IS-SISTEMA PREZENTI TA’ ĦRUĠ TA’ LIĊENZJI TWASSAL BIEX TITNAQQAS IL-BUROKRAZIJA GĦAN-NEGOZJANTI
F’konferenza ta’ l-aħbarijiet mogħtija mill-Ministru tal-Kompetittivita’ u l-Komunikazzjoni, Ċensu Galea flimkien mas-Segretarju Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed, Edwin Vassallo, ingħatat informazzjoni dwar in-numru ta’ liċenzji ta’ negozju li nħargu tul dawn l-aħħar sentejn.
L-Onor. Vassallo beda biex ta l-informazzjoni ta’ kif “bejn Mejju 2002 u April 2004, it-Trade Licensing Unit approva 2,531 talba għal permessi tan-negozju. Dawn il-liċenzji kienu għal skopijiet differenti. Fil-fatt id-Dipartiment ħareġ 890 liċenzja għal negozju ġdid li jvarjaw minn ħanut għall-bejgħ bl-ingrossa sa post għall-manifattura industrjali jew artiġjanali.
Ma’ din it-talba għal-liċenzji tan-negozji ġodda kien hemm l-approvazjoni ta’ 47 talba għall-bidla tan-negozju. Dawn kellhom bżonn ta’ applikazzjoni għall-permess mingħand il-MEPA.
108 liċenzji nħarġu għal dawk li kellhom jgħaddu minn bidla tal-ġeneru tan-negozju mingħajr ma jmorru għand il-MEPA.
Dan id-Dipartiment approva 450 talba ghall-bidla tal-generu tan-negozju, kif ukoll 35 talba għall-bidla tal-liċenzja tan-negozju permezz ta’ wirt.
Dan ifisser li filwaqt li f’dan il-perjodu ta’ kważi sentejn kellna 890 negozju ġdid fil-qasam tal-bejgħ bl-immnut, ingrossa, manifattura u servizzi mhux finanzjarji jew professjonali nistgħu ngħidu wkoll li b’kollox f’dawn is-sentejn kellna wkoll 1,530 negozju li fihom rajna inizjattiva kummerċjali ġdida sseħħ. Dan għaliex kellna 640 negozju li fih seħħet bidla jew ta’ sid jew tal-ġeneru tan-negozju f’siti kummerċjali li diġa’ kellhom liċenzja ta’negozju.
Hawn ta’ min ifakkar li qabel ma saret il-bidla fis-sistema tal-ħruġ tal-liċenzji tan-negozju, meta din is-sistema kien għadha f’idejn il-Pulizija, it-talba għall-permess ta’ kull bidla fil-liċenzja tan-negozju, kemm jekk fil-ġeneru, kemm jekk f’sid, kienet kważi dejjem titqies bħala applikazzjoni ġdida u kważi dejjem kellha tghaddi ghand il-MEPA. Permezz ta’ dan il-proċess, li issa ilu jaħdem sentejn, dawk l-applikazzjonijiet għall-bidla tal-ġeneru tan-negozju li kellhom imorru għand il-MEPA kienu biss 47.
Dan ifisser li dan il-proċess għen biex 558-il applikazzjoni għall-bidla ta’ sid jew ġeneru tan-negozju, kif ukoll dawk il-35 li wirtu n-negozju, ma kellhomx għalfejn imorru għand il-MEPA u ma kellhomx għalfejn jgħaddu minn kumplikazzjonijiet oħra biex jieħdu l-liċenzja tan-negzoju li talbu.
F’dan il-perjodu taż-żmien, kellna wkoll l-approvazzjoni ta’ 273 talba għall-kanċellazzjoni tal-liċenzji tan-negozju. Hawn tajjeb li wieħed jinnota li ħafna minn dawk li talbu l-kanċellazzjoni ta’ liċenzja mhux bilfors għalqu n-negozju tagħhom iżda setgħu kienu mitluba li jikkanċellaw il-liċenzja għaliex kien hemm xi bidla fis-sid tan-negozju u oħrajn kellhom jitolbu l-approvazzjoni tal-kanċellazzjoni tal-liċenzja biex ikunu jistgħu jieħdu l-pensjoni. Ovvjament kellna wkoll xi negozji li għalqu. Iżda f’dan il-qasam ir-rate of failure m’hijiex waħda li tista’ tiġi nnotata u dan għaliex filwaqt li s-sid jista’ jinbidel, in-negozju bħala sit (ħanut, fabbrika, eċċ) jerġa’ jinfetaħ minn ħaddieħor.
F’dan il-perjodu taż-żmien, kellna 219-il permess approvat għal street hawkers u 309 liċenzja approvata għall-bejjiegħa fis-swieq.
F’dan il-perjodu kellna wkoll l-approvazzjoni ta’ 38 talba għall-permess tal-late night shopping, 12-il permess maħruġ biex grocers jibqgħu miftuħa nhar ta’ Ħadd, 28 permess mogħti għal Car Boot Sales, 34 permess għall-fieri kummerċjali, u 43 permess għal talba ta' estensjoni ta’ ħin tal-bars li talbu biex jibqgħu miftuħa sa’ l-4.00.am.
Ma’ dawn kien hemm 45 negozju li kellhom liċenzja li nħarġet mill-Pulizija li talbu li jaqilbu l-permess tagħhom għall-liċenzja maħruġa taħt is-sistema l-ġdida.
Meta wieħed iħares lejn din l-istatistika faċilment jasal għall-konklużjoni li minn Mejju 2002 sa April 2004, it-tnaqqis fil-burokrazija li kellna fil-ħruġ tal-liċenzji tan-negozju wassal biex ikollna mal-2,058 negozu ġdid maħluq. Dawn jikludu negozji ġodda, negozji ġodda fi ħwienet li qabel diġa’ kellhom liċenzja, negozji ġodda għall-bejjiegħa fit-toroq u bejjiegħa fis-swieq. 2,058 negozju ġdid faċilment ifisser ukoll mal-2,058 impjieg ġdid (start-ups) f’dawn l-aħħar sentejn fl-oqsma tal-bejgħ bl-immnut, bl-ingrossa, fl-artiġjanat, fil-manifattura u f’servizzi oħra mhux finanzjarji jew professjonali.”
F’din il-konferenza ta’ l-aħbarijiet, is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo kien qiegħed iniedi wkoll proċess ta’ konsultazzjoni maħsub biex jitlob lil dawk kollha li huma milquta mill-proċess tal-ħruġ tal-liċenzji tan-negozji li jagħtu proposti għal emendi fil-liġi li tirregola dan il-proċess. “Dan sabiex inkomplu naċċertaw li din il-leġislazzjoni, minkejja li ilha biss fis-seħħ għal dawn l-aħħar sentejn, tibqa’ liġi effiċjenti, mill-inqas burokratika u tirrifletti l-ħtiġijiet ta’ min qiegħed fin-negozju llum.” temm jgħid is-Segretarju Parlamentari Vassallo.
Il-Ministru Censu Galea irrimarka li l-kompetittivita’ ta’ pajjiżna tissaħħaħ daqs kemm bħala pajjiż inkunu kapaċi nżiedu l-attivita’ kummerċjali. Din l-attivita’ tiżdied daqs kemm jiżdiedu il-persuni fis-settur kummerċjali. “Il-Gvern huwa mpenjat li jara li jissimplifika l-proċeduri kollha li jwasslu biex ikun hawn aktar negozji ġodda (start-ups). Hekk ukoll, il-Gvern huwa daqshekk aktar impenjat li jara li kull negozju jkun sostenibbli kemm għal min investa fih kif ukoll biex jiżdied il-valur miżjud (value added) li jgħin fil-ħolqien tal-ġid li bħala pajjiż inkunu kapaċi noħolqu.” |
Stqarrijiet Oħra:
PR261943
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR261942en