S.A.I.L. – SPECIALISED ANIMATED INTERACTIVE LEARNING
Il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni Louis Galea nieda l-proġett ‘s.a.i.l.’ – Specialised Animated Interactive Learning. Dan il-proġett huwa riżultat ta’ ħidma bejn kumpaniji privati Maltin u barranin, il-Fakulta’ ta’ l-Edukazzjoni ta’ l-Universita’ ta’ Malta u Kulleġġ Olandiż. Dan il-proġett rċieva fondi mill-Kummissjoni Ewropea taħt il-programm Socrates/Minerva. ‘s.a.i.l.’ għandu tlett elementi ta’ importanza li jagħmluh proġett innovattiv, anke għaliex is-sieħba f’dan il-proġett irniexielhom ipoġġuhom flimkien għall-ġid ta’ l-istudenti u ta’ l-għalliema. Dawn it-tlett elementi huma:
- L-ambjent multi-kulturali li qiegħed kull ma jmur isir aktar evidenti fl-iskejjel primarji tagħna. Din mhix esperjenza ta’ pajjiżna biss u hu riżultat ta’ ċirkostanzi relattivament ġodda f’pajjiżna;
- Sistema ġdid ta’ tagħlim fl-iskejjel primarji fejn l-istudenti jidraw x’jgħinhom jitgħallmu waħedhom. Dan il-proġett qiegħed jaħdem biex tidħol il-kultura ġdida fejn studenti jaħdmu fi gruppi taħt sorveljanza ta’ l-għalliema, jieħdu responsabilitajiet tagħhom fix-xogħol fil-grupp biex jiksbu ħiliet li jservuhom għal ħajjithom kollha.
- L-użu tal-kompjuters b’mod li l-istudenti, taħt direzzjoni ta’ l-għalliema, jitgħallmu dwar minoritajiet kulturali fl-Ewropa. Il-konsorzju qiegħed jibni għodda ta’ software li ser tkun disponibbli għall-iskejjel kollha mingħajr ħlas. Din l-għodda tikkonsisti fi browser li se jgħin lill-istudenti jibnu proġetti dwar dawn il-gruppi kulturali u f’parti oħra li ser tkun biss għall-għalliema. Il-parti li tinvolvi l-għalliema se tgħinhom jippjanaw xogħol ma’ l-istudenti, se tagħtihom l-opportunita’ li jirriflettu dwar il-metodi li jkunu qiegħdin jużaw fil-klassi, kif ukoll iqabblu dak li kienu jagħmlu qabel ma dak li jkunu qiegħdin jagħmlu permezz ta’ din l-għodda ġdida.
Il-proġett ‘s.a.i.l.’ beda f’Ottubru tas-sena 2002, u minn dak iż-żmien saru pilot studies ma’ għalliema li minn jeddhom għażlu li jieħdu sehem f’dan il-proġett. Huma taw sehemhom biex din l-għodda ġiet mibnija madwar l-‘klient’ li huma l-għalliema stess. Dawn l-għalliema issa qed jippreparaw biex jibdew il-proġett. Fil-fażi li jmiss l-għalliema se jkunu qed jużaw is-software qabel ma jsiru l-irtokki finali biex finalment jitħejja l-Pakkett Edukattiv li jitqassam fl-iskejjel.
Parti importanti tal-proġett huma tlett konferenzi li ser jiġu organizzati mill-konsorzju f’din is-sena.
L-ewwel konferenza ser tkun f’Bologna u se tkun organizzata fil-bini tal-Fakulta’ ta’ l-Edukazzjoni ta’ l-Universita’ ta’ Bologna. Din il-konferenza se tkun dwar l-ambjent multi-kulturali l-ġdid fl-iskejjel primarji. Fiha ser ikun hemm tlett kelliema ewlenin minn Universitajiet mir-Renju Unit u mill-Italja kif ukoll konsulent tal-Kunsill ta’ l-Ewropa. Din il-konferenza internazzjonali ser issir bejn il- 15 u s-17 ta’ April 2004.
It-tieni konferenza internazzjonali ser issir f’Malta bejn it-2 u l-4 ta’ Settembru 2004 u se ssir fil-lukanda SAS Radisson Baypoint Hotel. Din il-konferenza ser ikollha bħala suġġett l-Użu tal-Kompjuters fl-Iskejjel Primarji. Għal din il-konferenza ukoll ser jiġu tlett kelliema ta’ relevanza internazzjonali mir-Renju Unit. L-Island Hotels Group qiegħdin jagħtu l-assistenza tagħhom lil dan il-proġett permezz ta’ għajnuna logistika.
It-tielet konferenza ser tkun fi Brussel bejn id-9 u l-11 ta’ Settembru 2004 u ser tkun dwar metodi ta’ edukazzjoni li jinkludu studenti b’ħiliet u bi bżonnijiet differenti fil-klassijiet primarji. It-tlett kelliema ewlenin għal din il-konferenza ser ikunu mill-Istati Uniti.
L-għalliema li ħadu sehem fil-proġetti pilota ser jiġu mistiedna u ser jiġu iffinanzjati biex jattendu għal dawn il-konferenzi biex huma jagħmlu preżentazzjoni dwar l-esperjenza tagħhom dwar il-proġett. Ser jiġu ippubblikati ukoll skemi ta’ benefiċċji biex għalliema, lecturers u edukaturi Maltin ikunu mgħejjuna jattendu u jipparteċipaw fit-tlett konferenzi.
F’diskors li għamel, il-Ministru Louis Galea tkellem dwar l-importanza ta’ proġetti bħal dawn li bl-involviment tad-diversi imsieħba fl-edukazzjoni jinħolqu għodod biex l-edukazzjoni tat-tfal tkompli titjieb partikolarment bl-użu tat-teknoloġija ta’ l-informatika. Il-Ministru qal li l-għalliema jridu jagħrfu l-opportunitajiet li joffru d-diversi medja u t-teknoloġija biex filwaqt li jagħmlu l-esperjenza tat-tagħlim aktar interessanti u effettiva jappellaw għat-tfal u żgħażagħ li llum għandhom għażliet wiesgħin. Il-Ministru semma l-bidliet kbar li qed iseħħu madwarna u li huma rifless fl-iskejjel tagħna. Hu qal li l-ebda għalliem ma jista jissogra li ma jkunx aġġornat mal-bidliet li qed iseħħu partikolarment fl-użu tat-teknoloġija. Hu qal li jekk il-klassi mhux se toffri l-istess interess, entużjażmu u interattivita’ li qed joffru medja oħrajn, it-tfal u ż-żgħażagħ se jarawhom bħala xi ħaġa antikwata u skaduta li ma jkunux jistgħu jirrelataw magħha.
Il-Ministru temm iħeġġeġ lil aktar istituzzjonijiet u kumpaniji privati biex jieħdu inizjattivi simili u jużaw sew il-programmi u l-finanzjament li toffri l-UE għax minn proġetti bħal dawn kulħadd jiggwadanja. Fl-istess waqt il-Ministru ħeġġeġ lill-għalliema biex jinvolvu ruħhom f’dan il-proġett biex inkomplu nżidu l-għodod edukattivi li għandna għal uliedna.
Indirizzaw il-konferenza stampa wkoll ir-Rettur ta’ l-Universita’ Prof. Roger Ellul Micallef, Dr. Carmel Borg Dekan tal-Fakulta’ ta’ l-Edukazzjoni, Dr. Leonard Bezzina Kap tat-Teachers’ Resource Centre u s-Sinjura Michelle Caruana Dingli li tikkoordina l-parti akkademika tal-proġett u Dr. Antoine Gambin koordinatur tal-proġett. L-isponsors tal-proġett jinkludu l-Island Hotels Group, Macintosh Computers u Air Malta.
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en