IL-MINISTRU GĦALL-IŻVILUPP URBAN U TOROQ IŻUR IX-XOGĦLIJIET MATUL IX-XATT TAL-BIRGU
Il-Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq, l-Onor. Jesmond Mugliett, dal-għodu żar iż-xogħlijiet ta’ restawr u rijabilitazzjoni li qed isiru mit-Treasury Development Company Ltd. fuq il-bini tat-Teżorerija fix-Xatt tal-Birgu u x-xogħol ta’ tisħiħ fuq il-moll ta’ Sant’ Anġlu.
F’ kummenti li ta lill-ġurnalisti waqt iż-żjara, il-Ministru Mugliett qal li t-tlestija tar-restawr ta’ dan il-bini u l-ftuħ tiegħu bi stabbilimenti kummerċjali huwa ħolqa importanti fir-riġenerazzjoni tax-Xatt tal-Birgu.
“Ladarba jitlesta, dan il-bini ser ikun qed jikkumplimenta l-attivitajiet l-oħra li diġa qabdu sew f’din iż-żona wara l-iżviluppi li saru fl-aħħar snin bħall-ftuħ tal-Casino di Venezia, il-Grand Harbour Marina,l-imħażen ta’ Caraffa kif ukoll dawk li ser iseħħu fil-futur,” qal il-Ministru Mugliett.
Bħalissa hemm tmien applikazzjonijiet pendenti ma’l-Awtorita ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) għal permessi ta’ żvilupp b’konnessjoni mal-Proġett tal-Kottonera.
L-ewwel fażi fil-proġett ta’ restawr u rijabilitazzjoni li qed isir minn din il-kumpanija sussidjarja ta’ Port Cottonera Ltd. jikkonsisti f’bini mill-ġdid tas-soqfa li ġarrbu ħsarat mill-elementi u tindif tal-ħitan. Din il-fażi ta’ restawr bdiet f’Mejju u mistennija titlesta f’Settembru. Wara jibda’ x-xogħol fuq l-installazzjoni tas-servizzi biex il-proġett kollu jkun lest qabel l-aħħar tas-sena. It-Teżorerija hija mifruxa fuq madwar 1,500 metru kwadru li ser jinkrew bħala spazju kummerċjali għal uffiċini u stabbilimenti ta’ l-ikel. Il-Capitanerie tal-Grand Harbour Marina ser tibda topera minn dan il-bini ukoll.
Intant għaddej xogħol intensiv fuq it-tisħiħ, re-alignment kif ukoll tkabbir tal-moll ta’ Sant Anġlu li ser joffri irmiġġi għas-super yachts filwaqt li l-bini tal-blokok residenzjali wasal fl-aħħar fażijiet tiegħu tant li dan diġa beda jilqa’ l-ewwel residenti.
Waqt żjara li għamel fuq il-moll ta’ Sant’ Anġlu, il-Ministru Mugliett qal li minbarra ix-xogħol ta’ tisħih u re-alignment li qed jitħallas mill-Gvern, il-moll li jkopri medda ta’ 3862 metru kwardru ser jitkabbar b’952 metru kwadru b’estensjoni ta’ 50 metru tul lejn il-ponta ta’ Sant’Anglu. Ix-xogħol fuq din l-estensjoni qed jitħallas mill-Grand Harbour Marina.
Il-Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq qal li l-Gvern huwa impenjat li jkompli jsaħħaħ il-proċess ta’ riġenerazzjoni li għaddej bħal issa fil-Kottonera.
" Il-proġett tal-Kottonera qed jissarraf f’qawmien mill-ġdid għal din iż-żona. Il-Gvern ser ikompli jagħti l-ħabel lil dan il-proċess b’inizjattivi ġodda.
“Is-sena d-dieħla ser issir ir-rikostruzzjoni tat-triq ta’ taħt is-swar tal-Birgu fuq in-naħa tal-Kalkara. Iżda l-iżvilupp l-aktar importanti fix-xhur li ġejjin ser ikun il-publikazzjoni ta’ brief għall-Baċir Numru 1 u l-inħawi tal-madwar. L-għan aħħari hu li x-xatt ta’ Bormla jiġi riġenerat u jingħata ħajja ġdida l-istess bħal ma qed isir fil-Birgu,” temm jgħid il-Ministru Mugliett.
Other Press Releases:
PR261943
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR261942en