IL-PARLAMENT JAPPROVA L-LIGI DWAR L-EKO-KONTRIBUZZJONI
Il-Parlament il-bierah approva l-abbozz ta’ liġi dwar l-eko-kontribuzzjoni. Ġie approvat tnaqqis tar-rati ta’ eko-kontribuzzjoni fuq il-batteriji, fridges u fliexken u containers oħra vojta.
Ir-rata għall-batteries tnaqqset minn 10ċ għal 2ċ5m għal kull batterija; ir-rata ta’ refridgerators u freezers ta’ daqs normali tnaqqset minn Lm12 għal Lm10 filwaqt li żdiedet ir-rata għal dawk kbar minn Lm12 għal Lm30. Ir-rata għall-fliexken u containers oħra vojta tnaqqset minn 2ċ għal 1ċ.
It-tibdil fir-rati sar wara konsiderazzjonijiet li ġew preżentati anke mill-korpi kostitwiti. Il-prinċipju ta’ l-eko-kontribuzzjoni mhuwiex marbut ma’ jekk il-prodott, waqt li qed jintuża, jagħmilx ħsara lill-ambjent jew le. Il-prinċipju ta’ l-eko-kontribuzzjoni huwa li tkun tista’ tiġi rkuprata l-ispiża ta’ l-immaniġġjar ta’ dan il-prodott meta jsir skart. Id-dħul mill-eko-kontribuzzjoni mhuwiex se jiffinanzja l-ispiża kollha ta’ l-immaniġġjar ta’ l-iskart.
Il-liġi kif approvata mill-Parlament neħħiet il-possibilta’ ta’ priġunerija għal min jagħmel reat. Il-Parlament iżda approva li l-multa għal reat tista’ tkun mhux iktar minn Lm10,000 minflok Lm5,000 kif kienet il-proposta oriġinali.
L-abbozz ta’ liġi kien qed jipproponi li, meta wieħed jeħel penali amministrattiva u jappella minn din il-penali, irid ikun hemm ħlas ta’ 5% ta’ din il-penali. Il-Parlament approva li titneħħa din il-kundizzjoni.
Il-liġi tagħmilha ċara li l-produtturi lokali jew l-importaturi jistgħu jippreżentaw skema li biha jiġbru lura l-iskart iġġenerat mill-prodotti li jpoġġu fuq is-suq. Jekk isir dan, allura dawk il-prodotti jkollhom eżenzjoni totali jew parzjali, skond l-iskema proposta, mill-ħlas ta’ l-eko-kontribuzzjoni. Dan ifisser li l-eko-kontribuzzjoni ma’ tkunx imposta fuq dawn il-prodotti minħabba li l-Gvern tkun tnaqqsitlu l-ispiża biex jimmaniġġa l-iskart ta’ dawn il-prodotti.
Il-Gvern iddikkjara li lest li jgħaddi 5 fil-mija tad-dħul mill-eko-kontribuzzjoni biex jgħin fit-twaqqif ta’ skemi ta’ rkupru ta’ l-iskart.
Other Press Releases:
PR261943
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR261942en