Left arrow Go Back

KONSULTAZZJONI DWAR L-IŻVILUPP U L-KURA TAT-TFAL T’ETA’ BIKRIJA

PR1228
Date Icon 27/07/2004

Il-Ministri Louis Galea u Dolores Cristina niedew proċess ta’ Konsultazzjoni Nazzjonali dwar is-servizzi ta’ kura li jingħataw lit-tfal iż-żgħar.  Waqt Konferenza Stampa, il-Ministri pprezentaw dokument li jipproponi r-regolamenti u l-istandards li għandhom x’jaqsmu mal-provvediment ta’ servizzi ta’ kura tat-tfal mit-twelid sa l-eta’ ta’ tlett snin.

Il-Ministru Galea qal li r-riċerka turi li l-ewwel snin tat-tfal huma kruċjali fl-iżvilupp edukattiv u soċjali tagħhom u li l-kwalita’ tas-servizzi ta’ kura li jiġu offruti għandhom impatt dirett fuq il-progress tat-tfal tul l-edukazzjoni, fuq il-ħiliet tal-ħajja li jiksbu, u fuq l-opportunitajiet li jkollhom aktar tard fil-ħajja adulta.  Louis Galea sostna li r-riċerka turi wkoll li minħabba l-bidliet li qed iseħħu fis-suq tax-xogħol u s-sehem tal-mara fid-dinja tax-xogħolżdiedet il-ħtieġa ta’ servizz ta’ kwalita’ ghal kura tat-tfal. Dan hu evidenti wkoll mill-ammont ta’ tfal li jattendu l-kindergarten (98% tat-tfal fl-eta’ tal-kindergarten jattendu f’dawn il-faċilitajiet).

Id-dokument ta’ konsultazzjoni ġie mfassal mill-‘Kumitat Tekniku dwar il-Kura ta’ Matul il-Ġurnata’ Għat-Tfal’ (‘Technical Committee on Child Day Care’ - TCCDC) li kien twaqqaf minn Dr. LawrenceGonzi meta kien Ministru għall-Politika Soċjali.  “Il-kumitat kellu jwettaq studju dwar is-servizzi ta’ kura għat-tfal f’pajjiżna u mbagħad jipproponi regolamenti u standards nazzjonali li jinkoraġġixxu u jippromwovu l-provvista ta’ servizz mill-aqwa ta’ kura għat-tfal” qalet il-Ministru Cristina. “L-edukazzjoni bikrija tindika li t-tfal ikollhom opportunita’ aħjar għal milja personali fil-ħajja adulta”, kompliet tgħid il-Ministru.

Id-Dokument ta’ Konsultazzjoni hu maqsum fi tlett partijiet. L-ewwel taqsima tagħti titwila lejn dak li diġa’ jeżisti f’dan il-qasam, tagħrif dwar x’wassal għad-dokument u x’inhi d-direzzjoni għall-futur, f’dak li għandu x’jaqsam mas-servizzi li hemm bżonn u dwar il-proċess ta’ konsultazzjoni li jrid isir.  Fl-ewwel taqsima jinstabu wkoll il-prinċipji, l-istandards u r-regolamenti li hemm bżonn biex ikun hawn servizz ta’ kura għat-tfal ta’ l-għola kwalita’. Fit-tieni taqsima d-dokument jiffoka fuq is-servizz li jingħata minn ċentri tal-kura tat-tfal.  Din it-taqsima tgħid x’għandu jinvolvi s-servizz u x’aspetti għandhom ikunu regolati.  L-aħħar taqsima tiffoka fuq s-servizzi ta’ kura li ma jingħatawx f’ċentri iżda mid-dar ta’ min ikun qed jieħu ħsieb it-tfal. 

Meta jitkellem dwar is-servizzi ta’ kura tat-tfal kemm jekk minn ċentri kif ukoll jekk mid-djar, id-dokument jitratta oqsma bħal: kwalifiki ta’ l-istaff u jekk dawn humiex addattati biex jaħdmu fil-kura tat-tfal, l-ambjent fiżiku fejn jingħata s-servizz inkluż il-bini u l-apparat li jintuża, s-saħħa u s-sigurta’, programm ta’ attivitajiet li jippromwovi l-kura u t-tagħlim, ir-relazzjoni bejn l-istaff u l-ġenituri, u l-policies u proċeduri li għandhom jiġu addottati minn kull min qed joffri s-servizz.

Il-Ministru Cristina qalet li fil-ġimgħat li ġejjin se jseħħ il-proċess ta’ konsultazzjoni li se jsir fuq tlett livelli, bl-iskop li kull min hu involut f’dan il-qasam ikun jista’ jagħti l-kummenti u s-suġġerimenti tiegħu.  Dan il-kumitat (it-TCCDC) se jkun qed jiltaqa’ b’mod individwali ma’ l-entitajiet li għandhom interess dirett fl-edukazzjoni u l-kura tat-tfal, filwaqt li se jsiru laqgħat għal gruppi magħmula minn dawk li jipprovdu s-servizz, ġenituri u oħrajn.  Il-pubbliku jista’ wkoll iwassal il-kummenti tiegħu jew:

Bil-posta:Child Care Consultation Process Ministry for the Family and Social Solidarity Palazzo Ferreria, Republic Str., Valletta   CMR 02
Bit-Telefon:2590 3133, 2590 3132
Bil-Fax:2590 3135

Bl-e-mail:                  childcare@gov.mt

Id-Dokument ta’ Konsultazzjoni jista’ jinkiseb minn fuq is-siti ta’ l-Internet taż-żewġ Ministeri:

www.education.gov.mt

www.welfare.gov.mt

Il-Ministru Cristina spjegat ukoll li dan il-proċess se jkun segwit mit-twaqqif ta’ proċeduri għal-liċenzji u għal regolamentazzjoni tas-settur għal dawk kollha li fil-prezent joffru servizz ta’ kura għat-tfal, kif ukoll dawk li jixtiequ joffru dan is-servizz fil-futur.  Kull min joffri servizz ta’ kura, anke dawk li joffru dan is-servizz mid-dar tagħhom, għandu jikkuntattja lil dan il-kumitat (t-TCCDC) biex jingħata gwida ta’ kif jista’ jtejjeb l-faċilitajiet tiegħu/tagħha biex fil-futur jintlaħqu l-istandards u jitħarsu r-regolamenti li se jkun hemm.   Hu mistenni li l-proċess kollu ta’ konsultazzjoni jintemm sa l-aħħar ta’ Settembru li ġej.

Iz-zewg Ministri enfasizzaw il-bżonn li jinkisbu standards għoljin fl-iżvilupp u l-kura tat-tfal t’eta’ bikrija. Huma qalu li dan hu investiment fil-poplu Malti u fil-pajjiż b’mod ġenerali. Huma ħeġġew lil dawk kollha interessati biex jagħtu r-rejazzjonijiet u s-suġġerimenti tagħhom.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Id-Dipartiment tar-Radjoloġija f’San Vinċenz mistenni jaqbeż l-20,000 eżami fl-2026

PR261943

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  The Speaker of the House of Representatives highlights Malta’s climate vulnerabilities and the role of parliaments at the IPU Parliamentary Meeting on COP31 in Türkiye

PR261942en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...

More Press Releases Right arrow