MILJUNI KBAR F’GĦAJNUNA LILL-BDIEWA U R-RAĦĦALA
M’huwiex veru li l-Gvern għandu jagħti Lm1 miljun lill-bdiewa Maltin.
Il-fatti huma li l-uniku pagament pendenti li għandu l-Ministeru ghall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent huwa lill-proċessuri tat-tadam. Ta’ min jgħid li l-flus dovuti, għadhom ma tħallsux mhux b’kapriċċ; iżda għax għadhom qed ikunu vverifikati t-talbiet. Il-ħlas isir biss wara li jkun konfermat li r-regoli finanzjarji kollha ġew osservati. Din hija proċedura normali li tiggarantixxi serjeta’.
Mill-banda l-oħra, kuntrarju għal dak li ddikjara l-Kelliem ta’ l-Oppożizzjoni l-Onor. Noel Farrugia, m’hemm ebda dejn jew pagamenti pendenti oħrajn.
Minkejja d-dubju li qed jipprova jitfa’ l-Onor. Noel Farrugia, il-Gvern m’għandu ebda ħlasijiet x’jgħaddi lis-settur tat-tjur, għaliex f’dan il-każ, intlaħaq is-ceiling li kien negozjat ma’ l-Unjoni Ewropea. Dan is-ceiling kien negozjat skond livelli storiċi ta’ l-aħħar snin; u l-Gvern onora l-obbligazzjonijiet kollha tiegħu f’dan is-settur.
Li ma jgħidx l-Onor. Noel Farrugia hu li l-Gvern ħallas ma’ l-Lm4.6 miljuni lill-bdiewa u r-raħħala Maltin fl-aħħar sena w nofs. Il-Kelliem ta’ l-Oppożizzjoni lanqas ma jgħid li matul is-sena d-dieħla l-bdiewa u r-raħħala Maltin se jieħdu madwar Lm11 miljun, li minnhom madwar Lm7 miljuni huma flus ġejjin mill-Gvern Malti. Dan minbarra għajnuniet oħra diretti mill-Unjoni Ewropea li l-bdiewa u r-raħħala Maltin jistgħu jkunu eliġibbli għalihom.
Stqarrijiet u dikjarazzjonijiet bħal dawn iservu biss biex tinżera’ l-biża’ fost il-poplu Malti. Minkejja dan it-tfixkil, se nkomplu naħdmu biex nassiguraw li pajjiżna jieħu l-opportunitajiet kollha li se tfisser is-sħubija fl-Unjoni Ewropea.
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en