IBĦRA U XTAJTIET AKTAR INDAF
Meta ghalaq attivita’ ghal Ibhra iktar Indaf, li saret fil-Bajja ta’ San Gorg, f’San Giljan, il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech qal li l-Gvern kien kommess li jħares l-ibħra ta’ madwarna u x-xtut ta’ pajjiżna. Hu qal li dan qed isir billi jiġi assigurat li l-kwalita’ ta’ l-ilma baħar tkun waħda li tinkwadra fil-Barcelona Convention Interim Criteria (BCIC) u taħt id-Direttiva rilevanti ta’ l-Unjoni Ewropea.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li d-Dipartiment tas-Saħħa Pubbliku b’mod regolari jieħu kampjuni ta’ l-ilma baħar minn 87 sit li fihom jsir l-għawm. Hu qal li dan isir tul perijodu ta’ 23 ġimgħa bejn Mejju u Ottubru. Francis Zammit Dimech qal li d-Dipartiment kull sena jipprepara rapport dwar l-istaġun tal-għawm tas-sena ta’ qabel biex il-pubbliku ikun infurmat dwar il-kwalita’ ta’ l-ilma baħar fil-postijiet fejn jista’ jsir l-għawm.
Il-Ministru qal li minn dawn ir-rapporti joħorġu n-numru ta’ site days fejn il-baħar ma kienx tajjeb għall-għawm. Hu fakkar li dawn is-site days jirrapreżentaw in-numru ta’ siti minn fejn jittieħdu l-kampjuni mmultiplikati bin-numru ta’ ġranet li matulhom l-għawm ma kienx rakkomanat b’mod temporanju. In-numru ta’ site days fejn il-baħar ma kienx tajjeb għall-għawm baqa’ nieżel għal sena waħda wara l-oħra. Hu fakkar li filwaqt li fl-1994 in-numru ta’ jiem li fih siti ma kinux tajbin għal għawm kien ta’ 964, dan niżel għal 497 fl-1995 u baqa’ nieżel għal 56 fl-2001, 11 fl-2002 u 11 fl-2003. Hu qal li dawn kienu riżultati pożittivi li juru l-impenn tal-Gvern li jtejjeb dejjem iżjed il-kwalita’ ta’ l-ibħra madwarna.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li ħidma oħra kienet qed titwettaq biex jinżammu x-xtut indaf. Hu qal li li minn din is-sena t-taqsima tal-beach cleaners fi ħdan il-Ministeru tieghu kienet qed tnaddaf ix-xtut anke fix-xitwa u qed twettaq ukoll xogħlijiet żgħar ta’ manutenzjoni. Hu qal li tqiegħdu wkoll tul ix-xtut mijiet ta’ reċipjenti ġodda għall-ġbir ta’ l-iskart li kienu manifatturati mill-ħaddiema ta’ l-istess taqsima. Id-dehra tax-xtut f’dawn l-aħħar xhur kienet waħda aħjar u dwar dan kellu diversi kummenti favorevoli.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li l-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu kienet ukoll qed tieħu inizjattivi biex ittejjeb ix-xtut f’pajjiżna. Hu qal li l-kwalita’ tal-bajja ta’ San Ġorġ tjiebet sew permezz tal-kisi tar-ramla b’7,000 tunnellata ta’ ramel li kien impurtat mill-Ġordan kif ukoll permezz ta’ sistema ta’ immanniġġjar tal-bajja li tinkludi superviżjoni 24 siegħa kuljum. Il-kriterji li qed jintużaw għall-immaniġġjar tal-bajja huma dawk ibbażati fuq il-ħtiġiet tal-‘blue flag’.
Il-Ministru qal li d-dehra ġdida li ngħatat din il-bajja għandha tkun il-kejl li rridu nużaw fl-immaniġġjar ta’ bajjiet oħra f’Malta. Anke f’dan il-każ il-kummenti li kellu kienu pożittivi għaliex għall-ewwel darba – permezz tad-Direttorat għall-Ippjanar tal-Prodott u l-Iżvilupp – kellna bajja immaniġjata fuq livelli li rridu li jkunu kkupjati fil-bajjiet kollha ta’ pajjiżna.
Francis Zammit Dimech qal li kien ta’ pjaċir iħabbar li l-Pollution Control Co-ordinating Unit – it-taqsima biex tiġġieled it-tniġġiż fl-ibħra Maltin – kienet reġgħet ġiet taħt il-Ministeru tiegħu. Hu qal li din it-taqsima – li torganizza wkoll il-kampanji biex jitnaddfu l-bajjiet minn dak li jintefa’ fihom minnnies irresponsabbli – kienet responsabbli biex tnaddaf żjut li jintefgħu fil-baħar u biex tnaddaf skart li jidħol f’wiċċ il-bajjiet. Hu qal li mingħajr il-ħidma ta’ din it-taqsima, wiċċ l-ibħra ma kienx ikun nadif u ma kienx ikun possibbli li ngħumu f’baħar ikħal u mingħajr tniġġiż.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura appella lil kulħadd biex meta jmur jgħum ma jitfax skart fil-baħar. Hu qal li barra milli dan jista’ jkun ta’ periklu għall-għawwiema jagħmel ukoll ħsara lill-ħajja marittima. Hu qal li l-baħar jeħtieġ li nżommuh nadif daqskemm inżommu djarna nodfa. Francis Zammit Dimech irringrazzja li dawk kollha li jagħtu sehemhom biex dawn il-kampanji għal ibħra aktar indaf jirnexxu.
Other Press Releases:
PR261943
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR261942en