Left arrow Go Back

APPOĠĠ GĦALL-PARTEĊIPAZZJONI TA’ MALTA FL-OLIMPJADI

PR1202
Date Icon 21/07/2004

“Il-Gvern hu mpenjat li jagħti l-appoġġ kollu possibbli biex il-parteċipazzjoni ta’ pajjiżna f’kompetizzjonijiet internazzjonali tkun waħda attiva u li tagħti lill-atleti Maltin l-opportunita’ biex jilħqu l-milja tagħhom.”  Dan qalu l-Ministru responsabbli ghall-Isport, Louis Galea waqt konferenza stampa fejn ġew preżentati l-atleti li se jipparteċipaw fl-Olimpjadi li se jsiru f’Ateni.

Il-Gvern, permezz tal-Kunsill Malti ta’ l-iSport (KMS) qed jagħti appoġġ finanzjarju lill-Kumitat Olimpiku Malti.  Is-Sur Franco Azzopardi, Chairman tal-KMS, ippreżenta ċekk ta’ Lm 70,000 lill-Kumitat Olimpiku Malti.  Minbarra dan il-KMS qed tagħti wkoll ‘Gym Membership’ lil aktar minn 100 atleta ‘elite’, b’valur ta’ aktar minn Lm10,000.  

Il-Ministru Louis Galea qal li hu għandu fiduċja li bl-għajnuna u bl-appoġġ ta’ kulħadd, l-atleti Maltin jistgħu jilħqu livelli tajbin f’diversi dixxiplini.  Hu qal li fil-każ ta’ l-atleta Malti William Chetcuti, il-Gvern u l-KMS sabu soluzzjoni biex Chetcuti jkun jista’ jkompli jaħdem, filwaqt li jagħmel it-taħriġ neċessarju fid-dixxiplina ta’ l-isparar fuq il-plattini.  Louis Galea ħeġġeġ lill-oqsma pubbliċi oħrajn kif ukoll lis-settur privat biex jagħmlu minn kollox biex jgħinu lill-atleti li jaħdmu magħhom, kemm għax dan ikompli jħeġġeġ kultura ta’ kompetizzjoni u saħħa tajba, kif ukoll biex l-atleti lokali igawdu mill-istess kundizzjonijiet bħal atleti barranin.  

“Ghan-nom tal-gvern Malti nwassal ġest ta’ apprezzament u gratitudni għal dawk l-atleti Maltin u Għawdxin kollha li wettqu ħidma ta’ kull sena għall-ġid tad-dixxiplina li jkunu għażlu, ġid edukattiv u eknomiku tal-pajjiż”, kompla l-Ministru, “kif ukoll nuri apprezzament tal-ħidma kostanti tal-KMS u l-Kumitat Olimpiku Malti (KOM) flimkien ma’ assoċazzjonijiet sportivi li jaħdmu biex imexxu l-quddiem l-isport ta’ diversi dixxiplini.” Hu fisser li hemm ħafna tajjeb u li ħafna drabi dan it-tajjeb ma jiġix rikonoxxut. L-impenn kostanti ta’ l-atleti u l-ħidma tagħhom biex isibu l-eċċellenza fid-dixxiplina tagħhom iġġib magħha aspetti posittivi ħafna li jolqtu mhux biss lill-atleti nfushom iżda wkoll lil dawk ta’ madwarhom u lill-poplu ġenerali.  

Il-Ministru qal li l-atleti huma role models tajbin ħafna għall-poplu tagħna. Meta l-atleti jikkompetu fi spirtu ta’ ħbiberija ma’ pajjiżi oħrajn, f’impenn kollettiv mat-tim tagħhom, b’manjera edukata u f’osservanza ta’ regolamenti, huma eżempju tajjeb ta’ kif irridu nigħxu f’kull attività soċjo-ekonomika.  

Il-ġvern qed jagħmel li jista’ biex jgħin f’dak li għandhom bżonn l-atleti kemm b’għajnuna finanzjarja kif ukoll b’investiment f’faċilitajiet sportivi u b’inkoraġġiment u stima. Il-Gvern qed jaħdem ukoll biex fis-sistema edukattiv, l-isport ikun aktar preżenti, immexxi aħjar milli hu mmexxi llum u li jqarreb aktar nies lejn l-ogħla livelli sa minn ċkunithom.  

“Il-fatt li l-atleti waslu s’hawn u l-fatt li l-KOM ser ikun preżenti, huwa diġa ta’ sodisfazzjon għalina. Jien nista’ nassigurakom li diġa qed tagħmlu unur lill-poplu Malti u Għawdxi u ta’ dan nirringrazzjakom u nawguralkom illi ttejbu r-rekords li s’issa diġa ksibtu”,  temm jghid il-Ministru Galea. 

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Id-Dipartiment tar-Radjoloġija f’San Vinċenz mistenni jaqbeż l-20,000 eżami fl-2026

PR261943

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  The Speaker of the House of Representatives highlights Malta’s climate vulnerabilities and the role of parliaments at the IPU Parliamentary Meeting on COP31 in Türkiye

PR261942en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...

More Press Releases Right arrow