ Timijiet Internazzjonali f’Ateni, il-Greċja bejn il-11 u t-18 ta’ Settembru li gej. Il-biljetti tal-ajru għat-Team Nazzjonali se jiġu ġentilment provduti mill-Airmalta.
L-‘International Olympiad of Informatics’ ilu jsir kull sena mill-1989 biex iqajjem interess fix-xjenza ta’ l-informatika u t-teknologija ta’ l-informazzjoni. Permezz ta’ dan, bosta studenti b’talenti mill-aqwa minn pajjiżi differenti jaqsmu diversi esperjenzi xjentifiċi u kulturali flimkien. Kull pajjiż li jieħu sehem, inkluż Malta , jibgħat delegazzjoni ta’ erba’ studenti li jikkompetu individwalment billi jsolvu numru ta’ problemi ta’ l-informatika biex igibu l-oghla marki possibbli fi zmien ta’ jumejn kompetizzjoni.
Qabel il-kompetizzjoni, it-team magħzul ser jigi provdut b’taħrig specjali mid-Dipartiment tax-Xjenza ta’ l-Informatika u Intelligenza Artifiċjali ta’ l-Universita’ ta’ Malta . Dan il-programm ta’ taħrig intensiv għandu jagħti l-esperjenza necessarja lill-kontestanti ta’ Malta u jzid il-kapaċita’ tagħhom li jsolvu diversi problemi minn kompetizzjonijiet ta’ qabel, b’hekk il-kontestanti għandhom isibuha iktar faċli biex jikkompetu aħjar.
Din hi t-tieni darba li l-Ministeru ghat-Teknoloġija ta’ l-Informazzjoni ha r-responsabbilita’ li jorganizza kompetizzjoni bħal din sabiex erba’ studenti Maltin ikollhom l-opportunita’ li jikkompetu ma’ studenti ta’ pajjizi oħra. L-‘International Olympiad of Informatics’ hija kompetizzjoni prestiġjuża u finanzjata minn bosta kumpaniji multi-nazzjonali tat-teknoloġija ta’ l-informazzjoni u l-komunikazzjoni. L-assistenza tal-Gvern tippermetti lil Malta tieħu sehem f’ kompetizzjonijiet bħal dawn. Il-Gvern jħoss li huwa dmir tiegħu illi bis-serjeta’ jinkoraġġixxi l-istudenti jkomplu l-istudji tagħhom tat-teknoloġija ta’ l-informazzjoni u l-komunikazzjoni.
Stqarrijiet Oħra:
PR261943
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR261942en