PROĠETT GĦAL TRIQ LI TGĦAQQAD IX-XATT TAL-GŻIRA MAL-JUNCTION TAL-KAPPARA
Il-parti ta’ Triq ix-Xatt fil-Gżira, li fiha bħalissa qed isiru xogħlijiet ta’ emerġenza biex jissewwa cabletad-dawl, ser tkun inkluża fi proġett biex tinbena triq arterjali li ser tgħaqqad ix-xatt tal-Gżira mal-junction tal-Kappara fuq Triq Reġjonali. Il-kostruzzjoni ta’ din it-triq arterjali hija ta’ importanza kbira minħabba ż-żieda fit-traffiku li mistennija tibda tolqot dawn l-inħawi mat-tlestija ta’ partijiet mill-iżvilupp li qed isir fil-Ponta ta’ Tigne` u Manoel Island.
Parti sostanzjali minn Triq ix-Xatt kienet ingħatat wiċċ ġdid ta’ tarmac f’Mejju bħala parti mir-rideability programme li qed twettaq l-Awtorita Dwar it-Trasport ta’ Malta fuq diversi toroq arterjali. Parti mill-wiċċ tat-triq kellu jinqala` x-xahar li għadda minħabba ħsara li żviluppat fuq cable tad-dawl wara li daħal l-ilma baħar. L-istess ħsara reġgħet żviluppat fuq dan il-cable din il-ġimgħa.
Minkejja li din il-problema tissolva kieku it-triq kellha tinbena mill-ġdid u jinbnew common service ducts fil-ġenb tagħha, din is-soluzzjoni m’hix waħda vijabbli bhalissa fid-dawl tal-proġett tal-Manoel Island – Kappara link.
L-Awtorita dwar it-Trasport ta’ Malta bħalissa qed tagħmel studju biex tevalwa liema huwa l-aħjar mod biex issir din it-triq u minn liema rotta għandha tgħaddi . Fost il-possibilitajiet li qed jiġu studjati hemm ukoll il-possibilita` li din tgħaddi minn taħt l-art.
Malli jintemm dan l-istudju jibda x-xogħol fuq id-disinn tal-proġett li mistenni jitlesta sa’ l-aħħar tas-sena d-dieħla.
Stqarrijiet Oħra:
PR261943
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR261942en