Left arrow Go Back

IS-SISTEMA PREZENTI TA’ ĦRUĠ TA’ LIĊENZJI TWASSAL BIEX TITNAQQAS IL-BUROKRAZIJA GĦAN-NEGOZJANTI

PR1229
Date Icon 28/07/2004

F’konferenza ta’ l-aħbarijiet mogħtija mill-Ministru tal-Kompetittivita’ u l-Komunikazzjoni, Ċensu Galea flimkien mas-Segretarju Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed, Edwin Vassallo, ingħatat informazzjoni dwar in-numru ta’ liċenzji ta’ negozju li nħargu tul dawn l-aħħar sentejn.

L-Onor. Vassallo beda biex ta l-informazzjoni ta’ kif “bejn Mejju 2002 u April 2004, it-Trade Licensing Unit approva 2,531 talba għal permessi tan-negozju.  Dawn il-liċenzji kienu għal skopijiet differenti.  Fil-fatt id-Dipartiment ħareġ 890 liċenzja għal negozju ġdid li jvarjaw minn ħanut għall-bejgħ bl-ingrossa sa post għall-manifattura industrjali jew artiġjanali.  

Ma’ din it-talba għal-liċenzji tan-negozji ġodda kien hemm l-approvazjoni ta’ 47 talba għall-bidla tan-negozju.  Dawn kellhom bżonn ta’ applikazzjoni għall-permess mingħand il-MEPA. 

108 liċenzji nħarġu għal dawk li kellhom jgħaddu minn bidla tal-ġeneru tan-negozju mingħajr ma jmorru għand il-MEPA.  

Dan id-Dipartiment approva 450 talba ghall-bidla tal-generu tan-negozju, kif ukoll 35 talba għall-bidla tal-liċenzja tan-negozju permezz ta’ wirt.  

Dan ifisser li filwaqt li f’dan il-perjodu ta’ kważi sentejn kellna 890 negozju ġdid fil-qasam tal-bejgħ bl-immnut, ingrossa, manifattura u servizzi mhux finanzjarji jew professjonali nistgħu ngħidu wkoll li b’kollox f’dawn is-sentejn kellna wkoll 1,530 negozju li fihom rajna inizjattiva kummerċjali ġdida sseħħ.  Dan għaliex kellna 640 negozju li fih seħħet bidla jew ta’ sid jew tal-ġeneru tan-negozju f’siti kummerċjali li diġa’ kellhom liċenzja ta’negozju.   

Hawn ta’ min ifakkar li qabel ma saret il-bidla fis-sistema tal-ħruġ tal-liċenzji tan-negozju, meta din is-sistema kien għadha f’idejn il-Pulizija, it-talba għall-permess ta’ kull bidla fil-liċenzja tan-negozju, kemm jekk fil-ġeneru, kemm jekk f’sid, kienet kważi dejjem titqies bħala applikazzjoni ġdida u kważi dejjem kellha tghaddi ghand il-MEPA.  Permezz ta’ dan il-proċess, li issa ilu jaħdem sentejn, dawk l-applikazzjonijiet għall-bidla tal-ġeneru tan-negozju li kellhom imorru għand il-MEPA kienu biss 47.  

Dan ifisser li dan il-proċess għen biex 558-il applikazzjoni għall-bidla ta’ sid jew ġeneru tan-negozju, kif ukoll dawk il-35 li wirtu n-negozju, ma kellhomx għalfejn imorru għand il-MEPA u ma kellhomx għalfejn jgħaddu minn kumplikazzjonijiet oħra biex jieħdu l-liċenzja tan-negzoju li talbu.  

F’dan il-perjodu taż-żmien, kellna wkoll l-approvazzjoni ta’ 273 talba għall-kanċellazzjoni tal-liċenzji tan-negozju.  Hawn tajjeb li wieħed jinnota li ħafna minn dawk li talbu l-kanċellazzjoni ta’ liċenzja mhux bilfors għalqu n-negozju tagħhom iżda setgħu kienu mitluba li jikkanċellaw il-liċenzja għaliex kien hemm xi bidla fis-sid tan-negozju u oħrajn kellhom jitolbu l-approvazzjoni tal-kanċellazzjoni tal-liċenzja biex ikunu jistgħu jieħdu l-pensjoni.  Ovvjament kellna wkoll xi negozji li għalqu.  Iżda f’dan il-qasam ir-rate of failure m’hijiex waħda li tista’ tiġi nnotata u dan għaliex filwaqt li s-sid jista’ jinbidel, in-negozju bħala sit (ħanut, fabbrika, eċċ) jerġa’ jinfetaħ minn ħaddieħor.  

F’dan il-perjodu taż-żmien, kellna 219-il permess approvat għal street hawkers u 309 liċenzja approvata għall-bejjiegħa fis-swieq.

F’dan il-perjodu kellna wkoll l-approvazzjoni ta’ 38 talba għall-permess tal-late night shopping, 12-il permess maħruġ biex grocers jibqgħu miftuħa nhar ta’ Ħadd, 28 permess mogħti għal Car Boot Sales, 34 permess għall-fieri kummerċjali, u 43 permess għal talba ta' estensjoni ta’ ħin tal-bars li talbu biex jibqgħu miftuħa sa’ l-4.00.am.  

Ma’ dawn kien hemm 45 negozju li kellhom liċenzja li nħarġet mill-Pulizija li talbu li jaqilbu l-permess tagħhom għall-liċenzja maħruġa taħt is-sistema l-ġdida.  

Meta wieħed iħares lejn din l-istatistika faċilment jasal għall-konklużjoni li minn Mejju 2002 sa April 2004, it-tnaqqis fil-burokrazija li kellna fil-ħruġ tal-liċenzji tan-negozju wassal biex ikollna mal-2,058 negozu ġdid maħluq.  Dawn jikludu negozji ġodda, negozji ġodda fi ħwienet li qabel diġa’ kellhom liċenzja, negozji ġodda għall-bejjiegħa fit-toroq u bejjiegħa fis-swieq.  2,058 negozju ġdid faċilment ifisser ukoll mal-2,058 impjieg ġdid (start-ups) f’dawn l-aħħar sentejn fl-oqsma tal-bejgħ bl-immnut, bl-ingrossa, fl-artiġjanat, fil-manifattura u f’servizzi oħra mhux finanzjarji jew professjonali.”  

F’din il-konferenza ta’ l-aħbarijiet, is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo kien qiegħed iniedi wkoll proċess ta’ konsultazzjoni maħsub biex jitlob lil dawk kollha li huma milquta mill-proċess tal-ħruġ tal-liċenzji tan-negozji li jagħtu proposti għal emendi fil-liġi li tirregola dan il-proċess.  “Dan sabiex inkomplu naċċertaw li din il-leġislazzjoni, minkejja li ilha biss fis-seħħ għal dawn l-aħħar sentejn, tibqa’ liġi effiċjenti, mill-inqas burokratika u tirrifletti l-ħtiġijiet ta’ min qiegħed fin-negozju llum.”  temm jgħid is-Segretarju Parlamentari Vassallo.  

Il-Ministru Censu Galea irrimarka li l-kompetittivita’ ta’ pajjiżna tissaħħaħ daqs kemm bħala pajjiż inkunu kapaċi nżiedu l-attivita’ kummerċjali.  Din l-attivita’ tiżdied daqs kemm jiżdiedu il-persuni fis-settur kummerċjali.  “Il-Gvern huwa mpenjat li jara li jissimplifika l-proċeduri kollha li jwasslu biex ikun hawn aktar negozji ġodda (start-ups).  Hekk ukoll, il-Gvern huwa daqshekk aktar impenjat li jara li kull negozju jkun sostenibbli kemm għal min investa fih kif ukoll biex jiżdied il-valur miżjud (value added) li jgħin fil-ħolqien tal-ġid li bħala pajjiż inkunu kapaċi noħolqu.”  |

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Id-Dipartiment tar-Radjoloġija f’San Vinċenz mistenni jaqbeż l-20,000 eżami fl-2026

PR261943

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  The Speaker of the House of Representatives highlights Malta’s climate vulnerabilities and the role of parliaments at the IPU Parliamentary Meeting on COP31 in Türkiye

PR261942en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...

More Press Releases Right arrow