JINGHATAW TENDERS GĦAL XOGĦLIJIET FUQ TOROQ F’ŻONI INDUSTRIJALI U L-BYPASS TAL-IMTARFA
Id-Direttorat tat-Toroq fi ħdan l-Awtorita dwar it-Trasport għadu kemm temm il-proċess t’aġġudikazzjoni għal xogħlijiet fuq toroq f’żewġ żoni industrijali u l-bypass tal-Imtarfa. Il-valur totali ta’ dawn it-tenders jaqbez il-Lm1 miljun.
Ix-xogħol aġġudikat f’dawn it-tenders mistenni jibda dalwaqt u ser isir waqt li jkun għaddej ix-xogħol fuq numru ta’ toroq arterjali u distributorji li qed jinqalgħu mill-qiegħ u jinbnew mill-ġdid, bejn Tarġa Gap u Ħal-Luqa, liema xogħol qed ikun iffinanzjat mill-Ħames Protokol finanzjarju bejn Malta u l-Italja.
Ix-xogħlijiet li ser isiru fiż-żoni industrijali tal-Mosta u l-Imrieħel jinkludu l-bini ta’ passaġġi, il-pedamenti u l-wiċċ tat-triq. Dan il-proġett mistenni jtejjeb il-moviment tal-vetturi kummerċjali f’dawn iż-żoni u jtejjeb il-kundizzjoni tax-xogħol tal-ħaddiema mpjegati mal-fabbriki u l-intrapriżi kummerċjali li joperaw minnhom.
Id-Direttorat tat-Toroq diġa kkordina x-xogħol mal-kumpanniji tas-servizzi biex is-servizzi jiġu mgħoddija fil-ġenb tat-triq jew taħt il-bankini. Għal dan l-għan, ser jinbnew numru ta’ services culverts biex xogħol ta’ manutenzjoni fuq is-servizzi jkun jista’ jsir mingħajr ma ssir ħsara lill-wiċċ tat-triq. Proġetti simili kienu saru fil-passat fil-parti ta’ fuq taż-żona industrijali tal-Mrieħel, f’tal-Ħandaq u Ħaż-Żebbuġ.
Wieħed mill-fatturi li ngħataw importanza waqt id-diżinn ta’ dawn it-toroq kienet l-inklużjoni ta’ sistema għall-immaniġġjar tax-xita biex ma ssirx ħsara lill-wiċċ tat-triq. Għal dan l-għan ser jitqiegħed network ta’ pajpijiet ta’ dijametru li jiflaħ l-ilma kollu li jinġabar f’dawn l-inħawi.
It-toroq li ser jerġgħu jinbnew fiż-Żona Industrijali tal-Mosta jinkludu Triq il-Ballut, Triq iż-Żnuber, Triq il-Kappar, Triq l-Għarghar, Triq il-Parsott, partijiet minn Triq il-Fortizza, Triq Nikol Muscat, Triq Filippu Apap Bologna u Triq tas-Sriedaq.
Il-proġett fiż-żona industrijali tal-iMrieħel hu magħmul mill-bini mill-ġdid ta’ Triq l-Industrija, Triq il-Kummerċ, Triq il-Ħaddieda, Triq is-Snajja, Triq il-Bankiera, Triq is-Salib and Triq l-Għajn.
B’kollox b’dawn il-proġetti ser jingħataw mal-35,000 metru kwadru ta’ tarmac.
Intant ingħata tender ieħor għall-aħħar fażi fil-bini tal-bypass tal-Imtarfa. Ix-xogħol f’din it-triq ser ikompli bl-għoti tat-tarmac lin-naħa li tagħti lejn ir-Rabat.
It-tlestija ta’ din it-triq arterjali hija marbuta max-xogħlijiet iffinanzjati mill-Protokol Taljani li qed isiru fuq toroq oħra f’din in-naħa ta’ Malta, minħabba li ser tintuża fil-pjan għat-treġija tat-traffiku meta x-xogħol jasal fiż-żona taċ-Ċimiterju Militari tal-Mtarfa.
Stqarrijiet Oħra:
PR261942en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...
PR261942