SITT PROGETTI FUQ TOROQ IDENTIFIKATI BIEX JIBBENIFIKAW MILL- FONDI TA' L-UNJONI EWROPEA
L-impenn tal-Gvern biex itejjeb it-toroq arterjali u distributorji ta’ Malta malli jintemm ix-xogħol li qed isir bil-fondi tal-Protokol Taljan ser ikompli b’sitt proġetti li ser ikunu iffinanzjati mill-Fondi ta’ Koeżjoni u Fondi Strutturali tal-Unjoni Ewropeja.
Meta kien qed iżur ix-xogħolijiet ta’ rikostruzzjoni li għaddejjin bħal issa fuq il-kurutur ċentrali ta’ toroq arterjali u distributorji f’Malta, il-Prim Ministru, l-Onor. Dr. Lawrence Gonzi qal li l-Kabinett tal-Ministri wasal biex japprova il-lista ta’ proġetti fuq toroq oħra li ser jibbenefikaw minn fondi tal-Unjoni Ewropea.
Ix-xogħol fuq numru ta’ toroq li qed isir bil-fondi tal- Protokol Taljan miexi b’ritmu mgħaġġel fuq tlett meded ta’ toroq. Għal dan il-proġett ġew allokati €30 miljun jew Lm12.5 miljuni. Ix-xogħol irid jitlesta sal-aħħar tas-sena d-dieħla.
Il-Prim Ministru qal li f’dan il-proġett, il-Gvern ħa ħsieb li jagħti attenzjoni partikolari lill-immaniġġjar tat-traffiku biex jitnaqqas l-inkonvenjent lis-sewwieqa li normalment jużaw dawn it-toroq.
Fil-fatt fil-każ tax-xogħol li qed isir fuq Lot 1, il-Gvern nefaq Lm100,000 biex jingħata t-tarmac lil triq rurali li qed tintuża bħala triq alternattiva waqt li tkun qed tinqala t-triq prinċipali. Qed tingħata wkoll attenzjoni partikolari għas-sinjali biex is-sewwieqa jkunu jafu bl-għeluq ta’ dawn it-toroq.
Fil-parti l-kbira tat-toroq, qed jinbnew common service ducts biex is-servizzi jibdew jgħaddu minnhom.
L-istandard ta’ kostruzzjoni ta’ dawn it-toroq huwa tal-għola livell bl-għan li titjieb is-sigurta għal dawk li jużawhom. Fil-fatt qed isir realignment fuq meddiet sostanzjali minn dawn it-toroq biex ikun hemm inqas tidwir fihom. Barra minn hekk, iż-żrar tal-wearing course tat-tarmac ser jinġieb mill-Italja. Dan ser joffri livell ta’ grip ogħla minn dak li joffri iż-żrar ta’ Malta li għandu tendenza li jsir jiżloq biż-żmien
Il-Ministeru għall-Iżvilupp Urban u Toroq u l-Awtorita dwar it-Trasport qed isegwu mill-viċin ħafna il-progress ta’ dawn ix-xogħolijiet u qed isiru laqgħat regolari mal-kuntratturi Taljani. Qed jingħata ukoll l-appoġġ loġistiku kollu meħtieġ biex jiġi kkordinat ix-xogħol li qed isir mill-entitajiet parastatali u privati biex is-servizzi li jgħaddu minn dawn it-toroq jiġu mgħoddija mill-common service ducts.
Meta kien qed jindirizza lill-ġurnalisti, l-Prim Ministru, l-Onor Dr. Gonzi qal li dan il-proġett qed jippreżenta opportunita unika biex isseħħ technology transfer. L-eżekuzzjoni ta’ dawn ix-xogħolijiet fil-fatt ser tħalli mhux biss toroq tal-ogħla livell f’pajjiżna iżda anke għarfien ġdid fil-bini tat-toroq fost il-kumpanniji Maltin li jaħdmu f’dan is-settur.
Intant, waqt l-istess żjara, il-Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq, l-Onor. Jesmond Mugliett qal li malli jintemmu dawn ix-xogħolijiet, hu mistenni li jibda ix-xogħol fuq sitt proġetti identifikati biex jibbenefikaw mill-fondi ta’ koezjoni u fondi strutturali tal-Unjoni Ewropea. Wara l-approvazzjoni mill-Kabinett tal-Ministri u l-Unjoni Ewropea ikun jista’ jibda l-proċess tat-tenders.
Intant qed isiru studji biex jiġu identifikati il-proġetti li jistgħu jibbenefikaw mill-fondi tal-Unjoni Ewropea għall-budget li jmiss.
Is-sena li għaddiet tlesta it-Transport Infrastructure Needs Assessment (TINA) għas-sistemi ta’ trasport ta’ Malta u Għawdex. Dan l-istudju identifika x’titjib hemm bżonn fuq in-network ta’ toroq prinċipali f’pajjiżna fid-dawl taż-żieda fin-numru ta’ karozzi privati.
Bħal issa qed isiru Environment Impact Assessments u feasability studies mill-kumpannija Franċiża BECEOM fuq it-Trans European Network – Transport (TEN-T) ta’ Malta. Ir-rapport li ser ikun ippreżentat ser iservi ta’ bażi biex niżviluppaw strateġija fit-tul għat-toroq tagħna.
Minbarra l-opportunitajiet ta’ finanzjar minn barra, il-Gvern ser jinvesti fit-toroq anke mill-budgettiegħu. Għas-sena d-dieħla ser isir xogħol fuq tliet proġetti kbar – it-triq tax-Xatt tal-Birgu (fuq in-naħa tal-Kalkara), il-link bejn ix-Xatt tal-Gżira u r-roundabout tal-Kappara, u il-junctions għall-proġett tal-‘Park & Ride’.
Stqarrijiet Oħra:
PR261943
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR261942en