BEJGĦ TA’ SIGAR TAL-FROTT U DWIELI SSUSSIDJAT MINN ST. VINCENT DE PAULE NURSERY
Il-Ministru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent George Pullicino żar il-mixtla f’San Vincenz De Paule waqt il-bejgħ issussidjat ta’ xitel tas-siġar tal-frott, siġar taż-żebbuġ u dwieli lill-bdiewa lokali.
Il-Ministru Pullicino qal li sabiex ġiet stabbilita din il-mixtla kellna għajnuna kbira mill-Istitut Agronomiku tal-Mediterran ta’ Bari, iċ-CIHEAM, li hija għaqda Ewropea li tipprovdi għajnuna fl-iżvilupp ta’ l-agrikoltura lill-pajjiżi Mediterranji. L-għajnuna kienet tikkonsisti f’pariri permezz ta’ esperti, għajnuna għal xiri ta’ makkinarju, u numru ta’ ħaddiema li ntbagħtu l-Italja sabiex jitgħallmu kif titmexxa u jsir xogħol speċjalizzat f’mixtla ta’ dan it-tip. Din is-sena l-mixtla laħqet l-għan tagħha, jiġifieri pproduċiet biżżejjed siġar tal-frott (’il fuq minn 9,000 siġra) sabiex tkun tista’ tlaħhaq ma’ l-ordnijiet tal-bdiewa lokali u għall-ewwel darba ma kellniex bzonn nimpurtaw siġar tal-frott.
L-Onor. Pullicino qal li dan is-suċċess kien dovut primarjament għal materjal tajjeb li qiegħed jiġi prodott, siġar b’saħħithom reżistenti għal mard, jikbru malajr u ta’ varjetajiet bi produzzjoni għolja. Dan il-materjal (rootstock) qiegħed jigi prodott kollu fil-laboratorji tal-Plant Biothecnology Centref’Hal-Lija taħt kundizzjonijiet moderni u ħielsa minn kull mard.
Il-Ministru Pullicino żied jgħid li mis-sena l-oħra bdiet tkun prodotta r-rootstock tad-dwieli u s-siġar taż-żebbuġ. Hu qal li filwaqt illi huwa pjuttost faċli li tkabbar ir-rootstock tad-dwieli, mhux l-istess jista’ jingħad għas-siġar taż-żebbuġ. Dan jirrekjedi sengħa speċjali sabiex tnisslu, tlaqqmu u tkabbru. Fil-fatt il-ħaddiema tal-mixtla diġa’ ntbgħatu f’Bari l-Italja sabiex jitħargu fuq it-tilqim taż-żebbuġ.
George Pullicino qal li r-riżultati li qed ikollna huma nkoraġġanti u nisperaw li fi żmien qasir nibdew nipproduċu lokalment anke siġar taż-żebbuġ ċertifikati ħielsa mill-mard u ta’ varjetajiet produttivi u addattati għal Malta.
Fl-aħħarnett il-Ministru Pullicino ħeġġeġ lill-bdiewa kollha biex jirreġistraw is-siġar kollha taż-żebbuġmad-dipartiment, billi l-bdiewa jmorru l-Għammieri, jew fl-uffiċċju tad-Dipartiment f’Għawdex. Din ir-reġistrazzjoni hija importanti ħafna biex jinżamm registru taż-żebbuġ, li minnu l-bidwi Malti jista’ jingħata għajnuna mill-Unjoni Ewropea għall-produzjoni taż-żebbuġ, u għaż-żejt taż-żebbuġ. Skemi ta’ għajnuna jistgħu ikunu finalizzati ladarba jintemm l-eserċizzju ta’ registrar.
Intant, dawn is-siġar tal-frott imlaqqma bl-aħjar varjetajiet li ġew introdotti mill-Italja qed jinbiegħu bil-prezz issussidjat ta’ Lm1.70 il-waħda u dawk taż-żebbuġ bil-prezz ta’ Lm2.50. Ir-rootstock tad-dwieli u l-frott li wara jitlaqqmu mill-istess bdiewa b’varjetajiet li jkunu jixtiequ huma, jinbiegħu bi prezz ssussidjat ta’ 25 ċentezmu kull waħda.
Stqarrijiet Oħra:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en