Left arrow Mur Lura

FAŻI ĠDIDA FIT-TMEXXIJA TA’ L-EDUKAZZJONI

PR120
Date Icon 02/02/2004

Il-ftehim tal-Gvern ma’ l-Union ta’ l-Għalliema (l-MUT) jiftaħ it-triq għal fażi ġdida fit-tmexxija ta’ l-edukazzjoni permezz ta’ miżuri ġodda ta’ fejda, li jtejbu l-kwalita` u r-riżultati tal-proċess tat-tagħlim f’Malta. Il-ftehim jorbot flimkien l-ogħla gradi ta’ l-uffiċjali fl-edukazzjoni, fi klassi maniġerjali, b’miri ċari favur professjonaliżmu fit-tmexxija ta’ skejjel aktar awtonomi u fil-verifika ta’ l-assikurazzjoni tal-kwalita` tat-tagħlim fl-iskejjel kemm ta’ l-Istat, tal-Knisja u dawk Privati. Il-gradi ta’ uffiċjali pubbliċi koperti b’dan il-ftehim ġdid huma l-Kapijiet ta’ l-Iskejjel ta’ l-Istat, l-Uffiċjali Edukattivi, u l-Assistenti Diretturi ta’ l-Edukazzjoni.

Il-ftehim kien iffirmat illum wara nofs in-nhar fil-Ministeru tal-Edukazzjoni fil-preżenza tal-Ministru ta’ l-Edukazzjoni, l-Onor. Louis Galea. Għan-naħa tal-Gvern iffirmaw is-Segretarju Permanenti, is-Sur Charles Mizzi, id-Direttur Ġenerali ta’ l-Edukazzjoni Dr. Cecilia Borg, id-Direttur Ġenerali tal-Management and Personnel Office, is-Sur Joe Izzo, u Ufficjali mill-Ministeru tal-Finanzi, s-Sur Mario Debattista. Għan-naħa tal-Union iffirmaw il-President is-Sur John Bencini, is-Segretarju Ġenerali s-Sur Joe Degiovanni, il-Vici President Anzjan is-Sur Carmelo Busuttil, u l-Viċi President, is-Sur Joe Cilia Vincenti.

Fost ħwejjeġ oħra, il-ftehim mal-Malta Union of Teachers itejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ l-Assistenti Diretturi ta’ l-Edukazzjoni, Uffiċjali Edukattivi (Education Officers) u l-Kapijiet ta’ Skejjel. Dan it-titjib qiegħed iseħħ bħala għarfien ta’ responsabbiltajiet ġodda li huma qed jassumu fit-tħaddim tar-riformi u tal-pjan ta’ żvilupp nazzjonali li l-Gvern qed iwettaq fil-qasam edukattiv. Qiegħed isir ukoll bħala rikompens għall-aċċettazzjoni min-naħa tal-Union li l-uffiċjali f’dawn il-gradi huma membri tal-korp manigerjali anzjan fi ħdan is-servizz edukattiv.

Fi Frar 2001, kien milħuq ftehim ieħor bejn l-MUT u l-Gvern għal titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-għalliema kollha bħala rikompens għall-impenn meħtieġ u għar-responsabbilitajiet fit-tħaddim tal-Kurrikulu Nazzjonali. Fin-negozjati tal-ftehim tal-2001 dwar l-għalliema, kien gie miftiehem li l-gradi ogħla edukattivi ta’ Kap ta’ Skola, Uffiċjal Edukattiv u Assistent Direttur jiġu diskussi f’qafas differenti, li jqis dawn il-gradi bħala parti mit-team maniġerjali nazzjonali tas-sistema edukattiv, b’impenn sħiħ għat-twettiq ta’ l-objettivi tal-Kurrikulu Nazzjonali. Fil-ftehim tal-2001, fost miżuri oħra, l-għalliema fis-settur pubbliku kisbu d-dritt li jimxu mill-inqas skala ta’ pagi għall-akbar skala ta’ pagi tal-grad f’sittax-il sena minflok f’għoxrin. In-negozjati dwar il-gradi maniġerjali seħħew fl-istess spirtu ta’ djalogu u intemmu bl-iffirmar tal-ftehim ta’ llum.

Il-ftehim jifrex it-triq għal twettiq ta’ aktar miżuri ta’ fejda fil-qasam edukattiv li huma maħsuba li jtejbu il-kwalita` tat-tagħlim u t-tmexxija ta’ l-iskejjel fi ħdan politika ta’ skejjel aktar awtonomi. F’dan il-kuntest, ir-rwol tal-Kapijiet tal-Iskejjel Statali hu mistenni li jissaħħaħ bi dmirjiet u drittijiet li jagħmlu minnhom mexxejja edukattivi aktar effettivi.

Il-ftehim jipprovdi għall-ewwel darba għat-twaqqif tal-Verifika tal-Kwalita’ Skolastika (School Quality Audits). Wara li d-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni flimkien ma’ l-iskejjel u l-MUT żviluppat sistema ta’ evalwazzjoni nterna tal-kwalita’ tat-tagħlim fl-iskejjel, issa ser jibda l-proċess ta’ evalwazzjoni esterna tal-kwalita’ tat-tagħlim mogħti f’kull skola.

Ġie miftiehem li l-uffiċjali kollha fil-gradi maniġerjali tad-Diviżjoni tal-Edukazzjoni jieħdu parti attiva fil-Verifika Skolastika li ser jibda jseħħ mis-sena skolastika li jmiss. Kull tim ta’ awdituri ta’ l-iskejjel ikun immexxi minn Uffiċjal Prinċipali Edukattiv (Principal Education Officer) – pożizzjoni ġdida fis-sistema edukattiv.

Id-dħul ta’ sistema ta’ assikurazzjoni esterna ta’ kwalita’ (Quality Assurance) fit-tmexxija ta’ kull skola u fil-provvediment ta’ tagħlim mogħti minn kull skola, għandu jpoġġi lill-Edukazzjoni Maltija fl-istess livell milħuq mis-servizz edukattiv ta’ pajjiżi oħra żviluppati, li fihom dan il-proċess ta’ assikurazzjoni ta’ kwalita` tat-tagħlim ilu jitħaddem għal bosta snin.

Fil-ftehim ta’ llum, il-Malta Union of Teachers reġgħet ikkonfermat, b’mod aktar kategoriku, l-appoġġ tagħha għat-tħaddim tal-Kurrikulu Nazzjonali ġewwa l-Iskejjel. L-iżviluppi kollha huma mistennija li jseħħu, fażi wara oħra, aktar ma’ tissaħħaħ id-deċentralizzazzjoni ta’ l-iskejjel statali, bi djalogu sħiħ ma’ kull min hu involut, inkluża l-Union.

Il-Ministru Louis Galea irringrazzja lill-uffiċjali tal-Gvern, b’mod partikolari lis-Sur Charles Mizzi, is-Segretarju Permanenti, u lis-Sinjuri John Bencini u Joe Degiovanni, il-President u s-Segretarju Generali tal-MUT, kif ukoll uffiċjali oħra u Kunsill tal-MUT, għas-sehem importanti tagħhom fin-negozjati u l-ftehim tal-lum. Il-Ministru Louis Galea fisser il-ftehim bħala l-ġebla tax-xewka għat-trasformazzjoni sħiħa tas-sistema edukattiv Malti fis-snin li ġejjin. Il-Ministru Galea qal li fil-ġimgħat li ġejjin ser iniedi proċess ta’ djalogu nazzjonali ma’ kull min hu involut biex jippreżenta l-proposti tiegħu għar-riġenerazzjoni tas-sistema edukattiv mil-livell ta’ l-ewwel snin għal dak terzjarju u ta’ tagħlim tul il-ħajja.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA  Inawgurat bust ta’ Ġorġ tal-Mużew fl-Isptar Mater Dei b’tifkira tal-ħidma tiegħu fost dawk vulnerabbli

PR261936

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERATION OF THE GRAND HARBOUR  ERA launches anniversary publication: A decade of protecting Malta’s natural future

PR261935en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR ENERGY, THE ENVIRONMENT AND THE REGENERAT...

Aktar Stqarrijiet Right arrow