SENA EĊĊEZZJONALI GĦALL-ATTIVITAJIET KULTURALI
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech qal li din is-sena kienet waħda eċċezzjonali għall-attivitajiet kulturali. Hu qal dan waqt li kien qed iniedi d-Drama Festival li ser isir fic-Centru tal-Kreattivita’ fil-Kavallier ta’ San Gakbu. Kompla jghid li mhux biss kellna sensiela twila ta’ attivitajiet li ttellgħu bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet għas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea iżda tul dan is-Sajf qed nipparteċipaw għal sensiela twila ta’ attivitajiet kulturali li qatt ma ttellgħu bħalhom qabel.
Francis Zammit Dimech qal li l-attivitajiet kulturali li ttellgħu tul iċ-ċelebrazzjonijiet għas-sħubija ta’ Malta fl-UE urew kemm pajjiżna, minkejja ċ-ċokon tiegħu, hu sinjur fit-talent u fil-wirt kulturali. Hu qal li l-attivitajiet kienu jinkludu kompożizzjonijiet minn artisti lokali, kunċerti minn talent lokali ta’ fama internazzjonali, kunċerti korali u orkestrali, kunċerti vokali u strumentali, recitals, festivals, wirjiet ta’ xogħlijiet minn artisti Maltin u re-enactments ta’ episodji mill-istorja millenarja ta’ pajjiżna. Hu qal li barra mit-talent Malti tul dawk iċ-ċelebrazzjonijiet, stajna napprezzaw talent barrani l-aktar fil-Villaġġ Ewropew u anke permezz ta’ wirjiet u recitals. Francis Zammit Dimech fakkar fil-wirja ‘La Mostra Impossibile’ fejn ittellgħu x-xogħlijiet kollha ta’ Caravaggio.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li bħala ministru responsabbli mit-turiżmu kien jemmen bis-sħiħ li pajjiżna għandu jgħaddi minn destinazzjoni għal esperjenza turistika. Hu qal li dan kien ifisser li ridna nagħmlu aktar użu, u anke użu aħjar mill-wirt storiku u kulturali ta’ pajjiżna, filwaqt li kien jirrikjedi wkoll li norganizzaw attivitajiet kulturali li jħallu fuq it-turisti li jżuruna, dik l-esperjenza li ma setgħux jieħdu f’pajjiżi oħrajn.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li matul dan is-sajf kellna kullana ta’ attivitajiet organizzati mill-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti, mill-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu u mis-settur privat. Hu qal li dawn l-attivitajiet jinkludu Festa Mużika mtella’ mill-Orkestra Nazzjonali, il-Victoria International Arts Festival f’Għawdex, il-World Music Festival fil-Forti Sant’Jiermu, The Stradivari Season, il-Malta Jazz Festival, il-Classic Rock Festival u l-kunċert minn Eros Ramazzotti.
Francis Zammit Dimech qal li bejn il-5 u l-10 ta’ Awissu fit-teatru t-Tond tal-Kavallier ta’ San Ġakbu, qed ikun organizzat Drama Festival mill-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti. Hu qal li matul dawn il-jiem se jittellgħu xogħlijiet oriġinali ta’ disa’ gruppi teatrali ewlenin. Wirjiet minn Aleaeia, Cocoon, Du’, Icarus project, Lemonhead, Playhouse, Stagebreeze, OnCue u Urbania se jittellgħu kuljum fil-jiem tal-festival.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li l-attivitajiet kulturali tas-sajf huma popolari ħafna billi qed joffru għażla wiesgħa ta’ attivitajiet li jmissu l-gosti ta’ kulħadd. Hu qal li l-festival tad-Drama kien joffri opportunita’ eċċitanti lil dawk kollha li jħobbu d-drama biex jsegwu l-aħħar rappreżentazzjonijiet tat-teatru Malti. Hu irringrazzja lill-HSBC li qed jisponsorjaw l-Attivitajiet Kulturali għas-Sajf 2004, lil Lino Mintoff li qed jikkoordina l-attivitajiet u lil kull min qed jikkontribwixxi biex dawn l-attivitajiet ikunu suċċess.
Stqarrijiet Oħra:
PR261943
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR261942en