KONSULTAZZJONI DWAR L-IŻVILUPP U L-KURA TAT-TFAL T’ETA’ BIKRIJA
Il-Ministri Louis Galea u Dolores Cristina niedew proċess ta’ Konsultazzjoni Nazzjonali dwar is-servizzi ta’ kura li jingħataw lit-tfal iż-żgħar. Waqt Konferenza Stampa, il-Ministri pprezentaw dokument li jipproponi r-regolamenti u l-istandards li għandhom x’jaqsmu mal-provvediment ta’ servizzi ta’ kura tat-tfal mit-twelid sa l-eta’ ta’ tlett snin.
Il-Ministru Galea qal li r-riċerka turi li l-ewwel snin tat-tfal huma kruċjali fl-iżvilupp edukattiv u soċjali tagħhom u li l-kwalita’ tas-servizzi ta’ kura li jiġu offruti għandhom impatt dirett fuq il-progress tat-tfal tul l-edukazzjoni, fuq il-ħiliet tal-ħajja li jiksbu, u fuq l-opportunitajiet li jkollhom aktar tard fil-ħajja adulta. Louis Galea sostna li r-riċerka turi wkoll li minħabba l-bidliet li qed iseħħu fis-suq tax-xogħol u s-sehem tal-mara fid-dinja tax-xogħolżdiedet il-ħtieġa ta’ servizz ta’ kwalita’ ghal kura tat-tfal. Dan hu evidenti wkoll mill-ammont ta’ tfal li jattendu l-kindergarten (98% tat-tfal fl-eta’ tal-kindergarten jattendu f’dawn il-faċilitajiet).
Id-dokument ta’ konsultazzjoni ġie mfassal mill-‘Kumitat Tekniku dwar il-Kura ta’ Matul il-Ġurnata’ Għat-Tfal’ (‘Technical Committee on Child Day Care’ - TCCDC) li kien twaqqaf minn Dr. LawrenceGonzi meta kien Ministru għall-Politika Soċjali. “Il-kumitat kellu jwettaq studju dwar is-servizzi ta’ kura għat-tfal f’pajjiżna u mbagħad jipproponi regolamenti u standards nazzjonali li jinkoraġġixxu u jippromwovu l-provvista ta’ servizz mill-aqwa ta’ kura għat-tfal” qalet il-Ministru Cristina. “L-edukazzjoni bikrija tindika li t-tfal ikollhom opportunita’ aħjar għal milja personali fil-ħajja adulta”, kompliet tgħid il-Ministru.
Id-Dokument ta’ Konsultazzjoni hu maqsum fi tlett partijiet. L-ewwel taqsima tagħti titwila lejn dak li diġa’ jeżisti f’dan il-qasam, tagħrif dwar x’wassal għad-dokument u x’inhi d-direzzjoni għall-futur, f’dak li għandu x’jaqsam mas-servizzi li hemm bżonn u dwar il-proċess ta’ konsultazzjoni li jrid isir. Fl-ewwel taqsima jinstabu wkoll il-prinċipji, l-istandards u r-regolamenti li hemm bżonn biex ikun hawn servizz ta’ kura għat-tfal ta’ l-għola kwalita’. Fit-tieni taqsima d-dokument jiffoka fuq is-servizz li jingħata minn ċentri tal-kura tat-tfal. Din it-taqsima tgħid x’għandu jinvolvi s-servizz u x’aspetti għandhom ikunu regolati. L-aħħar taqsima tiffoka fuq s-servizzi ta’ kura li ma jingħatawx f’ċentri iżda mid-dar ta’ min ikun qed jieħu ħsieb it-tfal.
Meta jitkellem dwar is-servizzi ta’ kura tat-tfal kemm jekk minn ċentri kif ukoll jekk mid-djar, id-dokument jitratta oqsma bħal: kwalifiki ta’ l-istaff u jekk dawn humiex addattati biex jaħdmu fil-kura tat-tfal, l-ambjent fiżiku fejn jingħata s-servizz inkluż il-bini u l-apparat li jintuża, s-saħħa u s-sigurta’, programm ta’ attivitajiet li jippromwovi l-kura u t-tagħlim, ir-relazzjoni bejn l-istaff u l-ġenituri, u l-policies u proċeduri li għandhom jiġu addottati minn kull min qed joffri s-servizz.
Il-Ministru Cristina qalet li fil-ġimgħat li ġejjin se jseħħ il-proċess ta’ konsultazzjoni li se jsir fuq tlett livelli, bl-iskop li kull min hu involut f’dan il-qasam ikun jista’ jagħti l-kummenti u s-suġġerimenti tiegħu. Dan il-kumitat (it-TCCDC) se jkun qed jiltaqa’ b’mod individwali ma’ l-entitajiet li għandhom interess dirett fl-edukazzjoni u l-kura tat-tfal, filwaqt li se jsiru laqgħat għal gruppi magħmula minn dawk li jipprovdu s-servizz, ġenituri u oħrajn. Il-pubbliku jista’ wkoll iwassal il-kummenti tiegħu jew:
| Bil-posta: | Child Care Consultation Process Ministry for the Family and Social Solidarity Palazzo Ferreria, Republic Str., Valletta CMR 02 |
| Bit-Telefon: | 2590 3133, 2590 3132 |
| Bil-Fax: | 2590 3135 |
Bl-e-mail: childcare@gov.mt
Id-Dokument ta’ Konsultazzjoni jista’ jinkiseb minn fuq is-siti ta’ l-Internet taż-żewġ Ministeri:
Il-Ministru Cristina spjegat ukoll li dan il-proċess se jkun segwit mit-twaqqif ta’ proċeduri għal-liċenzji u għal regolamentazzjoni tas-settur għal dawk kollha li fil-prezent joffru servizz ta’ kura għat-tfal, kif ukoll dawk li jixtiequ joffru dan is-servizz fil-futur. Kull min joffri servizz ta’ kura, anke dawk li joffru dan is-servizz mid-dar tagħhom, għandu jikkuntattja lil dan il-kumitat (t-TCCDC) biex jingħata gwida ta’ kif jista’ jtejjeb l-faċilitajiet tiegħu/tagħha biex fil-futur jintlaħqu l-istandards u jitħarsu r-regolamenti li se jkun hemm. Hu mistenni li l-proċess kollu ta’ konsultazzjoni jintemm sa l-aħħar ta’ Settembru li ġej.
Iz-zewg Ministri enfasizzaw il-bżonn li jinkisbu standards għoljin fl-iżvilupp u l-kura tat-tfal t’eta’ bikrija. Huma qalu li dan hu investiment fil-poplu Malti u fil-pajjiż b’mod ġenerali. Huma ħeġġew lil dawk kollha interessati biex jagħtu r-rejazzjonijiet u s-suġġerimenti tagħhom.
Stqarrijiet Oħra:
PR261943
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR261942en