INAWGURATA L-ESTENSJONI TAR-RESIDENZA GĦALL-ANZJANI F’BORMLA
Il-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità, l-Onor. Louis Deguara u s-Segretarja Parlamentari għall-Anzjani u Kura fil-Komunità l-Onor. Helen D’Amato inawguraw estensjoni fid-Dar Residenzjali għall-anzjani f’Bormla. Il-parti l-ġdida se takkomoda 25 anzjan u anzjana u issa din id-dar tilqa’ fiha 132 anzjan u anzjana.
Din id-Dar Residenzjali hija amministrata taħt il-public private partnership scheme mill-kumpanija CareMalta li ħadet ukoll ħsieb din l-estenzjoni.
Il-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità f’kelmtejn li għamel qal li hu xtaq li din id-Dar Residenzjali u l-estenzjoni tagħha tiġi kunsidrata f’ambitu aktar wiesgħa tal-politika tal-gvern għan-naħa t’isfel ta’ Malta. F’dawn l-aħħar snin il-Kottonera rat diversi proġetti jitwettqu li għenu mhux ftit biex din il-parti ta’ Malta tieħu dehra ġdida. L-abitanti ta’ dawn in-naħat illum jistgħu jaraw u jmissu b’idejhom proġetti bħall-iżvilupp tax-xtut, iċ-Ċentru Sportiv, il-proġett tal-Birgu u l-Marina. Dawn kollha għandhom iseddqu din iż-żona u huma prova li l-wegħdiet tal-gvern għal dawn l-inħawi ma kinux fiergħa. Dawn il-proġetti huma immirati biex filwaqt li jsebbħu lit-tlett ibliet jiġġeneraw il-ġid li jwassal għall-kwalità ta’ ħajja aħjar u soċjetà aktar b’saħħitha.
Il-Ministru fakkar li l-qasam ta’ l-anzjani kif nafuh illum ra l-bidu tiegħu fl-1987 meta gvern nazzjonalista għall-ewwel darba waqqaf segretarjat parlamentari speċifikament biex jieħu ħsieb il-bżonnijiet ta’ l-anzjani. Minn dak iż-żmien sal-lum saret rivoluzzjoni sħiħa fejn rajna t-twaqqif ta’ diversi strutturi u l-introduzzjoni ta’ servizzi għall-benefiċċju ta’ l-anzjani li għenu biex l-anzjani llum jistgħu jgħixu f’ambjent li jassiguralhom dinjità, kura, wens u sedqa.
Dan il-qasam, l-istess bħas-settur tas-saħħa, jirrikjedi fondi kbar. Bis-servizzi tas-saħħa tajbin li għandna qegħdin ntawlu l-ħajja lill-anzjani tagħna bil-konsegwenza li d-domanda għall-kura tal-mard deġenerattiv qegħda dejjem tikber. Dan qiegħed ukoll iżid il-listi ta’ stennija għall-operazzjonijiet. Wasalna fil-punt li l-istrutturi f’ San Luqa huma mġebbda sal-limitu biex sa fejn hu umanament possibbli jitnaqqsu l-listi ta’ stennija. Qegħdin isiru sforzi kbar biex jiġu moqdija l-akbar numru ta’ pazjenti possibbli għax nemmnu li flimkien ma’ ħajja itwal irridu nagħtu wkoll lill-anzjani tagħna l-opportinità ta’ ħajja aħjar.
Il-Ministru Deguara qal li r-riżorsi tal-gvern m’humiex bla limitu. Il-gvern irid joqgħod attent li ma jidħolx fi proġetti li ma jkunx jiflaħ isostni. Biex dan ma jseħħx, il-gvern għal dawn l-aħħar snin f’dan il-qasam qiegħed idaħħal il-kunċett tal-private pertnership scheme fejn il-gvern ifittex il-kollaborazzjoni tas-settur privat li jkun lest li jaqsam il-piż flimkien mal-gvern. Fil-każ ta’ din ir-residenza u dik taż-Żejtun il-gvern sab il-CareMalta li qed tagħti servizz tajjeb ħafna. Il-Ministru Deguara awgura li din il-koperazzjoni tkompli fil-futur u għandha sservi ta’ eżempju biex aktar imprendituri privati jikkunsidraw li jidħlu sħab mal-gvern biex jipprovdi aktar servizzi lill-anzjani.
L-Onor D’Amato qalet li l-estenzjoni li qegħda tiġi inawgurata llum qed tkompli tgħin biex jiżdiedu n-numru ta’ sodod fil-komunità. Hi qalet li d-domanda qawwija għad-Djar Residenzjali tal-Gvern u għar-Residenza San Vincenz De Paule, hija xhieda tal-kwalità tajba tas-servizzi li qed jiġu offruti f’dawn id-djar.
L-Onor D’Amato kompiet tgħid li l-Gvern huwa mpenjat biex jagħti mportanza qawwija lid-dinjità ta’ l-anzjani. Hija saħqet dwar l-importanza li l-anzjani għandhom jibqgħu attivi fis-soċjeta. Iridu jħarsu lejn il-ġejjieni b’viżjoni pro-attiva.
L-Onor D’Amato qalet li l-Gvern introduċa numru ta’ servizzi, bħal Home Help, il-Meals on Wheels, il-Pensjoni tal-Wens fost oħrajn, li jgħinu biex l-anzjani jibqgħu jgħixu fi djarhom, fl-ambjent li fih trabbew u għexu. Hi qalet li waqt li l-Gvern jirrikonoxxi l-importanza li l-anzjani jibqgħu jgħixu fid-djar residenzjali tagħhom, madanakollu nifhmu wkoll li dan mhux dejjem possibli u hu għalhekk li l-Gvern qiegħed jinvesti fi proġetti bħal dan li qed nawguraw illum. Proġett ieħor hu dak tar-residenza San Vincenz de Paule fejn bħalissa għaddej xogħol fuq il-bini tas-swali 1-2, 3-4 tan-nisa. Dan il-proġett hu parti minn proġett vast ta’ bini mill-ġdid ta’ swali u moderniżżar ta’ oħrajn li issa ilu għaddej għal numru ta’ snin. Proġett ieħor li qegħdin inkomplu naħdmu fuqu hu dak tad-Dar għall-Anzjani tal-Mellieħa.
Meta tkellmet dwar il-public private partnership l-Onor D’Amato qalet li bil-bini tad-Dar Residenzjali għall-Anzjani taż-Żejtun fl-1994 inbeda proċess ta’ sħubija mas-settur privat. Dan il-proċess tkompla bil-bini u l-ftuħ ta’ din id-Dar u jidher illi din is-sħubija qegħda tħalli r-riżultat mixtieq. Permezz ta’ dan, illum għandna żewġt idjar, li flimkien jakkomodaw 292 anzjan, li huma mmexxijja mis-settur privat.
Stqarrijiet Oħra:
PR261943
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR261942en